Park Nazzjonali ta' Niokolo-Koba
Il-Park Nazzjonali ta' Niokolo-Koba (bil-Franċiż: Parc National du Niokolo Koba, PNNK) huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u żona protetta naturali fix-Xlokk tas-Senegal qrib il-fruntiera mal-Guinea. Il-park huwa moqdi mill-Ajruport ta' Niokolo-Koba b'mitjar mhux pavimentat.
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Dan is-sit ġie stabbilit bħala riżerva fl-1925,[1] u bħala park nazzjonali tas-Senegal fl-1 ta' Jannar 1954. Il-park twessa' fl-1969, u fl-1981 tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u bħala Riżerva ta' Bijosfera MAB tal-UNESCO.[2] Fl-2007 is-sit tniżżel fil-lista tas-siti tal-UNESCO fil-periklu.
Mill-2005, iż-żona protetta titqies bħala Unità ta' Konservazzjoni tal-Iljuni.[3]
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park jinsab f'reġjun ta' artijiet għoljin li minnhom tnixxi l-parti ta' fuq tax-xmara Gambja, lejn il-Majjistral tal-fruntiera mal-Guinea. Il-park ta' bijosfera stess ikopri xi 9,130 kilometru kwadru, f'ark kbir mir-Reġjun ta' Casamance/Kolda ta' Fuq fil-fruntiera mal-Guinea-Bissau sar-Reġjun ta' Tambacounda ftit mijiet ta' kilometri mill-fruntiera mal-Guinea qrib ix-Xlokk tas-Senegal. L-altitudni tiegħu jvarja minn 16-il metru sa għoli ta' 311 metri.
Flora
[immodifika | immodifika s-sors]Il-biċċa l-kbira tal-park hija savanna tal-boskijiet u foresti semiaridi Sudaniżi, b'irqajja' kbar ta' artijiet mistagħdra bis-siġar u artijiet mistagħdra staġonali. Il-park fih iktar minn 1,500 speċi ta' pjanti u 78 % tal-foresti fil-beraħ fis-Senegal.
Bosta siġar u arbuxxelli huma miksija b'veġetazzjoni folta tul ix-xtut tax-xmara, u din il-veġetazzjoni tinbidel skont l-art u l-ħamrija. Fil-widien u fil-pjanuri, hemm żoni enormi fejn tikber is-savanna tal-ħaxix u tal-ispeċi Vetiveria. Il-bwar tal-ħaxix twil tipikament jikkonsistu mill-Paspalum arbiculare u mill-Echinochloa. Fil-foresti nexfin jikbru speċijiet Sudaniżi. Hemm ukoll żoni fejn jikber il-bambù.
Fil-widien u fil-foresti tawwalin, l-ispeċijiet jirriflettu l-klima tan-Nofsinhar tal-Guinea, u hemm prevalenza kbira tal-ljani tropikali.
L-ispeċijiet semiakkwatiċi jgħixu fuq max-xtut tax-xmara, u l-pjanti annwali li jgħebu meta jogħla l-ilma tax-xmara spiss jikbru fil-pjanuri tal-għargħar bir-ramel. Fit-tarf tal-għadajjar, hemm foresti nexfin u savanna bil-ħaxix li jikbru skont il-livell ta' umdità jew il-kumpattezza tal-ħamrija. Xi kultant arbuxxelli ħoxnin imsejħa Mimosa pigra jokkupaw iċ-ċentru tal-artijiet mistagħdra.
Fawna
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park nazzjonali huwa magħruf għall-organiżmi selvaġġi tiegħu. Skont stimi tal-gvern tas-Senegal il-park fih 20 speċi ta' anfibji, 60 speċi ta' ħut, 38 speċi ta' rettili (erba' minnhom fkieren tal-art). Hemm madwar 80 speċi ta' mammiferi. Dawn (sal-2015 kienu) jinkludu madwar 11,000 buflu, 6,000 ippopotamu, 400 eland ġgantesk tal-Punent, 50 iljunfant, 120 iljun, 150 chimpanzee, 3,000 waterbuck (Kobus ellipsiprymnus), 2,000 duiker komuni (Sylvicapra grimmia), għadd mhux magħruf ta' xadini colobus ħomor (Colobus badius rufomitratus) u ftit leopardi Afrikani u klieb selvaġġi tal-Punent tal-Afrika rari (Lycaon pictus manguensis), għalkemm kien maħsub li din l-ispeċi kienet inqerdet mill-pajjiż.
Mammiferi oħra jinkludu l-għażżiela, il-babwini tal-Guinea, ix-xadini ħodor, ix-xadini patas u l-ħnieżer selvaġġi tan-nejbiet.
Fi ħdan il-park intlemħu madwar 330 speċi ta' għasafar, l-iktar notevoli fosthom huwa l-pitarra tal-Arabja, il-grawwa tal-kappa sewda, il-buċerotidu tal-art tal-Abissinja (Bucorvus abyssinicus), l-ajkla Polemaetus bellicosus, il-bateleur (Terathopius ecaudatus), u l-papra ta' wiċċha abjad (Dendrocygna viduata).
Hemm ukoll rettili, fosthom tliet speċijiet ta' kukkudrilli u erba' speċijiet ta' fkieren tal-art.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Niokolo-Koba ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ J. E. Madsen, D. Dione, A. S. Traoré, B. Sambou, "Flora and vegetation of Niokolo-Koba National Park, Senegal", p.214, in L. J. G. Van der Maesen, X. M. van der Burgt, J. M. van Medenbach de Rooy (eds.), The Biodiversity of African Plants. Springer, 1996, ISBN 978-0792340-95-9.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Niokolo-Koba National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-25.
- ^ IUCN Cat Specialist Group (2006). Conservation Strategy for the Lion West and Central Africa. Yaounde, il-Kamerun: IUCN.