Aqbeż għall-kontentut

Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa

Bandiera tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa
Tip Aġenzija speċjalizzata tal-Ġnus Magħquda
Akronimi ODS, WHO
Kap Dr. Margaret Chan
Stat Attiva
Fundazzjoni 7 ta' April 1948
Kwartieri ġenerali Ġinevra, Żvizzera
Sit www.who.int

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, jew ODS (bl-Ingliż: World Health Organization, WHO), hija istituzzjoni intergovernattivita fi ħdan il-Ġnus Magħquda. L-għan tal-ODS, li tinvolvi 193 stat membru (sal-2010), hu li l-ġnus kollha fid-dinja jilħqu l-ogħla livell ta' saħħa possibbli.

Il-Kostituzzjoni tal-ODS ġiet approvata fl-1946 u daħlet fis-seħħ fis-7 April 1948. Dan il-jum jitfakkar kull sena bħala l-Jum Dinji tas-Saħħa.


L-ODS taqdi żewġ għanijiet kostituzzjonali ewlenin :

1. li sservi ta’ awtorità sabiex tmexxi u tikkordina xogħol fuq is-saħħa fil-qasam internazzjonali

2. li tinkuraġġixxi koperazzjoni teknika fuq is-saħħa mal-Istati Membri.


L-ODS taqdi dmirijietha permezz ta’ tliet strutturi ewlenin: l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, il-Bord Eżekuttiv u s-Segretarjat.

• Il-Kwartieri Ġenerali tal-ODS qegħdin Ġineva fl-iSvizzera.

• Waħda mill-karatteristiċi tal-ODS hija d-deċentralizzazzjoni tagħha. Hemm sitt reġjuni, kull wieħed minnhom bil-Kumitat Reġjonali u bl-Uffiċċju Reġjonali tiegħu.


Għan u Funzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Bħala l-awtorità li tmexxi u tikkordina x-xogħol fuq is-saħħa fil-qasam internazzjonali, kif miktub fil-Kostituzzjoni tagħha, l-ODS għandha bħala għan “li l-ġnus kollha jilħqu l-ogħla livell ta’ saħħa possibbli”. Hija telenka b’mod partikolari numru ta’ responsabbiltajiet, fosthom:

  • li tgħin il-gvernijiet, fuq talba tagħhom, isaħħu s-servizzi tas-saħħa;
  • li twettaq u żżomm is-servizzi amministrattivi u tekniċi meħtieġa, inkluż dawk epidemjoloġiċi u statistiċi;
  • li tipprovdi tagħrif, pariri u għajnuna fil-qasam tas-saħħa;
  • li tistimula l-qerda ta’ mard epidemiku, endemiku u forom ta’ mard ieħor;
  • li tippromwovi titjib fin-nutriment, l-akkomodazzjoni, sanità, kundizzjonijiet tax-xogħol, u aspetti oħra tal-iġjene ambjentali;
  • li tippromwovi koperazzjoni fost gruppi xjentifiċi u professjonali li jikkontribwixxu għat-titjib tas-saħħa;
  • li tipproponi konvenzjonijiet internazzjonali u ftehim dwar kwistjonijiet ta' saħħa;
  • li tippromwovi u twettaq riċerka fil-qasam tas-saħħa;
  • li tiżviluppa standards internazzjonali għall-ikel, prodotti farmaċewtiċi u bioloġiċi; u
  • li tgħin l-iżvilupp fost il-ġnus kollha ta' opinjoni pubblika infurmata dwar kwistjonijiet ta' saħħa.

L-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tinżamm f'Mejju ta' kull sena, normalment f'Ġinevra, u jattendu għaliha delegazzjonijiet mill-iStati Membri kollha. Ix-xogħlijiet ewlenin tagħha huma li jiġi approvat il-baġit tal-programm fuq sentejn, u li jittieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ewlenin ta' politika. L-Assemblea tas-Saħħa hija l-ogħla struttura deċiżjonali.


