Aqbeż għall-kontentut

Lingwa Kopta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Iskrizzjonijiet kopti u Għarab fi knisja fil-Kajr antik

Il-lingwa Kopta hi lingwa Afro-Asjatika l-aħħar fażi tal-Eġizzjan antik. Ir-relazzjoni bejn l-ilsien Kopt u l-Eġizzjan antik klassiku, hija simili għal dik li teżisti bejn il-lingwi rumanzi u l-Latin klassiku, b'tali mod li għandu grammatika u karatteristiċi ċarament distinti mill-lingwa tal-iskrizzjonijiet ġeroglifiċi tal-Imperu Nofsani. It-terminu "Kopt/Kopta" beda jintuża għall-lingwa Eġizzjana mill-ewwel seklu wK u baqa' s’issa[1]. Bħala l-lingwa ta' kuljum kienet fl-aqwa tagħha fis-seklu III sas-seklu VI. Illum baqgħet biss bħala lingwa liturġika tal-Knisja Kopta.

L-alfabett Kopt, li ġie introdott fit-tieni seklu qK, hu magħmul mill-ittri tal-alfabett Grieg, miżjud b'sitta jew seba' karattri tal-kitba demotika meħtieġa biex jirrappreżentaw il-ħsejjes li ma jinstabux fil-Grieg.

Aspetti storiċi, soċjali u kulturali

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kopt għandu għadd kbir ta' kliem meħudin mill-lingwa Griega, il-lingwa uffiċjali imposta mit-Tolomej. Fis-seklu V qK kienet il-lingwa użata fil-letteratura fl-Eġittu l-Għoli.

It-terminu kopt/kopta ġej mill-kelma Griega antika Αἰγύπτιος / "Aigúptios" li tfisser Eġizzjan u ġiet mgħawġa mill-Kopti f' "Kuptios". Imbagħad, wara l-konkwisti Għarab tas-641 li għalihom il-kliem Eġizzjan u Nisrani kienu sinonimi inbidlet f' قبط , bl-Għarbi, pronunzjata Qibt fl-Eġittu l-Baxx u Gibt fl-Eġittu l-Għoli u l-Kajr. Din l-aħħar forma, saret "Kopt" fil-lingwi Ewropej u saret isservi bħala l-isem tal-ilsien u l-kitba kif ukoll għan-nies Kopti. Meta l-lingwa Eġizzjana kien ħa postha l-Għarbi fis-seklu XII, il-Kopt baqa' jintuża biss bħala lingwa liturġika, fil-Knisja Monofiżita Kopta, li kienet infirdet mill-Knisja Biżantina fis-seklu V.

L-eqdem kitbiet bil-Kopt huma l-ittri ta' Sant Antonin Abbati (251-356), l-anakoreta tad-deżert. Matul is-sekli III u IV ħafna ekkleżjastiċi kitbu bil-Kopt, fosthom kien Pakomju, li r-regola monastika tiegħu għadha teżisti fil-Knisja Kopta. Id-dokumenti li nstabu f'Nag Ħammadi[2] huma bid-djalett Kopt, imsejjaħ Sagħidi.

Iskrizzjoni Kopta

Id-djaletti tal-Kopt

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-żewġ djaletti prinċipali, jikkorrespondu bejn wieħed u ieħor mal-Eġittu l-Baxx u l-Eġittu Għoli: dawn iż-żewġ djaletti huma:

  • il-Buħajri, id-djalett prinċipali tal-Eġittu l-Baxx. Il-lingwa Kopta liturġika ta' llum ġejja minn dan id-djalett;
  • is-Sagħidi, id-djalett prinċipali tal-Eġittu l-Għoli. Il-litteratura Kopta l-iżjed antika magħrufa kienet bid-djalett Sagħidi.

Minbarra dawn iż-żewġ djaletti prinċipali hemm djaletti oħra inqas importanti bħall-Fajjumi li dam sas-seklu VIII, l-Aħmim u l-Likopolitan[3]

Deskrizzjoni lingwistika

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kopt hu l-unika forma tal-lingwa Eġizzjana antika li l-pronunzja tagħha nafuha minħabba l-użu tas-sistema fonetika Griega u għalhekk għandu importanza kbira għall-filoloġija Eġizzjana.

Il-Kopt tilef it-tmimijiet verbali u nominali tal-Eġizzjan klassiku, b'tali mod li l-flessjoni tiegħu għandha karatteristiċi differenti mqabbla mal-fażijiet iżjed antiki tal-lingwa Eġizzjana. Fil-fatt il-Kopt għandu t-tendenza li jirrappreżenta ċerti relazzjonijiet grammatiċi permezz ta' artikli, prepożizzjonijiet u partiċelli f'kostruzzjonijiet analitiċi b'kuntrast mas-sistema aktar sintetika u flessjonali tal-Eġizzjan klassiku (hemm xi paralleliżmu ma' dak li ġara fil-mogħdija tal-Latin għal-lingwi Rumanzi).

