Aqbeż għall-kontentut

Kosta Ġurassika

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-Kosta Ġurassika qrib Lulworth, bil-ħnejja naturali magħrufa bħala Durdle Door

Il-Kosta Ġurassika (bl-Ingliż: Jurassic Coast), magħrufa wkoll bħala l-Kosta ta' Dorset u tal-Lvant ta' Devon, hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tul il-kosta tal-Fliegu Ingliż fin-Nofsinhar tal-Ingilterra.[1] Il-Kosta Ġurassika hija estiża għal distanza ta' madwar 154 kilometru minn Exmouth fil-Lvant ta' Devon sal-Bajja ta' Studland f'Dorset, u tniżżlet fil-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'nofs Diċembru 2001.[2]

Is-sit jirrappreżenta 185 miljun sena ta' storja ġeoloġika, fejn l-erożjoni kostali esponiet sekwenza kważi kontinwa ta' formazzjonijiet tal-blat li jkopru t-Trijassiku, il-Ġurassiku u l-Kretaċju. Fi żminijiet differenti, din iż-żona kienet deżert, baħar tropikali baxx u marġ, filwaqt li l-fdalijiet fossilizzati tal-ħlejqiet varji li għexu hemmhekk ġew ippreservati fil-blat.

Fost il-karatteristiċi naturali viżibbli tul din il-kosta hemm ħnejjiet, pinnakli, u pilastri tal-blat ħerġin mill-baħar. F'xi postijiet, il-baħar kiel il-blat reżistenti u ħoloq qaliet b'daħliet ristretti, u f'post partikolari, magħruf bħala l-Gżejra ta' Portland (bl-Ingliż: Isle of Portland), il-gżejra hija kkollegata mal-art permezz ta' bajja tal-iskoll. F'xi nħawi tal-kosti, iċ-ċedimenti tal-art huma fenomenu komuni. Dawn esponew firxa wiesgħa ta' fossili, u kull tip differenti ta' blat iħaddan fih fawna u flora fossilizzata tipika. B'hekk jipprovdu evidenza ta' kif l-annimali u l-pjanti evolvew f'dan ir-reġjun.

Iż-żona madwar il-Qala ta' Lulworth (bl-Ingliż: Lulworth Cove) fiha foresta fossilizzata, filwaqt li f'Lyme Regis ġew identifikati saħansitra 71 saff differenti ta' blat, u kull saff iħaddan fih speċi partikolari ta' ammoniti. Il-kollezzjonista tal-fossili Mary Anning għexet hemmhekk u l-iskoperti maġġuri tagħha ta' rettili tal-baħar u fossili oħra saru fi żmien meta l-istudju tal-paleontoloġija kienet għadha qed tibda tiżviluppa. Iċ-Ċentru tal-Kosta tal-Wirt ta' Charmouth jipprovdi tagħrif dwar il-Kosta tal-Wirt (bl-Ingliż: Heritage Coast), u wieħed jista' jżur it-tul kollu tas-sit permezz tal-Mogħdija tal-Kosta tal-Lbiċ.

Il-Kosta Ġurassika fil-Punent ta' St. Aldheim's Head

Il-Kosta Ġurassika tikkonsisti minn irdumijiet Trijassiċi, Ġurassiċi u Kretaċji, li jmorru lura għall-Era Mesożojka, u li jiddokumentaw 185 miljun sena ta' storja ġeoloġika. Wieħed jista' jgawdi s-sit l-iktar mill-baħar, minħabba n-natura tas-saffi esposti tal-blat li jibqgħu neżlin sal-baħar.[3]

Fil-Lvant ta' Devon, l-irdumijiet kostali jikkonsistu minn irdumijiet weqfin tal-blat ramli aħmar mit-Trijassiku, u f'Budleigh Salterton, l-irdumijiet taż-żrar fihom ċagħaq tal-kwarzit aħmar li jakkumulaw fuq il-bajja taħt iċ-ċagħaq ta' Budleigh, li huma protetti lokalment. Iktar lejn il-Lvant, fil-Bajja ta' Ladram, hemm iktar irdumijiet tal-blat ramli kif ukoll sensiela spettakolari ta' pilastri tal-blat ramli aħmar ħerġin mill-baħar.

