Palermo Għarbija-Normanna u l-Katidrali ta' Cefalù u Monreale
Palermo Għarbija-Normanna u l-Katidrali ta' Cefalù u Monreale hija sensiela ta' disa' strutturi reliġjużi u ċiviċi li jinsabu fil-kosta tat-Tramuntana ta' Sqallija u li jmorru lura għal żmien ir-Renju tan-Normann ta' Sqallija (1130-1194): żewġ palazzi (u kappella fi ħdan wieħed minnhom), tliet knejjes, katidral u pont f'Palermo, kif ukoll il-katidrali ta' Cefalù u Monreale.[1] Dawn l-istrutturi ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015.[2]
Storja u restawr
[immodifika | immodifika s-sors]Il-mexxejja Normanni ta' Sqallija bnew diversi strutturi bi stil magħruf bħala stil Għarbi-Normann. Huma inkorporaw l-aqwa prattiki tal-arkitettura Għarbija u Biżantina fl-arti tagħhom stess.[3] Ta' min jinnota li d-disa' strutturi nbnew minn bennej differenti, u huma kkollegati flimkien minħabba l-arkitettura kondiviża tagħhom u peress li nbnew kollha bejn wieħed u ieħor fl-istess perjodu.[4] Dawn is-siti flimkien isawru identità kondiviża fost iż-żoni fejn inbnew. Dan għaliex bosta nies għażlu li jżuru s-siti flimkien, mhux wieħed wieħed f'mawriet differenti. Dan iġġenera u għadu jiġġenera dħul kostanti mit-turiżmu.
Attwalment il-binjiet kollha jiġu mħarsa b'mod kontinwu u jiġu rrestawrati minn żmien għal żmien kull meta jkun hemm bżonn. Fost il-proġetti ta' restawr li jsiru hemm it-tindif tas-siti, iż-żamma tal-affreski u tal-mużajk, ir-riċerka kostanti biex kemm jista' jkun tinżamm id-dehra oriġinali waqt ir-restawr, u r-restawr strutturali biex jiġi żgurat li l-aċċess għas-siti jkun sikur u l-binjiet ikunu sodi strutturalment.[5]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2015, Palermo Għarbija-Normanna u l-Katidrali ta' Cefalù u Monreale ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
Il-valur universali straordinarju tad-disa' strutturi ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Strutturi
[immodifika | immodifika s-sors]Binja | Belt | Ritratt |
---|---|---|
Il-Palazz Irjali jew il-Palazz tan-Normanni | Palermo | |
Il-Kappella Palatina tal-Palazz Irjali | Palermo | |
(Il-Palazz ta') Zisa | Palermo | |
Il-Katidral tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna | Palermo | |
Il-Knisja ta' San Ġwann tal-Eremiti | Palermo | |
Il-Knisja tal-Martorana | Palermo | |
Il-Knisja ta' San Cataldo | Palermo | |
Il-Pont tal-Ammirall | Palermo | |
Il-Katidral ta' Cefalù | Cefalù | |
Il-Katidral ta' Monreale | Monreale |
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "The Thinking Traveller | Exclusive luxury villa holidays". The Thinking Traveller (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-04.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Arab-Norman Palermo and the Cathedral Churches of Cefalú and Monreale". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-04.
- ^ Antonino Buttitta; J -Y Marin; Jean-Marie Levesque; Musée de Normandie, Les Normands en Sicile: XIe-XXIe siècles : histoire et légendes, 5 Continents, 2006, p. 14.
- ^ Johnson, Mark (1994). "The Episcopal and Royal Views at Cefalu". Gesta. 33 (4): 118–131.
- ^ Prescia, R. (2017). "Arab-Norman Heritage: State of Knowledge and New Actions and Innovative Proposal (PDF). The International Archives of the Photogrammetry, Remote Sensing and Spatial Information Sciences. 42W4: 535" (PDF).