Park Irjali ta' Studley
Il-Park Irjali ta' Studley (bl-Ingliż: Studley Royal Park), inkluż il-fdalijiet tal-Abbazija ta' Fountains, huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-Tramuntana ta' Yorkshire, l-Ingilterra.[1] Is-sit għandu erja ta' 323 ettaru u jinkludi ġnien pajsaġġistiku tas-seklu 18, uħud mill-ikbar fdalijiet Ċisterċensi fl-Ewropa, villa ta' żmien Ġakbu I u knisja Vittorjana ddisinjata minn William Burges. Il-park ġie żviluppat madwar il-fdalijiet tal-Abbazija Ċisterċensa ta' Fountains.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Abbazija u Villa ta' Fountains
[immodifika | immodifika s-sors]L-Abbazija ta' Fountains ġiet stabbilita fl-1132 mill-patrijiet Benedittini li telqu mill-Abbazija ta' Santa Marija, York biex isegwu l-ordni taċ-Ċisterċensi. Wara x-xoljiment tal-monasteri fl-1539 minn Enriku VIII, il-binjiet tal-Abbazija u iktar minn 200 ettaru ta' art inbigħu mill-Kuruna lil Sir Richard Gresham, merkant. Il-proprjetà għaddiet minn ġenerazzjoni għall-oħra tal-familja Gresham, imbagħad inbiegħet lil Stephen Proctor li bena l-Villa ta' Fountains probabbilment bejn l-1598 u l-1604. Il-villa ta' żmien Ġakbu I nbniet parzjalment mill-ġebel tal-fdalijiet tal-Abbazija. Il-mitħna tal-Abbazija ta' Fountains għadha intatta bħala binja, u hija l-iktar mitħna tad-dris monastika tal-qamħirrum li għadha teżisti fl-Ewropa.[3]
Proprjetà ta' Studley
[immodifika | immodifika s-sors]Mill-1452 'il quddiem, fil-proprjetà rjali ta' Studley kienet tgħix il-familja Mallory, b'mod partikolari l-Membri Parlamentari John Mallory u William Mallory.[4] John Aislabie wiret il-proprjetà ta' Studley mingħand ħuh il-kbir fl-1693. Huwa kien il-Membru Parlamentari Konservattiv għal Ripon fl-1695, u fl-1718 sar Kanċillier tat-Teżor. Aislabie kien sponsor prinċipali tal-iskema tal-Kumpanija tal-Baħar tan-Nofsinhar, u ħallas għaliha personalment. Fl-1720, meta din l-operazzjoni finanzjarja enormi falliet, huwa tkeċċa mill-Parlament u ġie skwalifikat għal għomru mill-karigi pubbliċi.
Aislabie reġa' lura f'Yorkshire u ddedika lilu nnifsu għall-ħolqien tal-ġnien li kien beda fl-1718. Wara mewtu fl-1742, ibnu William estenda l-iskema tiegħu billi xtara l-fdalijiet tal-Abbazija u l-Villa ta' Fountains. Huwa estenda ż-żona pajsaġġistika bl-istil Romantiku pittoresk, b'kuntrast mal-formalità ta' xogħol missieru. Bejniethom, it-tnejn li huma ħolqu dak li jista' jitqies bħala l-iżjed Ġnien tal-Ilma importanti tas-seklu 18 fl-Ingilterra.
Wara l-mewt ta' William, il-proprjetà għaddiet għand bintu Elizabeth Allanson u mbagħad għand in-neputija tagħha, is-Sinjura Elizabeth Sophie Lawrence, li għexet hemm mill-1808 sa mewtha fl-1845. Imbagħad għaddiet għand Thomas de Grey, it-tieni Konti de Grey, qarib mill-bogħod, li mal-mewt tiegħu fl-1859 il-proprjetà għaddiet għand in-neputi tiegħu l-Markiż ta' Ripon u l-Viċire tal-Indja, li bena l-Knisja ta' Santa Marija fil-park. Mal-mewt ta' Frederick Robinson, it-tieni Markiż ta' Ripon fl-1923, il-proprjetà nxtrat minn kuġintu Clare George Vyner.
Fl-1966, il-proprjetà nxtrat mill-West Riding County Council u fl-1983 għaddiet f'idejn in-National Trust.
Villa Rjali ta' Studley
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Villa Rjali ta' Studley kienet tinsab fit-tarf tal-Majjistral tal-park. Oriġinarjament kienet villa Medjevali, b'binja prinċipali b'binjiet mehmuża magħha ħerġin 'il quddiem, ħadet in-nar fl-1716 u reġgħet inbniet minn John Aislabie. Huwa mela ċ-ċentru tal-binja, u magħha ibnu William żied portiku fl-1762 sabiex jikkompleta d-dehra Palladjana.