Fl-inħawi ta' Lyme Regis u Charmouth l-irdumijiet huma tat-tafal u tal-iskist tafli jew shale tal-Ġurassiku, u ċ-ċedimenti tal-art huma fenomenu komuni. Il-Bajja ta' Chesil hija eżempju tajjeb ta' bajja tal-iskoll u testendi għal 29 kilometru minn Burton Bradstock sal-Gżejra ta' Portland. Il-bajja tħaddan fiha laguna intermareali li hija sit importanti internazzjonalment skont il-Konvenzjoni Ramsar u hija magħrufa għall-bijodiversità tagħha.

Fil-Qala ta' Lulworth, il-mewġ kiel ħafna mill-blat reżistenti ta' Portland u ħoloq qala b'għamla ta' nagħla bl-erożjoni tal-blat ramli u tafli iktar artab li kien hemm warajh. Karatteristika oħra ta' din il-parti tal-Kosta Ġurassika hija l-ħnejja naturali magħrufa bħala Durdle Door. Il-pilastri u l-pinnakli ħerġin mill-baħar, bħal Old Harry Rocks f'Handfast Point, ġew iffurmati permezz tal-erożjoni tal-irdumijiet tal-ġibs.

L-ogħla punt tal-Kosta Ġurassika, u tal-kosta kollha tan-Nofsinhar tar-Renju Unit, huwa Golden Cap (191 metru) li jinsab bejn Bridport u Charmouth.[4]

Lyme Bay

Din il-kosta fiha eżempji eċċellenti ta' formazzjonijiet tal-blat, fosthom il-ħnejja naturali ta' Durdle Door, it-tiwi tal-qala u tal-ġebla tal-ġir fil-Qala ta' Lulworth, u gżejra kkollegata, il-Gżejra ta' Portland. Il-Bajja ta' Chesil hija eżempju mill-aqwa kemm ta' tombolo (formazzjoni tal-blat bid-depożiti fejn gżira tkun ikkollegata mal-art kontinentali permezz ta' biċċa art dejqa bħal istmu jew roqgħa olzata tar-ramel) kif ukoll ta' bajja tal-maltempati (bajja li spiss tinħakem minn mewġ partikolarment qawwi). Is-sit fih xtut konkordanti kif ukoll xtut diskordanti. Minħabba l-kwalità tal-ġeoloġija varjata, is-sit huwa fil-mira ta' studji internazzjonali tal-qasam.[5]

Il-bosta saffi sedimentarji tul il-Kosta Ġurassika huma mimlijin fossili u fdalijiet ta' annimali u ta' pjanti li kienu jgħixu fl-inħawi. It-tessuti tagħhom ġew immersi fid-depożiti tat-tajn li maż-żmien ibbies u sar blat. F'Lyme Regis, pereżempju, il-ġeologi identifikaw saħansitra 71 saff tal-blat, u kull wieħed fih fossili ta' speċi differenti ta' ammoniti.[6]

L-irdumijiet tal-blat tal-Kosta Ġurassika

Fl-aħħar tas-seklu 18, Georges Cuvier wera li xi fossili tal-annimali kienu uniċi u ma kienu jixbħu l-ebda annimal ieħor ħaj eżistenti, b'hekk wera li l-annimali setgħu jiġu estinti; dan wassal għall-paleontoloġija, l-istudju tal-fossili.[7] Il-kosti tal-Lvant ta' Devon u tal-Punent ta' Dorset kienu mimlijin saffi bil-fossili, iżda qabel dan iż-żmien, il-fossili kienu jinġabru sempliċement bħala passatemp jew kienu jinġabru mir-residenti lokali u jinbigħu lill-viżitaturi bħala tifkiriet.

Mary Anning (1799-1847) għexet f'Lyme Regis u segwiet il-passi ta' missierha bħala kollezzjonista. Hija saret esperta dwar il-fossili fl-inħawi ta' Blue Lias u skopriet l-ewwel skeletru sħiħ ta' Iktjosawru f'The Spittles. Din l-iskoperta ġiet segwita minn skoperti oħra ta' iktjosawri, plesjosawri u pterosawru, kif ukoll ta' invertebrati bħal ċefalopodi u l-boroż tal-linka tagħhom.[8]

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, diversi sezzjonijiet tal-Kosta Ġurassika saru proprjetà tal-Ministeru tal-Gwerra. Waħda mill-ikbar bażijiet tal-Flotta Navali Rjali kienet tinsab fil-Port ta' Portland, iżda mbagħad ingħalqet. Bażi maġġuri tal-armata f'Bovington għadha tintuża sa llum. Irqajja' kbar ta' art, inkluż il-kosta bejn il-Qala ta' Lulworth u Kimmeridge, għadhom parzjalment aċċessibbli; dan jinkludi l-villaġġ diżabitat ta' Tyneham li ġie evakwat wara li nħataf mill-armata fl-1943.[9]

Iż-żoni kostali ħdejn Exmouth, il-Laguna ta' The Fleet f'Weymouth u l-bajjiet f'Studland intużaw ukoll għat-taħriġ militari iżda dawn ġew irritornati għall-użu ċivili.

Partijiet mill-kosta, speċjalment madwar Portland, jistgħu jkunu perikolużi, u bosta nawfraġji seħħew hemmhekk. F'Jannar 2007, il-kosta esperjenzat l-iżjed nawfraġju devastanti għall-ambjent meta l-MSC Napoli, vapur li kien qed iġorr 2,400 kontejner, inkalja f'Branscombe qrib Sidmouth, u l-merkanzija tiegħu spiċċat il-baħar flimkien ma' roqgħa żejt.[10]

Immaniġġjar u aċċess

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-ġebla tal-ġir Ġurassika fil-Gżejra ta' Portland

Il-Kosta Ġurassika tesperjenza kundizzjonijiet tat-temp estremi u qalila minn żmien għal żmien. Fl-1824 u fl-1974 seħħew maltempati vjolenti, u dawn flimkien ma' maltempati inqas qawwijin ifflaġellaw l-irdumijiet u kkawżaw għargħar u ħsarat strutturali fl-irħula kostali. Il-biċċa l-kbira tal-kosta hija pajsaġġ affettwat mill-erożjoni u l-immaniġġjar tas-sit għandu l-għan li jippermetti l-proċessi naturali tal-erożjoni jkomplu filwaqt li fl-istess waqt jiġu protetti n-nies u l-proprjetà tagħhom.[11] Difiżi kostali nbnew f'Charmouth u f'Weymouth, fejn id-djar kien jinsabu f'riskju, iżda f'postijiet oħra, fejn il-kosta għadha fi stat naturali, il-politika tal-immaniġġjar hi li ma tittieħed l-ebda azzjoni u l-erożjoni titħalla għaddejja mingħajr intervent uman.

Iċ-Ċentru tal-Kosta tal-Wirt ta' Charmouth huwa entità edukattiva indipendenti u jinsab qrib il-bajja f'Charmouth. Iċ-ċentru jipprovdi tagħrif u wirjiet dwar il-ġeoloġija tal-inħawi u dwar l-organiżmi selvaġġi li jgħixu hemmhekk, inkluż kollezzjoni kbira ta' fossili u akkwarju. Minn hawnhekk jiġu organizzati ġiti tal-familja għat-tfittxija tal-fossili kif ukoll avvenimenti u attivitajiet oħra relatati mal-ġeoloġija u mal-istorja naturali tal-inħawi.[12]