Ġeneru grammatikali u numru

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-Kopt hemm żewġ valuri possibbli tal-ġeneru grammatikali (maskili / femminili) li ntirtu mill-Eġizzjan klassiku. It-tmiem antik tal-femminili t sofra xi bidliet fonetiċi u fil-Kopt jidher biss meta jkun segwit minn ċerti suffissi possessivi: ro 'ħalq', rō.k 'ħalqek'; 'ġisem', hēt.f 'ġismek'[4].

Il-Kopt żviluppa l-artiklu mid-dimostrattivi tal-Eġizzjan klassiku, li ma kellux artikli. Dan ifakkarna f'dak li ġara fil-lingwi Rumanzi. Fil-fatt (bħal fil-Franċiż pereżempju) il-ġeneru ta' xi kliem fil-Kopt nistgħu nafuh biss mill-forma tal-artiklu. Il-forom tal-artiklu definit maskili huma: p, pi, pe u l-forom femminili huma t-, ti, te, il-forom kollha għandhom il-plural n- :

rōme 'raġel' / p-rōme 'ir-raġel' / n-rōme 'l-irġiel'
p-saje 'il-kelma' / ti.polis 'il-belt', n-halate 'l-għasafar'

Jintuża spiss ukoll l-"artiklu" indefinit li ma jeżistix fl-Eġizzjan klassiku. Dan l-artiklu evolva min-numru wieħed ou.

Il-plural, bl-istess mod bħall-femminili, jingħaraf kważi esklussivament mill-forma tal-artiklu ta' qabel, minħabba li normalment l-għerq fil-plural mhux differenti mis-singular. Madankollu, xi kultant l-għerq għandu forom differenti għas-singular u l-plural, bħala fdal ta' bidla fonetika, differenti mill-forom antiki:

hōb 'ħaga', hbēje 'ħwejjeġ'
son 'ħu', snēj 'aħwa'
  1. ^ The History of the Coptic Language
  2. ^ [1]
  3. ^ Ara pereżempju descripción del idioma copto
  4. ^ "Archive copy" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2011-08-07. Miġbur 2011-06-08.Manutenzjoni CS1: kopja arkivjata bħala titlu (link)

Bibljiografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Richard Smith. A concise Coptic-English lexicon, SBL resources for biblical study 35. ISBN 0-88414-039-3.
  • James Peter Allen. The Ancient Egyptian Pyramid Texts. ISBN 1-58983-182-9.
  • Wolfgang Kosack Lehrbuch des Koptischen.Teil I:Koptische Grammatik.Teil II:Koptische Lesestücke, Graz 1974.
  • Wolfgang Kosack: Der koptische Heiligenkalender. Deutsch - Koptisch - Arabisch nach den besten Quellen neu bearbeitet und vollständig herausgegeben mit Index Sanctorum koptischer Heiliger, Index der Namen auf Koptisch, Koptische Patriarchenliste, Geografische Liste. Christoph Brunner, Berlin 2012, ISBN 978-3-9524018-4-2.
  • Wolfgang Kosack: Koptisches Handlexikon des Bohairischen. Koptisch - Deutsch - Arabisch. Verlag Christoph Brunner, Basel 2013, ISBN 978-3-9524018-9-7.
  • Wolfgang Kosack: Schenute von Atripe De judicio finale. Papyruskodex 63000.IV im Museo Egizio di Torino. Einleitung, Textbearbeitung und Übersetzung herausgegeben von Wolfgang Kosack. Christoph Brunner, Berlin 2013, ISBN 978-3-9524018-5-9.
  • Lambdin, Thomas O. (1983). Introduction to Sahidic Coptic. Macon, Ga.: Mercer University Press.
  • Peeters, J. Vergote (1992). Grammaire Copte. Leuven. ISBN 90-6831-425-4. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |belt= (għajnuna)
  • Cerný, Jaroslav; Groll, Sarah Israelit (1984). A Late Egyptian Grammar. Ruma: Biblical Institude Press. Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |éditeur= u |belt= (għajnuna)
  • Crum, W. E. (1939). A Coptic dictionary. Oxford: Clarendon Press.
  • Magdi Sami (2005). Histoire des Coptes d'Égypte.
  • M. Gerspach (1890). Quantin, Pariġi (ed.). Les tapisseries coptes.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]