Il-Bord Eżekuttiv hu magħmul minn 34 individwu teknikament ikkwalifikat fil-qasam tas-saħħa, kull wieħed maħtur minn Stat Membru elett mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa għal dan l-għan. L-iStati Membri jiġu eletti għal perjodu ta’ tliet snin, u l-individwi li huma jaħtru jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom. Il-Bord jiltaqa' minn tal-inqas darbtejn fis-sena; il-laqgħa ewlenija ssir normalment f'Jannar, b'laqgħa oħra iqsar f'Mejju, dritt wara l-Assemblea tas-Saħħa. Il-funzjonijiet ewlenin tal-Bord Eżekuttiv huma li jġibu fis-seħħ id-deċiżjonijiet u l-politika tal-Assemblea tas-Saħħa, biex jagħtuha pariri u biex jiffaċilitaw ix-xogħol tagħha b’mod ġenerali.


Is-Segretarjat huwa magħmul minn 8000 espert fuq is-saħħa u oqsma oħra, kemm fil-kategoriji professjonali u servizz ġenerali, li jaħdmu kemm fil-kwartieri ġenerali, kif ukoll fis-sitt uffiċċji reġjonali u fil-pajjiżi. Is-Segretarjat huwa mmexxi mid-Direttur Ġenerali (DĠ) tal-ODS, li huwa maħtur mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fuq in-nominazzjoni tal-Bord Eżekuttiv. Id-Direttur Ġenerali huwa megħjun minn Viċi Direttur Ġenerali u l-Assistenti Diretturi Ġenerali.


Id-Diretturi Ġenerali mill-1948 'l hawn huma :

Isem Snin fil-ħatra Pajjiż
1 Brock Chisholm 1948–1953 Kanada Kanada
2 Marcolino G. Candau 1953–1973 Brażil Brażil
3 Halfdan T. Mahler 1973–1988 Danimarka Danimarka
4 Hiroshi Nakajima 1988–1998 Ġappun Ġappun
5 Gro Harlem Brundtland 1998–2003 Norveġja Norveġja
6 Lee Jong-Wook 2003–2006 Korea t'Isfel Korea t'Isfel
7 Anders Nordström 2006–2007 Żvezja Żvezja
8 Margaret Chan 2007– Ċina Ċina

Id-Direttur Ġenerali preżenti, Dr Margaret Chan, inħatret mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fid-9 Novembru 2006. Qabel ma saret Direttur Ġenerali, Dr Chan kellha l-kariga ta’ Assistent DĠ għall-Mard Infettiv kif ukoll Rappreżentant tad-Direttur Ġenerali għall-Influwenza Pandemika. Qabel ma ssieħbet fl-ODS, hija kienet id-Direttur tas-Saħħa f’Hong Kong. Matul id-disa' sena tagħha bħala direttur, Dr Chan iffaċċjat l-ewwel epidemija fost il-bniedem tal-influwenza tat-tjur H5N1 fl-1997. Hija rnexxielha tikkontrolla l-każi tas-sindromu respiratorju akut qawwi (severe acute respiratory syndrome, SARS) f'Hong Kong fl-2003. Hi nediet ukoll servizzi ġodda għall-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni tas-saħħa.


Deċentralizzazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Waħda mill-karatteristiċi tal-ODS hija d-deċentralizzazzjoni tagħha f’sitt reġjuni, kull wieħed minnhom magħmul minn Kumitat Reġjonali u Uffiċċju Reġjonali. Kull Uffiċċju Reġjonali huwa mmexxi minn Direttur Reġjonali.

L-Uffiċċji Reġjonali huma responsabbli biex jifformulaw politika ta' natura reġjonali u għal attivitajiet ta' monitoraġġ reġjonali. F'ħafna pajjiżi, l-ODS għandha Rappreżentant residenti, li huwa responsabbli mill-attivitajiet tal-ODS fil-pajjiż, u li jagħti appoġġ lill-gvern fl-ippjanar u fit-tmexxija tal-programmi nazzjonali tas-saħħa.

Madwar 40% tal-istaff kollu tal-ODS jaħdem fil-pajjiżi nnifishom fuq programmi tas-saħħa jew bħala Rappreżentanti tal-ODS; 30% jinsabu fis-sitt Uffiċċji Reġjonali; u 30% fil-kwartieri ġenerali f'Ġinevra. Il-mappa hawn taħt turi kif inhuma mqassmin ir-Reġjuni kif ukoll il-lok tas-sitt Uffiċċji Reġjonali:

World Health Organization. Facts about WHO. Geneva : World Health Organization, 1990. Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. http://www.who.int

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]