Aqbeż għall-kontentut

Pajsaġġ Karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Is-Sit Karstiku ta' Shilin.

Il-Pajsaġġ Karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina (biċ-Ċiniż simplifikat: 中国南方喀斯特; biċ-Ċiniż tradizzjonali: 中國南方喀斯特; bil-Pinjin: Zhōngguó Nánfāng Kāsītè) huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minn Ġunju 2007[1] u jinsab fil-provinċji ta' Chongqing, Guangxi, Guizhou u Yunnan taċ-Ċina. Huwa magħruf għall-karatteristiċi u għall-pajsaġġi karstiċi kif ukoll għall-bijodiversità rikka. Is-sit huwa magħmul minn seba' raggruppamenti li ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji uniku tal-UNESCO f'żewġ fażijiet: fl-2007 tniżżlu s-Siti Karstiċi ta' Libo, ta' Shilin u ta' Wulong, u fl-2014 tniżżlu s-Siti Karstiċi ta' Guilin, ta' Shibing, ta' Jinfoshan u ta' Huanjiang. L-UNESCO tiddeskrivi l-Pajsaġġ Karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina bħala "uniċi f'termini ta' diversità ta' karatteristiċi u pajsaġġi karstiċi".[2]

L-erja tal-Pajsaġġ Karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina hija ta' madwar 550,000 km2. L-art karstika turi tranżizzjoni ġeomorfika gradwali 'l isfel sa madwar 2,000 metru fuq wisa' ta' iktar minn 700 kilometru mill-Promontorju ta' Yunnan-Guizhou tal-Punent (b'elevazzjoni medja ta' 2,100 metru) sal-Baċir ta' Guangxi tal-Lvant (b'elevazzjoni medja ta' 110 metri). Ir-reġjun huwa rikonoxxut bħala l-iżjed post fid-dinja fejn joħroġ fid-dieher l-iżvilupp tal-artijiet karstiċi fit-tropiċi u fis-subtropiċi umdużi.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pajsaġġ Karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007 u ġie estiż fl-2014.[1] Huwa magħmul minn seba' raggruppamenti karstiċi f'erba' provinċji: is-Sit Karstiku ta' Shilin, is-Sit Karstiku ta' Libo, is-Sit Karstiku ta' Wulong, is-Sit Karstiku ta' Guilin, is-Sit Karstiku ta' Shibing, is-Sit Karstiku ta' Jinfoshan, u s-Sit Karstiku ta' Huanjiang. L-erja totali tal-qalba tas-sit hija ta' 97,125 ettaru, b'żona ta' lqugħ ta' 176,228 ettaru.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]

Fi ħdan il-Pajsaġġ Karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina hemm diversità ta' pajsaġġi karstiċi kontinentali spettakolari u ikoniċi, inkluż torrijiet karstiċi (fenglin), pinnakli karstiċi (shilin) u koni karstiċi (fengcong), kif ukoll fenomeni karstiċi oħra bħall-formazzjonijiet karstiċi ta' Tiankeng (ħofor ġganteski), muntanji ċatti u fniedaq. Barra minn hekk, hemm ukoll bosta sistemi kbar ta' għerien b'depożiti speleotemiċi rikki. Il-karatteristiċi karstiċi u d-diversità ġeomorfoloġika tal-Pajsaġġ Karstiku tan-Nofsinhar taċ-Ċina huma rikonoxxuti b'mod mifrux bħala fost l-aqwa fid-dinja. Ir-reġjun jista' jitqies bħala s-sit ewlieni globali għal tliet tipi ta' formazzjonijiet karstiċi: fenglin (torrijiet karstiċi), fengcong (koni karstiċi) u shilin (pinnakli karstiċi jew foresti tal-ġebel). Il-pajsaġġ għad għandu l-biċċa l-kbira tal-veġetazzjoni naturali tiegħu, u dan jirriżulta f'varjazzjonijiet staġonali u jżid il-valur estetiku straordinarju tal-inħawi.

Il-pajsaġġ jinkludi l-iżjed sensiela rappreżentattiva spettakolari u xjentifikament sinifikanti ta' formazzjonijiet u pajsaġġi karstiċi tan-Nofsinhar taċ-Ċina, minn promontorju intern għoli għal pjanuri tal-artijiet baxxi, u jikkostitwixxi l-aqwa eżempju fid-dinja ta' pajsaġġ karstiku tropikali jew subtropikali umduż.

ID Isem
1248-001 Is-Sit Karstiku ta' Shilin – il-Foresta tal-Ġebel ta' Naigu (biċ-Ċiniż: 乃古石林)


fil-Kontea Awtonoma tal-Yi f'Shilin

1248-002 Is-Sit Karstiku ta' Shilin – il-Villaġġ ta' Suogeyi (biċ-Ċiniż: 所各邑村)


fil-Kontea Awtonoma tal-Yi f'Shilin

1248-003 Is-Sit Karstiku ta' Libo – Xiaoqijong (biċ-Ċiniż: 小七孔)


fil-Kontea ta' Libo

1248-004 Is-Sit Karstiku ta' Libo – Dongduo (biċ-Ċiniż: 洞多)


fil-Kontea ta' Libo

1248-005 Is-Sit Karstiku ta' Wulong – il-Ħofra Ġganteska ta' Qingkou (Tiankeng) (biċ-Ċiniż: 箐口天坑)


fil-Kontea ta' Wulong

1248-006 Is-Sit Karstiku ta' Wulong – it-Tliet Pontijiet Naturali (biċ-Ċiniż: 天生三桥)


fil-Kontea ta' Wulong

1248-007 Is-Sit Karstiku ta' Wulong – l-Għar ta' Furong (biċ-Ċiniż: 芙蓉洞)


fil-Kontea ta' Wulong

1248-008 Is-Sit Karstiku ta' Guilin – Putao Fenling

fil-Kontea ta' Yangshuo

1248-009 Is-Sit Karstiku ta' Guilin – Lijiang Fengcong

fil-Kontea ta' Yangshuo

1248-010 Is-Sit Karstiku ta' Shibing

fil-Kontea ta' Shibing

1248-011 Is-Sit Karstiku ta' Jinfoshan

f'Chongqing

1248-012 Is-Sit Karstiku ta' Huanjiang

fil-Kontea Awtonoma tal-Maonan f'Huanjiang

  1. ^ a b ċ "South China Karst". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-04.
  2. ^ "Twenty-two new sites inscribed on UNESCO's World Heritage List, and one deleted during Committee meeting in Christchurch". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-04.