Julia Sanina
Julia Sanina | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Kiev, 11 Ottubru 1990 (34 sena) |
Nazzjonalità |
Unjoni Sovjetika Ukrajna |
L-ewwel lingwa | Ukren |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università Nazzjonali ta' Taras Shevchenko ta' Kiev |
Lingwi |
Russu Ingliż Ukren |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
kantant kompożitur attur |
Sħubija | The Hardkiss |
Moviment artistiku | rock alternattiv |
Tip ta' leħen | contralto |
Strument/i tal-mużika |
vuċi pjanu |
Yuliia Oleksandrivna Bebko (bl-Ukren: Юлія Олександрівна Бебко; kunjomha xebba Holovan [bl-Ukren: Головань]; twieldet fil-11 ta' Ottubru 1990), magħrufa aħjar bħala Julia Sanina (bl-Ukren: Юлія Саніна [ˈjul⁽ʲ⁾ijɐ ˈsɑn⁽ʲ⁾inɐ]), hija kantanta Ukrena u l-element ewlieni tal-grupp rock alternattiv Ukren The Hardkiss.
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Sanina twieldet f'familja ta' mużiċisti fil-11 ta' Ottubru 1990 fi Kiev, fl-SSR Ukrena, l-Unjoni Sovjetika.[1] Hija kantat għall-ewwel darba fuq il-palk meta kellha tliet snin; il-kant tagħha mbagħad ġie akkumpanjat minn grupp mużikali mmexxi minn missierha. Eventwalment bdiet tkanta waħedha, kif ukoll bħala waħda mill-membri ta' grupp mużikali tat-tfal u grupp mużikali tal-jazz tal-kbar.
Fl-2005 iggradwat mill-Iskola Mużikali tal-Jazz u tal-Varjetà Artistika. Iktar 'il quddiem hija nkitbet fl-Istitut tal-Filoloġija tal-Università Nazzjonali ta' Taras Shevchenko fi Kiev u kisbet il-lawrija tal-Masters fl-istudji folkloristiċi fl-2013.[2] Hi u tistudja fil-kulleġġ, beda jkollha interess kbir fil-ġurnaliżmu.[3]
Mill-2006 sal-2008 hija kienet l-element vokali fil-grupp mużikali Sister Siren.[4]
F'Settembru 2011, Sanina u l-produttur mużikali Valeriy Bebko ħolqu d-dwett pop Val & Sanina, li kanta kanzunetti bir-Russu. Flimkien irreġistraw filmat sperimentali u ftit kanzunetti, fosthom The love has come (bir-Russu: Любовь настала; lirika ta' Robert Rozhdestvensky u mużika ta' Raimonds Pauls).
Ftit wara huma tejbu l-immaġni tagħhom fuq il-palk u bidlu l-isem tal-grupp għal The Hardkiss. Barra minn hekk, bdew jiktbu l-kanzunetti bl-Ingliż waħedhom b'sawnd iktar qawwi. Fil-ħarifa 2011 huma rrilaxxaw xi kanzunetti ġodda u rreġistraw il-filmat tad-debutt tagħhom imsejjaħ Babylon. Fi tmiem Ottubru 2011, The Hardkiss fetaħ il-kunċert tal-grupp mużikali Brittaniku Hurts.[5] Iktar tard dik is-sena huma rrilaxxaw filmat ieħor imsejjaħ Dance with me, li xxandar saħansitra fl-istazzjonijiet mużikali ewlenin.
Fi Frar 2012, il-grupp iffirma kuntratt mat-tikketta mużikali Sony BMG. F'qasir żmien il-grupp mużikali beda jikseb il-popolarità u rebaħ diversi premjijiet fl-Ukrajna, kif ukoll f'pajjiżi oħra. Fl-2014, Sanina bdiet ittella' blogs awdjoviżivi dwar ħajjitha u l-ħajja tal-grupp mużikali minn wara l-kwinti fil-kanal tal-YouTube tagħha.[6] Fl-2016 Sanina saret waħda mill-erba' membri tal-ġurija fis-seba' sensiela ta' The X Factor tal-Ukrajna.[7]
Sanina koospitat il-Festival tal-Eurovision tal-2023 f'Liverpool flimkien ma' Alesha Dixon u Hannah Waddingham, u għall-finali ngħaqad magħhom Graham Norton.[8]
Fl-2023 tħabbar li Sanina kienet se tagħmilha ta' kowċ fit-tlettax-il staġun ta' The Voice tal-Ukrajna minn Settembru 2023.
Ħajja personali
[immodifika | immodifika s-sors]Sanina żżewġet lil Valeriy "Val" Bebko, produttur kreattiv u l-kitarrista ewlieni ta' The Hardkiss, fl-2011 b'tieġ tradizzjonali bi stil Ukren. Il-koppja kienet iltaqgħet fl-2009 jew fl-2010 meta Sanina kienet intervistat lil Bebko, li kien il-produttur tal-MTV tal-Ukrajna dak iż-żmien, iżda huma żammew ir-relazzjoni tagħhom mistura sal-2014. L-ewwel wild tal-koppja, Danylo, twieled fil-21 ta' Novembru 2015.[9]
Stil
[immodifika | immodifika s-sors]Sanina tagħti attenzjoni partikolari lill-ilbies tagħha. Stilisti bħal Slava Tschaika u Vitaliy Datsiuk joħolqu l-ilbies għall-membri kollha ta' The Hardkiss. