Madame Bovary

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Madame Bovary, (ippubblikat oriġinarjament bil-Franċiż bħala  Madame Bovary: Mœurs de province), hu rumanz tal-awtur Franċiż Gustave Flaubert, ippubblikat fl-1857. Il-protagonista eponima tgħix ħajja ħafna aktar lussuża, mill-mezzi tagħha, sabiex taħrab mill-banalitajiet u l-frugħa tal-ħajja provinċjali

Meta r-rumanz beda joħroġ f’partijiet fuq bażi regolari, fir-rivista Revue de Paris bejn l-1 t’Ottubru u l-15 ta’ Diċembru tal-1856, prosekuturi pubbliċi kkritikaw bl-aħrax ir-rumanz minħabba l-oxxenità. Wara l-ġuri li seħħ f’Jannar tal-1857, ir-rumanz kiseb fama kbira. Wara li Flaubert inħeles mill-akkużi fis-7 ta’ Frar 1857, Madame Bovary beda jinbiegħ b’suċċess f’April tal-1857 meta ġie ppublikat f’żewġ volumi. Ir-rumanz ta’ Flaubert meqjus bħala kapolavur u wieħed mil-aktar xogħlijiet influwenti fl-istorja, bħala xogħol seminali għal-letteratura realista.

Sommarju tal-komplott[immodifika | immodifika s-sors]

Charles Bovary huwa ġuvnott mistħi li jilbes stramb. Hu jsir Officier de santé fis-Servizz tas-Saħħa Pubblika. Hu jiżżewweġ lill-mara li għażlitlu ommu - Héloïse Dubuc – l-armla bla gost imma sippost sinjura. Hu jiftaħ klinika fil-villaġġ ta’ Totes.

Darba waħda, Charles iżur razzett lokali biex idewwi s-sieq miksura tas-sid u jiltaqa’ mat-tifla tal-pazjent tiegħu, Emma Rouault. Emma hija mara żagħżugħa gustuża liebsa eleganti li mxennqa għal-lussu u l-imħabba mnebbħa mill-qari ta’ rumanzi popolari. Charles mill-ewwel jinġibed lejha, u meta tmut Héloïse, Charles jistenna għal perjodu diċenti qabel ma jibda’ joħroġ ma’ Emma bis-serjetà. Missierha jagħti l-kunsens tiegħu. Charles u Emma jiżżewġu.

Emma sabet il-ħajja miżżewġa monotona u bla gost. Charles jiddeċiedi li martu għandha bżonn ambjent differenti, u jċaqlaq il-klinika tiegħu għar-raħal ta’ Yonville, li għandu suq akbar. Hemmhekk, Emma twelled bint, Berthe, imma l-irwol matern ma tahiex sodisfazzjon. Emma tinfatwa ruħha bl-Léon Dupois, student tal-liġi li bħalha, japprezza l-letteratura u l-mużika. Emma ma turix il-passjoni li għandha għal Léon, li jitlaq lejn Pariġi biex ikompli bl-istudji tiegħu.

Imbagħad, Emma tibda relazzjoni barra ż-żwieġ ma’ Rodolphe Boulanger, proprjetarju sinjur u kiesaħ. Wara erba’ snin, tinsisti li jaħarbu flimkien. Rodolphe ma jurix l-istess entużjażmu għal dan il-pjan u lejliet il-ġurnata li kellhom jitilqu, hu jwaqqaf ir-relazzjoni billi qiegħed ittra fil-qiegħ ta’ bixkilla mimlija berquq li ntbagħtet lil Emma. Emma tieħu xokk kbir, tant li timrad serjament u ddur lejn ir-reliġjon.

Meta Emma tirkupra, Charles jinsisti li jattendu l-opera, qrib l-inħawi ta’ Rouen.  L-opera terġa’ tqajjem il-passjonijiet ta’ Emma, u terġa’ tiltaqa’ ma Léon, li issa studja u qed jaħdem f’Rouen, jinsab l-opera. Huma jibdew relazzjoni barra ż-żwieġ. Emma taqa’ għat-tentazzjoni biex tixtri l-affarijiet u ħwejjeġ lussużi. Hi tixtri bid-dejn mingħand il-bejjiegħ Lheureux, li jirranġalha biex ikollha prokura fuq il-propjetà ta’ Charles.

Meta Lheureux isejjaħ lil Emma biex tħallas id-dejn tagħha, hi tittallab għall-flus mingħand diversi persuni, imma ħadd ma jaċċetta li jsellifha. F’mument ta’ disperazzjoni, tixrob l-arseniku u tmut mewta agonizzanti. B’qalbu maqsuma, Charles jingħalaq fih innifsu minħabba n-niket, jieqaf jaħdem, u jgħajjex lilu nnifsu billi jbiegħ ġidu. Meta jmut, bintu ċ-ċkejkna Berthe tintbagħat ma’ nannitha, li tmut ftit wara. Berthe tmur tgħix ma’ zija fqira, li tibgħatha taħdem f’mitħna tal-qoton. Il-ktieb jispiċċa bl-ispiżjar lokali Homais, li kkompeta mal-klinika medika ta’ Charles, u beda jikseb il-fama man-nies ta’ Yonville u ġie ppremjat għall-kisbiet mediċi tiegħu.