Wieħed jista' jimxi tul il-kosta kollha permezz tal-Mogħdija tal-Kosta tal-Lbiċ.[13] Iċ-ċedimenti tal-art u tal-blat huma karatteristiċi kontinwi tal-evoluzzjoni ta' din il-kosta. Fis-6 ta' Mejju 2008, sezzjoni ta' 400 metru tal-kosta ġiet imsawra mill-ġdid b'mod drammatiku wara ċediment tal-art li ġie deskritt bħala l-agħar wieħed f'mitt sena.[14] Fl-2012 mietet persuna, meta blat ta' 400 tunnellata ċediet u waqgħet fuq il-bajja f'Burton Bradstock, u fl-2016 seħħ ċediment ieħor tal-blat fil-Bajja tal-Punent, qrib Bridport.[15] Fid-29 ta' Awwissu 2020 kien hemm ċediment ieħor ta' rdum f'Hive Beach ħdejn il-villaġġ ta' Burton Bradstock ftit qabel is-sebħ, wara perjodu twil ta' xita qliel. Il-pubbliku kien ġie mwissi biex ma jersaqx lejn xifer l-irdum minħabba r-riskju li ma jkunx stabbli.[16] Fil-15 ta' April 2021, seħħ ċediment ieħor li ġie deskritt bħala l-ikbar ċediment tal-blat fir-Renju Unit f'60 sena.[17]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Qala ta' Lulworth

Il-Kosta Ġurassika testendi minn Orcombe Point ħdejn Exmouth fil-Lvant ta' Devon sa Old Harry Rocks ħdejn Swanage fil-Lvant ta' Dorset; distanza ta' 154 kilometru. Il-Kosta ta' Dorset u tal-Lvant ta' Devon, magħrufa aħjar bħala l-Kosta Ġurassika, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001. Dan kien l-ewwel sit fir-Renju Unit li ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji Naturali. F'Orcombe Point, l-iskultura piramidali akuta magħrufa bħala "Geoneedle" (2002), timmarka t-tarf tal-Punent tas-sit; din inbniet minn frammenti tat-tipi differenti ta' blat li jeżistu tul il-kosta.[18]

Id-dokument tan-nominazzjoni tas-sit tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO jelenka tmien segmenti tal-kosta li huma inklużi fis-sit. Is-segmenti huma:[2]

  • minn Orcombe Rocks sa Chit Rocks, Sidmouth;
  • minn River Sid, Sidmouth sa Seaton Hole;
  • l-irdumijiet ta' Axmouth sa Lyme Regis, mid-delta tax-xmara Axe sa The Cobb f'Lyme Regis;
  • minn Lyme Regis sal-Bajja tal-Punent;
  • il-kosta tal-Bajja ta' Chesil, tal-Laguna ta' The Fleet u tal-Gżejra ta' Portland;
  • ix-xatt tal-Port ta' Portland;
  • mill-Qala ta' Bowleaze sa Peveril Point;
  • minn New Swanage sal-Bajja ta' Studland.

L-irdumijiet f'din il-parti tal-kosta jgħaddu minn proċessi kontinwi ta' erożjoni u spiss iseħħu ċedimenti ta' sezzjonijiet sħaħ, ċedimenti tal-art jew ċedimenti tal-blat. Dawn il-proċessi jiżvelaw saffi suċċessivi ta' blat sedimentarju, li joħorġu fid-dieher l-istorja ġeoloġika fil-kosta moderna tul perjodu ta' 185 miljun sena. Jiżvelaw sekwenza kważi kontinwa ta' formazzjonijiet tal-blat li jkopru t-Trijassiku, il-Ġurassiku u l-Kretaċju.[3] Il-fossili li nstabu fl-inħawi u l-karatteristiċi ġeomorfoloġiċi kostali ta' din il-kosta dinamika, wasslu biex għal iktar minn mitejn sena, l-istudju tax-xjenzi tad-Dinja javvanzaw. Il-Kosta Ġurassika tinkludi l-art bejn il-livell tal-baħar baxx medju u l-quċċata tal-irdumijiet jew in-naħa ta' wara tal-bajjiet.[3]

