Mario Azzopardi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
MarioAzzopardi.jpg

Mario Azzopardi (Ħamrun, 11 ta' Settembru 1944) huwa poeta, direttur teatrali u kritiku tal-arti Malti.

Ħajja[editja]

Mario Azzopardi twieled il-Hamrun f'familja tal-ħaddiema, l-ewwel wieħed minn sitt ulied. Kellu trobbija reliġjuża rigida li f'żgħożitu rreaġixxa kontrieha kif jixħdu ħafna poeżiji u kitbiet oħra tiegħu. Studja fil-Liċeo, fil-Kulleġġ tal-Għalliema u fl-Universita' ta' Malta, mnejn iggradwa (M.Pħil.) b'teżi dwar it-Teatru Komunitarju. Għallem l-arti, id-drama edukattiva u l-letteratura Maltija għal bosta snin fl-iskejjel statali u ħadem fil-Policy Unit tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Kultura bejn l-1998-2004, meta rtira mis-servizz pubbliku iżda xorta ntalab ikompli jmexxi ċ-Ċentru tad-Drama ta' Malta. Azzopardi jgħallem l-Istorja tat-Teatru tas-seklu 20 fl-Università ta' Malta.

Ħuwa kittieb prolifiku u versatili, u aktarx ħu l-aktar poeta Malti li esperimenta bi stili differenti, mill-vers "grafiku" sal-"poesej". Sa mill-1967 ilu attiv ukoll bħala ġurnalista kulturali u ħadem bħala artikolista ma' L-Orizzont, Tħe Malta Economist, Tħe Bullettin, Tħe Malta Independent, In-Nazzjon u Il-Mument. Kien ukoll l-editur tar-rivista letterarja xellugija Neo u tas-supplimenti kulturali Spektrum u Fokus li kienu ppubblikati mal-gazzetta Il-Mument. Bħala reġgista dderieġa x-xogħol ta' awturi klassiċi u kontemporanji għat-televżijoni u fl-1992 kien ħoloq u ppreżenta l-ewwel programm satiriku li qatt ixxandar fuq stazzjon tar-radju u li kien ħoloq reazzjonijiet imħalltin, l-aktar minħabba li mess temi "devozzjonali", meqjusin bħala intokkabbli fil-media radjufonika.

Azzopardi kien wieħed mill-pijunieri tal-letteratura New Wave li tfaċċat f'Malta fis-snin Sittin, kif ukoll wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju, li kien twaqqaf fl-1967, sewwasew biex jikkonfronta 'l-istagnar fil-letteratura Maltija ta' dik l-epoka u biex jiddemokratizza l-letteratura billi jeħodħa għand il-poplu fl-imsieraħ, fit-triqat, f'ambjenti rurali u f'xatt il-baħar.

Kitba poetika[editja]

L-ewwel kitbiet ta' Azzopardi deħru f'antoloġiji ma' poeti oħra. (1968 - 1972). Sa mill-bidunett deher illi kien qed jisfida l-istatus quo letterarju, imxekkel kif kien b'forom u kontenut sorpassati. Azzopardi, flimkien ma' oħrajn, introduċa forom sperimentali, inkluż il-vers projettiv u ttratta temi li li sa dak iż-żmien kienu "ipprojbiti", fostħom is-sesswalità, l-ipokresija religjuża u l-pretensjoni parijottika.

Ħafna mill-poeżija tiegħu ħi bbażata fuq episodji biografiċi u tieħu ton konfessjonali li jitfa' dawl fuq l-indottrinazzjoni religjuża fi tfulitu; id-diffikultajiet kostanti fir-relazzjonijiet ma' nisa diversi li daħlu f'ħajtu; l-anjostiċiżmu religjuż tiegħu bħala adult u l-esperjenza tal-ħafna vjaġġi li għamel mħux bħala turist, imma bħala pellegrin fittiex. Aspett ieħor ċentrali fil-poeżija tiegħu għandu x'jaqsam mal-identifikazzjoni ma' nies li jbatu, kienu min kienu u għexu fejn għexu. It-timbri poetiċi l-aktar pronunzjati fil-poeżija tiegħu huma l-ironija, l-introspezzjoni, il-protesta, l-ambigwità, l-awto-definizzjoni, id-drammatiċità barokka, l-effett ta' dettalji istantanji, metaforizzazzjoni oriġinali, evokazzjoni grafika, is-sens ta' telfa u d-deformazzjoni grotteska.

Fost ix-xogħlijiet tiegħu nsibu l-kotba Demgħat tas-Silġ (1976), Passiflora (1977), Tabernakli (1979), Monokordi (1984). Noti mis-Sanatorju tal-Mistiċi (1995) u Skizzi tal-Karnival (2010). Fl-1995 ħuwa ġabar, flimkien ma' Oliver Friggieri, għadd ġmielħu ta' poeżiji u novelli b'temi ambjentali fil-ktieb L-Antoloġija tan-Natura, mitbugħ mis-Segretarjat Għall-Ambjent. Wieħed mill-aħħar kotba ppubblikati ta' Azzopardi deħer fl-2007, meta ħareg Alicia Titkellem mill-Imwiet (Merlin Library). Din hi antologija ta' stejjer b'kontenut soċjali indirizzata direttament liż-żgħażagħ u tinkludi temi bħall-pedofelija, il-manipulazzjoni tal-adolexxenti bil-medja, l-aljenazzjoni, it-traffikar tad-droga, ir-razziżmu u l-pregudizzju, fost l-oħrajn. Il-ktieb rebaħ premju nazzjonali għal-letteratura tal-adolexxenti.

It-tieni ktieb fuq temi simili, L-Aħħar Granet ta' Ciorni (pubblikazzjoni oħra tal-Merlin, 2009) rega' rebaħ il-premju nazzjonali għall-kitba għall-adolexxenti, filwaqt li s-sena ta' wara, Azzopardi għaqqad triloġija ta' volumi b'narrattiva għaż-żgħażagħ meta ppubblika Vampir (Horizons). Dan il-krieb ħoloq kontroversja qalila minħabba li t-Taqsima tal-Libreriji għall-Iskejjel imblukkatu mill-iskejjel sekondarji. Kien ħemm bosta protesti min-naħa tal-medja u l-Ministeru tal-Edukazzjoni ħatar kummissjoni apposta biex tistħarreg il-każ u tara jekk Vampir ħuwiex adattat għall-iskejjel. Il-kummissjoni ħarget b'verdett pożittiv anzi, qalet li kotba bħal dawk ta' Azzopardi ħuma neċessarji biex jimmaturaw lill-istudenti. Il-ktieb kien irrakkomandat għall-klassijiet il-kbar tas-sekondarji, jiġifieri dawk tar-raba' u l-ħames sena.

Fl-2010 Mario Azzopardi ħareg Skizzi tal-Karnival ktieb ta' ta' poesaġġi, terminu li fil-letteratura lokali kien għadu qatt ma ntuża. Azzopardi joħloq sensiela ta' saġġi poetiċi li bosta minnhom għandhom laqta' parodika jew grotteska. Iżda hemm ukoll bċejjeċ fejn il-poeżija tiddomina fuq kollox. Aspetti oħra interessanti jixħdu r-rabta li Azzopardi dejjem kellu mal-mottiv teatriku. Dan il-ktieb kiseb premju letterarju mniedi mill-Gvern. Fl-2012 ħareġ it-tieni ktieb ta' poesaġġi, Il-Fabbrikant tal-Marjunetti. Azzopardi hu wkoll l-editur ta' żewġ volumi dwar it-Teatru f'Malta, Kitbiet dwar it-Teatrin (2010) u Mhemmx bżonn Siparu (2012).

Kitba kritika[editja]

Bejn il-Vatikan, id-Duce u l-Kuruna

Huwa ppubblika wkoll sensiela ta' noti kritiċi fuq ix-xogħlijiet ta' drammaturgi importanti Maltin, fostħom Guże' Diaċono, Francis Ebejer u Alfred Sant. Xandar ukoll studju kontroversjali fuq il-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, permezz tal-ktieb maħruġ mill-P.E.G. fl-1993 - Bejn il-Vatikan, id-Duce u l-Kuruna.