Il-binja nqerdet bin-nirien fl-1946. Blokka kbira bl-istalel, li nbniet bejn l-1728 u l-1732, għadha teżisti u issa ġiet ikkonvertita f'dar privata (54° 7'30.55"N 1°34'34.82"W).
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1966, il-proprjetà nxtrat mill-West Riding County Council u ġiet akkwistata min-National Trust fl-1983. Iż-żona tal-Abbazija hija ġestita mill-English Heritage f'isem in-National Trust. Fl-1986, il-park kollu ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Mill-1994, il-proprjetà ġiet inkluża wkoll fi ħdan iż-Żona ta' Sbuħija Naturali Straordinarja ta' Nidderdale.
Karatteristiċi ewlenin
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park jinkorpora l-Abbazija ta' Fountains, il-Villa ta' Fountains, u għadd ta' karatteristiċi storiċi notevoli oħra.
Ġnien tal-Ilma tal-Park Irjali ta' Studley
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ġnien tal-ilma fil-Park Irjali ta' Studley maħluq minn John Aislabie fl-1718 huwa wieħed mill-aqwa eżempji ppreservati ta' ġonna tal-ilma Ġorġjani fl-Ingilterra. Ġie mwessa' minn ibnu William li xtara l-Proprjetà ta' Fountains biswit. Il-lagi, il-kanali, it-tempji u l-kaskati ornamentali eleganti tal-ġnien jipprovdu veduta attraenti u drammatika wara l-oħra. Huwa mżejjen b'għadd ta' binjiet ornamentali, fosthom kastell Neo-Gotiku u dar tal-banketti bi stil Palladjan.
Knisja ta' Santa Marija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Knisja ta' Santa Marija kienet waħda minn żewġ knejjes Vittorjani aħħarin ta' mafkar f'Yorkshire, li nbniet mill-familja tal-ewwel Markiż ta' Ripon bħala mafkar ta' Frederick Grantham Vyner. Il-knisja l-oħra hija l-Knisja ta' Kristu li Jikkonsla f'Skelton-on-Ure, u l-arkitett taż-żewġ knejjes kien William Burges. Vyner inqatel minn ħallelin Griegi fl-1870, u ommu s-Sinjura Mary Vyner, u oħtu s-Sinjura Ripon, użaw ir-rahan mhux minfuq li kien inġabar biex jinħeles, sabiex jinbnew iż-żewġ knejjes bħala mafkar għall-memorja ta' Vyner fil-proprjetajiet rispettivi ta' Yorkshire. Il-ħatra ta' Burges bħala arkitett x'aktarx li waslet minħabba l-konnessjoni bejn l-ikbar patrun tiegħu, John Crichton-Stuart, it-tielet Markiż ta' Bute u Vyner, li kien ħabib tiegħu f'Oxford. Il-Knisja ta' Santa Marija, fuq il-proprjetà tas-Sinjura Ripon fil-Park Irjali ta' Studley, ġiet ikkummissjonata fl-1870 u x-xogħol beda fl-1871. Il-knisja ġiet ikkonsagrata fl-1878. Bħal fi Skelton, id-disinn ta' Burges jesprimi bidla mill-istil Franċiż bikri li kien ippreferut minnu għal stil Ingliż. Pevsner jikteb dwar "santwarju Vittorjan, ħolma tal-glorja Ingliża Bikrija". Minn ġewwa, il-knisja hija spettakolari, u tisboq lil dik ta' Skelton bħala rikkezza u kemm hi maestuża. Il-ħġieġ ikkulurit huwa ta' kwalità partikolarment għolja. Il-Knisja ta' Santa Marija hija l-"kapulavur ekkleżjastiku" ta' Burges.[5]
Park taċ-Ċriev
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park taċ-ċriev Medjevali, fejn tinsab il-knisja, jospita bejn 300 u 350 ċerva u diversi speċijiet ta' flora u ta' fawna. Fil-Park Irjali ta' Studley hemm tliet tipi ta' ċriev: iċ-ċerva ħamra, id-dajn u ċ-ċerva ta' Sika.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Studley Royal Park including the Ruins of Fountains Abbey". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-28.
- ^ "Fountains Abbey and Studley Royal Water Garden". National Trust (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-28.
- ^ Coppack, Glyn (2009). Fountains Abbey. Amberley. p. 122. ISBN 978-1-84868-418-8.
- ^ "MALLORY, Sir John (1555/6-1619), of Studley Royal, nr. Ripon, Yorks. | History of Parliament Online". www.historyofparliamentonline.org. Miġbur 2021-11-28.
- ^ "Find events near you". English Heritage. Miġbur 2021-11-28.