Muntanja Qingcheng
Il-Muntanja Qingcheng (biċ-Ċiniż: 青城山; bil-Pinjin: Qīngchéng Shān) hija muntanja sagra tat-Taoiżmu f'Dujiangyan, Chengdu, Sichuan, iċ-Ċina.[1]
Il-muntanja titqies bħala wieħed mill-postijiet tat-twelid tat-Taoiżmu u wieħed mill-iżjed siti reliġjużi tat-Taoiżmu fiċ-Ċina. Skont il-mitoloġija Taoista, il-muntanja kienet is-sit fejn l-Imperatur Isfar kien jistudja ma' Ning Fengzi. Bħala sit importanti tat-Taoiżmu, il-muntanja tospita bosta monasteri u tempji Taoisti. B'kollox il-Muntanja Qingcheng għandha 36 quċċata. Il-muntanja tospita wkoll iċ-Ċentru tal-Pandas Ġganteski ta' Dujiangyan u mis-sena 2000 tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Fl-2008, il-Muntanja Qingcheng ġiet affettwata mit-Terremot ta' Wenchuan.[3][4]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-142 W.K., l-ewwel Mastru Ċelestjali Zhang Daoling żviluppa l-Mogħdija tal-Ħames Ħbub tar-Ross, moviment prominenti fit-Taoiżmu. Bosta mill-elementi essenzjali tat-Taoiżmu oriġinaw mit-tagħlim u mill-prattiki tat-tempji li kienu nbnew fuq il-muntanja matul żmien id-dinastiji Jin u Tang. B'kollox hemm 11-il tempju Taoista fuq il-muntanja, u l-Muntanja Qingcheng kienet ċentru spiritwali u filosofiku importanti sas-seklu 17.[2]
Attrazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Palazz ta' Jianfu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Palazz ta' Jianfu jinsab fil-bażi tal-Muntanja Zhangren u nbena għall-ewwel darba mid-dinastija Tang u kemm-il darba ġie rinnovat mid-dinastiji ta' wara. Illum il-ġurnata għad fadal biss żewġ swali u tliet kumplessi tad-dinastija Qing. Il-fiġuri ewlenin tat-twemmin Taoist jiġu meqjuma fis-Sala Prinċipali tal-Palazz ta' Jianfu. Fil-Paviljun ta' Weixin, il-gwardarobba tal-Prinċipessa Konsorti tal-Prinċep Qingfu tmur lura għad-dinastija Ming.
Dan kien l-ewwel tempju Taoista fil-Muntanja Qingcheng.[1]
Għar ta' Chaoyang
[immodifika | immodifika s-sors]L-Għar ta' Chaoyang jinsab fil-bażi tal-quċċata prinċipali tal-Muntanja Laoxiao. L-għar huwa fond u okkażjonalment jinżlu qtar tal-ilma mis-saqaf tiegħu. L-Għar ta' Chaoyang fih ukoll tempju Taoist mill-isbaħ li nbena taħt irdumijiet weqfin tal-Muntanja Qingcheng.[1]
Palazz ta' Shangqing
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Palazz ta' Shangqing jinsab fil-quċċata tal-Muntanja Qingcheng f'altitudni ta' iktar minn 1,500 metru. Il-palazz jimmarka t-tmiem tal-mogħdija turistika tal-Muntanja Qingcheng. Il-binjiet bħas-Sala ta' Laojun, is-Sala ta' Sanqing, is-Sala ta' Wenwu, u s-Sala tal-Ipprietkar ta' Tao Te Ching fit-tempju Taoist tal-Palazz ta' Shangqing b'diversi relikwi kulturali, oriġinarjament inbnew matul żmien id-dinastija Jin.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Muntanja Qingcheng u s-Sistema tal-Irrigazzjoni ta' Dujiangyan ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterji (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d "Mount Qingcheng - One of the birthplaces of Chinese Taoism". www.chinaeducationaltours.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-30.
- ^ a b ċ d "Mount Qingcheng and the Dujiangyan Irrigation System". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-30.
- ^ Nan, Shun-xun; Foit-Albert, Beverly (2007). China's Sacred Sites. Himalayan Institute Press. p. 160. ISBN 9780893892623.
- ^ Hargett, James M. (16 February 2012). Stairway to Heaven: A Journey to the Summit of Mount Emei. SUNY Press. p. 54. ISBN 9780791482186.