Azzopardi jattakka l-pożizzjoni plaċida tal-poeta nazzjonali quddiem avvenimenti storiċi kruċjali, fosthom it-theddida tal-faxxiżmu f'Malta tas-snin Tletin, kif ukoll l-implikazzjonijiet soċjo-politiċi kollha tal-kolonjaliżmu, fejn il-qassis-poeta wera dejjem sottomissjoni inkondizzjonata lejn l-awtoritajiet Britanniċi. L-istoriku Frans Ciappara jara f'dan ix-xogħol estensjoni tal-qagħda ta' Azzopardi bħala anti-konvenżjonalista ewlieni. Ciappara jqis li Azzopardi qed iġiegħel lill-qarrejja jirridimensjonaw lil Dun Karm u jaraw jekk kienx konxju tal-qagħda soċjali tal-Maltin fi żmienu: għaliex it-temi li ħarbtu ruħ awturi kontemporanji bħal John Marks, Manwel Dimech u Juan Mamo ma ħallew l-ebda marka fuq ruħ il-poeta-saċerdot, li baqa' sieket quddiem tant miżerja?

Min-naħa l-oħra, il-kritiku Adrian Stivala jgħid li Azzopardi, b'reqqa ta' tiftix u dokumentazzjoni, jikkonfronta lil Dun karm ma' kurrenti soċjo-letterarji ta' żmienu stess u joħrog xbiha ta' poeta-qassis li kien iqis l-awtorità u l-poter bi skala vertikali, fejn l-ubbidjenza tal-kotra hi indispensabbli biex il-ftit ikollhom id-dritt li jiddeċiedu d-destin tas-soċjetà Maltija.

Għalkemm dan il-ktieb ma wasalx daqstant f'idejn il-qarrejja daqskemm appikk xtaq l-awtur innifsu, madanakollu fetaħ diskussjoni fuq perspettivi ġodda ta' kif il-Maltin għandhom iqisu lill-poeta nazzjonali tagħhom. Ciappara jżid li Azzopardi ġiegħel lill-istoriċi u lill-istudjużi tal-letteratura Maltija jirridimensjonaw lil Dun Karm, il-poeta saċerdot li baqa' konxju dwar il-qagħda soċjali miżeri tal-kotra tal-Maltin ta' żmienu. Azzopardi jistaqsi wkoll jekk il-poeta nazzjonali qattx kellu viżjoni ta' Malta indipendenti jew jekk il-pożizzjoni kompjaċenti tiegħu kinetx waħda politikament komda, filwaqt li qagħad attent li ma jwassalhiex lejn il-periklu. Filwaqt li jsellem lil Dun Karm għax-xogħol siewi tiegħu favur il-lingwa Maltija, Azzopardi jiddibatti bis-sħiħ it-titlu tal-poeta saċerdot bħala poeta nażjonali.

Kontribut Teatrali[editja]

Azzopardi stinka kemm seta' sabiex iwassal it-teatru impenjattiv lill-poplu Malti bl-ilsien tagħhom. Iggradwat bħala għalliem tal-arti fl-1969 ħuwa ħadem għal diversi snin fid-Taqsima tad-Drama fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Fl-1979 waqqaf il-Lyceum Youtħ Tħeatre, formazzjoni ta' studenti żgħażagħ li ħadmu fuq proġetti estensivi, fosthom dramm espressjonista li fakkar il-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin fl-1989 u li kien inħadem f'Ħamburg, il-Ġermanja. Fl-1986 tella' d-dramm Galileo Galilei ta' Bertold Brecht u l-produzzjoni li ntlaqgħet kemm bħala fewġa ta' arja friska mill-imxennqin għall-bidla fil-kamp teatrali kif ukoll b'arja ta' xettiċiżmu mill-qasam neo-konformista, fostħom il-gazzetta kattolika Leħen is-Sewwa.

Sena wara waqqaf Politeatru u baqa' jmexxihħ sal-l992. Fi ħdan dik il-formazzjoni ssawret xehda ta' artisti ewlenin tal-palk, fosthom Ray Abdilla, Ray Calleja, Etienne St. John, Marvic Cordina, Maria Vella, Karmenu Vella, Maryanne Muscat, Mario (Snits) Spiteri u Żep Camilleri, fost oħrajn. F'din l-intrapriża introduċa t-teatru Russu, minn Cekov sa Vampilov, ingaġġa diversi diretturi barranin kif ukoll ippreżenta drammi maqlubin għall-Malti mir-repertorju Ingliż tal-kitchen sink drama fit-Teatru tal-General Workers' Union, magħruf ukoll bħala t-Teatru tal-Ħaddiema, quddiem udjenżi numerużi.

Fl-1990, bħala d-direttur artistiku taċ-Ċentru Kulturali Russu, ħuwa kkordina l-ewwel festival ta' l-arti Malti-Russu ġewwa Moska. Bħala direttur teatrali ħuwa tella', fost l-oħrajn, xogħolijiet ta' Aristofani, Ewripede, Shakespeare, Ibsen, Gorky, Pinter, Williams u Sartre.

Fl-aħħar deċenju tas-seklu 20 Azzopardi baqa' joqrob aktar lejn tip ta' teatru "impenjat soċjalment" u beda jieħu seħem fi proġetti ġodda ma' pajjiżi Ewropej. L-involviment tiegħu baqa' jissaħħaħ bi proġetti teatrali assistiti mill-Unjoni Ewropea, l-aktar fil-qasam ta' l-edukazzjoni għal matul il-ħajja trasmessa b'forom drammatiċi. Mill-2000 'il hawn, hu ħadem bħala animatur ewlieni teatrali f'inħawi bħall-Italja, l-Awstrija, il-Germanja, is-Slovakkja, ir-Romanija, il-Polonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Finlandja u l-Ingilterra. Fl-2007 kiteb u pproduċa Coming in from the Shadows, dramm ibbażat fuq sensiela ta' narrativi awtentiċi ta' klandestini li ħarbu lejn l-Ewropa biex jevitaw kull xorta ta' oppressjoni, minn abbuż domestiku sa persekuzzjoni politika. Id-dramm kien iffilmjat fl-2008 u magħżul mill-Uffiċċju ta' l-UNHCR f'Ankara biex jintwera fl-okkazzjoni tal-Jum Dinji tar-Refuġjati.

Għaddew erbgħin sena minn mindu Azzopardi beda jikteb. Xorta jidher li baqa' diżilluż bil-qagħda kulturali f'Malta, mifnija bil-konformiżmu u l-biża li wieħed iħaddan fehmiet differenti, jekk mħux ukoll radikali. Il-pinna tiegħu dejjem tħassret, il-ftit jew wisq, l-insularità ta' poplu ċkejken li jħossu komdu ma jaħsibx jew li jkun manipulat mentalment. Azzopardi hu wieħed mill-aktar kritiċi ħorox tal-manipulaturi tal-medja kif ukoll tal-mod kif ħafna drabi, ix-xandir televiżiv nazzjonali iwarrab l-obbligi formattivi tiegħu biex ibaxxi ruħu għall-forżi tal-kummerċ u għad-dominanża ta' produtturi privati.

Fl-2007, il-kritiku Charles Briffa ppubblika studju estensiv dwar Mario Azzopardi bit-titlu Travelling between Sħadows (Progress Press) u nkluda għadd ta' traduzzjonijiet tax-xogħlijiet ta' Azzopardi għall-Ingliż. Pubblikazzjoni oħra bil-poeżiji ta' Azzopardi, maqlubin għall-Ingliż mill-professur Grazio Falzon, għandha t-titlu Naked as Water u kienet ippubblikata fl-iStati Uniti minn Xenox Books fl-1996. L-aktar xogħlijiet reċenti ta' Mario Azzopardi, inklużi kitbiet prożo-poetiċi jidhru fil-sit elettroniku marioAzzopardi.ċom

Kotba[editja]

Ma' poeti oħrajn:[editja]

  • Antenni (1968)
  • Analiżi '70 (1970)
  • Mas-Sejħa tat-Tnabar (1972)
  • Dwal fil-Persjani (1973)

Antologiji Personali[editja]

  • Demgħat tas-Silġ (1976)
  • Passiflora (1977)
  • Tabernakli (1979)
  • Monokordi (1984)
  • Noti mis-Sanatorju tal-Mistiċi (1995)
  • Skizzi tal-Karnival (2010)
  • Il-Fabbrikant tal-Marjunetti (2012)

Kotba Kritiċi[editja]

  • Sensiela ta' Studji Kritiċi pubblikati mill-PEG (Malta);
  • Dun Karm: Bejn il-Vatikan, id-Duce u l-Kuruna (1993)
  • Storja tat-Teatu f'Malta (2003)

Kotba għat-Tfal u l-Adolexxenti[editja]

  • Stejjer minn Kullmkien (1974)
  • Is-Sultana s-Sewda (2006)
  • Alicia Titkellem mill-Imwiet (2007)
  • L-Aħħar Ġranet ta' Ciorni (2009)
  • Vampir (2010)

Riċerka[editja]

  • It-Teatru f'Malta (2003)
  • Kitbiet dwar it-Teatrin (ed.) (2010)
  • M'hemmx bżonn Siparju (ed.) (2012)

Ħoloq esterni[editja]