Park Nazzjonali ta' Ichkeul

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta filgħodu tal-muntanja ta' Ichkeul.

Il-Park Nazzjonali ta' Ichkeul jew il-Lag ta' Ichkeul (bl-Għarbi: بحيرة اشكل, b'ittri Rumani: Buḥayra ʾIshkul) huwa lag fit-Tramuntana tat-Tuneżija, li jinsab 15-il kilometru mit-Tramuntana ta' Mateur u 20 kilometru (12-il mil) fil-Lbiċ ta' Bizerte, l-iżjed belt fit-Tramuntana tal-Afrika mal-Baħar Mediterran. Il-lag u l-artijiet mistagħdra tal-Park Nazzjonali ta' Ichkeul huma punt importanti fejn kull sena jieqfu jistrieħu mijiet ta' eluf ta' għasafar tal-passa. Xi għasafar li jżuru l-lag huma l-papri, il-wiżż, iċ-ċikonji u l-fjamingi roża. Il-kostruzzjoni ta' digi fejn ix-xmajjar li jalimentaw il-lag ipproduċew bidliet kbar fil-bilanċ ekoloġiku tal-lag u tal-artijiet mistagħdra.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-seklu 13, fir-renju tad-dinastija Hafsid, il-Lag ta' Ichkuel kien riżerva. Iktar 'il quddiem, fil-bidu tas-seklu 20, sar sit ta' dominju pubbliku taħt it-tmexxija tal-Franċiżi. Fl-1980, il-Park Nazzjonali ta' Ichkeul sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Peress li d-digi naqqsu ferm il-fluss tal-ilma ħelu lejn il-lag u l-imraġ, il-qasab, is-sogħda u speċijiet ta' pjanti oħra tal-ilma ħelu ġew sostitwiti bi pjanti li jħobbu l-ilma salmastru. Dawn il-bidliet ipproduċew tnaqqis ħesrem fil-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-passa, li jiddependu fuq it-taħlita ta' pjanti li kienu jeżistu qabel.

Skont l-UNESCO, il-gvern tat-Tuneżija ħa xi passi biex iħares l-ilma ħelu u jnaqqas is-salinità, u l-Park Nazzjonali tneħħa mil-lista tas-siti fil-periklu fl-2006.

Madankollu, xi rapporti mill-Unjoni Dinjija tal-Konservazzjoni jissuġġerixxu li s-salinità diġà saret wisq għolja u l-possibbiltà ta' riabilitazzjoni jaf qiegħda tgħeb malajr.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Lag ta' Ichkeul.

Il-Park Nazzjonali ta' Ichkeul ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[1] Bejn l-1996 u l-2006 il-Park Nazzjonali tniżżel ukoll fil-lista tas-siti fil-periklu. Il-Park Nazzjonali huwa ġestit mill-Ministeru għall-Agrikoltura tat-Tuneżija. Il-pjanta li tarmi l-fjuri Teucrium schoenenbergeri Nabli li tinstab biss fit-Tuneżija ġie maħsuda fl-1965 fil-Park Nazzjonali.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Ichkeul National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-15.