Lvant ta' Rennell
Il-Lvant ta' Rennell hija n-naħa tan-Nofsinhar tal-Gżira ta' Rennell fil-Gżejjer Solomon li tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Rennell hija l-ikbar gżira olzata 'l fuq mil-livell tal-baħar fid-dinja li hija magħmula mill-qroll u l-inħawi fil-Lvant ta' Rennell madwar il-Lag ta' Tegano fihom bosta speċijiet endemiċi.
Fl-2013, il-Kumitat tal-Wirt Dinji żied il-Lvant ta' Rennell fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu minħabba t-theddida tal-attivitajiet ta' qtugħ tas-siġar għall-valur universali straordinarju tas-sit.[2]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Rennell tinsab fil-Punent tal-Oċean Paċifiku u hija l-iżjed gżira fin-Nofsinhar tal-Gżejjer Solomon, b'daqs ta' xi 86 kilometru bi 15-il kilometru (53 mil b'9 mili). Hija l-ikbar gżira tal-qroll olzata mil-livell tal-baħar fid-dinja, b'erja ta' madwar 37,000 ettaru (91,000 akru). Fil-biċċa l-kbira hija miksija b'foresta densa u fiċ-ċentru tan-naħa tan-Nofsinhar tal-gżira hemm il-Lag ta' Tegano (magħruf ukoll bħala l-Lag ta' Te Nggano), li fl-imgħoddi kien il-laguna tal-gżira tal-qroll; il-wiċċ tal-lag jinsab fil-livell tal-baħar u l-ilma huwa salmastru. Il-gżira hija mdawra bl-irdumijiet u fiha għadd ta' gżejjer żgħar tal-ġebla tal-ġir. Il-Lvant ta' Rennell, il-parti tal-gżira li tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998, tinsab fin-naħa tan-Nofsinhar tal-gżira; is-sit jinkludi wkoll il-Lag ta' Tegano, l-art ta' madwaru, u ż-żoni tal-baħar estiżi għal tliet mili nawtiċi mill-gżira. Is-sit mhuwiex mittiefes, huwa vulnerabbli għall-ħsara taċ-ċikluni, u "jitqies li huwa laboratorju naturali reali għall-istudji xjentifiċi".[1][3]
Il-gżira fiha madwar 800 abitant li jgħixu f'erba' villaġġi madwar il-Lag ta' Tegano. Għas-sopravivenza tagħhom huma kollha bdiewa u sajjieda, u jiddependu fuq il-foresti u l-ilmijiet biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi kollha tagħhom. Fl-2007 tlesta pjan ta' ġestjoni għas-sit id f'id mal-abitanti tal-gżira, sabiex jirrikonoxxi d-drittijiet tagħhom li jkomplu l-prattiki kulturali tradizzjonali u l-istil ta' għajxien tagħhom. Huwa maħsub li dawn mhumiex ta' detriment għas-sit, u l-IUCN stqarret li "s-sjieda tradizzjonali iktar tista' twassal għall-konservazzjoni milli kieku l-art kienet taħt il-kontroll ta' xi uffiċċju tal-gvern 'il bogħod mis-sit".[4]
Flora u fawna
[immodifika | immodifika s-sors]Il-gżira hija miksija b'foresta densa li tipprovdi l-ħabitat għal bosta speċijiet ta' għasafar. Il-popolazzjoni tal-għasafar fil-gżira kollha hija mhedda mill-qtugħ tas-siġar fil-Punent tal-gżira, 'il barra miż-żona protetta tas-sit, minħabba li b'hekk qed jitnaqqru ż-żoni meħtieġa ta' foresta. B'hekk, fl-2013, l-UNESCO żiedet il-Lvant ta' Rennell fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu.[2] Fil-gżira ġew irreġistrati ħamsin speċi ta' għasafar, u wieħed u għoxrin minnhom huma endemiċi. Is-sit ġie identifikat mill-BirdLife International bħala Żona Importanti tal-Għasafar minħabba li jsostni popolazzjonijiet sħaħ ta' speċijiet ta' għasafar, inkluż il-ħamiem tal-frott tal-kappa fiddiena, il-pappagalli tal-fardal isfar, il-pappagalli ta' Rennell, il-pappagalli nani ħodor, il-wikkiela tal-għasel ħamrani, il-gerygones ta' Rennell, il-bgħula ta' denbu mrewħa ta' Rennell, iż-żanżarelli tal-Melaneżja, iż-żanżarelli rjali ta' Rennell, il-psiepes tat-tbajja' ta' Rennell, il-psiepes tat-tbajja' bojod ta' Rennell, u l-isturnelli ta' Rennell.[5]
Wieħed mir-rettili notevoli tal-gżira huwa s-serp tal-baħar ta' Crocker, speċi endemika li tinsab fil-Lag ta' Tegano u mkien iktar fid-dinja.[6] Hemm 11-il speċi ta' friefet il-lejl (speċi waħda endemika), 27 speċi ta' bebbux tal-art (seba' speċijiet endemiċi) u qrib is-730 speċi ta' insetti, li bosta minnhom huma endemiċi u preżenti fir-reġjun. Il-flora rikka tal-gżira hija magħmula minn iktar minn 300 speċi ta' diatomi u algi, ftit minnhom endemiċi.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Lvant ta' Rennell ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d e "East Rennell - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-23.
- ^ a b "World Heritage Committee inscribes East Rennell on the List of World Heritage in Danger - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-23.
- ^ Stanley, David (2000). South Pacific Handbook. David Stanley. pp. 898–899. ISBN 978-1-56691-172-6.
- ^ Brockwell, Sally; O’Connor, Sue; Byrne, Denis (2013). Transcending the Culture–Nature Divide in Cultural Heritage: Views from the Asia–Pacific region. ANU E Press. pp. 27–28. ISBN 978-1-922144-05-8.
- ^ "East Rennell (Solomon Islands) IBA | Summary | BirdLife International". datazone.birdlife.org. Miġbur 2024-12-23.
- ^ Lane, A.; Guinea, M. (2010). "Laticauda crockeri". IUCN Red List of Threatened Species. 2010: e.T11369A3273817. doi:10.2305/IUCN.UK.2010-4.RLTS.T11369A3273817.en.