L-irdumijiet qrib St Alban's Head

Il-fossili, li jinstabu b'abbundanza tul din il-kosta, jipprovdu evidenza ta' kif l-annimali u l-pjanti evolvew f'dan ir-reġjun. Matul it-Trijassiku ż-żona kienet deżert, filwaqt li fil-Ġurassiku kienet parti minn baħar tropikali, u fil-Kretaċju kienet miksija bl-imraġ. Il-fdalijiet fossilizzati tal-annimali u tal-pjanti li għexu f'dawk il-perjodi huma ppreservati tajjeb ħafna, u jipprovdu tagħrif importanti dwar l-għamliet ta' ġisimhom, il-mod kif mietu, u saħansitra l-fdalijiet fossilizzati tal-aħħar ikliet tagħhom. Fost il-gruppi ta' fossili li nstabu hawnhekk hemm il-krustaċji, l-insetti, il-molluski, l-ekinodermi, il-ħut, l-anfibji, ir-rettili u ftit mammiferi. Fil-Qala ta' Lulworth hemm foresta fossilizzata ta' koniferi, felċi u ċikadi.[19]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi tal-kriterju (viii) tal-għażla tal-UNESCO: "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[2]

  1. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "World Heritage Committee Inscribes 31 New Sites on the World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-16.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Dorset and East Devon Coast". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-16.
  3. ^ a b ċ "Jurassic Coast World Heritage Site". Jurassic Coast World Heritage Site (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-16.
  4. ^ Turnbull, Ronald (2015). Walking the Jurassic Coast: Dorset and East Devon. Cicerone Press. p. 115. ISBN 978-1-78362-218-4.
  5. ^ Edwards, Richard Anthony (2008). Geology of the Jurassic Coast: The Red Coast Revealed : Exmouth to Lyme Regis. Coastal Pub. ISBN 978-0-9544845-4-5.
  6. ^ Turnbull, Ronald (2015). Walking the Jurassic Coast: Dorset and East Devon. Cicerone Press. p. 31. ISBN 978-1-78362-218-4.
  7. ^ McGowan, Christopher (2001). The Dragon Seekers. Persus Publishing. pp. 3–4. ISBN 0-7382-0282-7.
  8. ^ Cadbury, Deborah (2000). The Dinosaur Hunters: A True Story of Scientific Rivalry and the Discovery of the Prehistoric World. Fourth Estate. pp. 4–5. ISBN 978-1-85702-963-5.
  9. ^ Harris, Paul (2014). The Jurassic Coast: Britain's Heritage Coast. Amberley Publishing Limited. p. 86. ISBN 978-1-4456-1922-4.
  10. ^ "Stricken cargo ship run aground" (bl-Ingliż). 2007-01-21. Miġbur 2021-10-16.
  11. ^ "Jurassic Coast: Safeguarding Dorset's eroding coastline" (bl-Ingliż). 2012-10-06. Miġbur 2021-10-16.
  12. ^ "Charmouth - Visitors Guide". charmouth.org. Miġbur 2021-10-16.
  13. ^ "Home - South West Coast Path". www.southwestcoastpath.org.uk. Miġbur 2021-10-16.
  14. ^ "Landslip is 'worst in 100 years'" (bl-Ingliż). 2008-05-07. Miġbur 2021-10-16.
  15. ^ "Large rockfall at West Bay on Jurassic Coast". the Guardian (bl-Ingliż). 2016-08-17. Miġbur 2021-10-16.
  16. ^ "Jurassic Coast cliff fall: Warnings after cliff collapse at Hive Beach" (bl-Ingliż). 2020-08-29. Miġbur 2021-10-16.
  17. ^ "Jurassic Coast cliff collapses in biggest UK rockfall for 60 years". the Guardian (bl-Ingliż). 2021-04-15. Miġbur 2021-10-16.
  18. ^ Harris, Paul (2014). The Jurassic Coast: Britain's Heritage Coast. Amberley Publishing Limited. p. 1. ISBN 978-1-4456-1922-4.
  19. ^ "Fossils of the Jurassic Coast | Jurassic Coast Trust". Jurassic Coast World Heritage Site (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-16.