Kumpless tal-Foresti ta' Dong Phayayen-Khao Yai
Il-Kumpless tal-Foresti ta' Dong Phayayen-Khao Yai huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-Tajlandja. Ikopri l-inħawi ta' ħames żoni protetti fil-Muntanji ta' Dong Phaya Yen u fil-Katina Muntanjuża ta' Sankamphaeng, fosthom il-Parks Nazzjonali ta' Khao Yai, ta' Thap Lan, ta' Pang Sida u ta' Ta Phraya, u s-Santwarju tan-Natura Selvaġġa ta' Dong Yai. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[1]
Il-Kumpless tal-Foresti ta' Dong Phayayen-Khao Yai huwa estiż fuq 230 kilometru (140 mil) bejn il-Park Nazzjonali ta' Ta Phraya fil-fruntiera mal-Kambodja fil-Lvant, u l-Park Nazzjonali ta' Khao Yai fil-Punent. Is-sit jospita iktar minn 800 speċi ta' annimali, inkluż 112-il speċi ta' mammiferi (fosthom żewġ speċijiet ta' gibbons), 392 speċi ta' għasafar u 200 speċi ta' rettili u ta' anfibji. Huwa importanti fuq livell internazzjonali għall-konservazzjoni ta' speċijiet mhedda u fil-periklu ta' estinzjoni globalment ta' mammiferi, għasafar u rettili, fosthom 19 li huma vulnerabbli, erba' li huma fil-periklu ta' estinzjoni, u wieħed li jinsab f'periklu kritiku ta' estinzjoni. Fl-inħawi hemm ekosistemi sostanzjali u importanti ta' foresti tropikali, li jistgħu jipprovdu ħabitat vijabbli għall-għajxien fit-tul ta' dawn l-ispeċijiet.
Minkejja dan, minħabba l-qtugħ illegali kontinwu tas-siġar tal-injam dagħmi ta' Siam u l-espansjoni kontinwa tat-toroq fi ħdan il-kumpless, il-Kumitat tal-Wirt Dinji wissa li hemm il-possibbiltà li l-kumpless jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu. Fil-41 sessjoni tiegħu li saret f'Lulju 2017, il-Kumitat faħħar lit-Tajlandja għall-isforzi tagħha biex trażżan il-qtugħ illegali tas-siġar tal-injam dagħmi ta' Siam, iżda saħaq li diversi proġetti tal-infrastruttura li kienu għadhom qed jiġu kkunsidrati setgħu jkollhom impatt negattiv fuq is-sit.[2]
F'Marzu 2017, it-tieni popolazzjoni tat-tnissil tat-tigri tal-Indoċina fid-dinja ġiet ikkonfermata fi ħdan il-kumpless.[3]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kumpless tal-Foresti ta' Dong Phayayen-Khao Yai ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Dong Phayayen–Khao Yai Forest Complex - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-10-11.
- ^ ""41 COM 7B.32 - Decision - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-10-11.
- ^ Stokes, Demelza (2017-03-28). "World's second breeding population of Indochinese tigers discovered in Thailand's forests". Mongabay Environmental News (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-11.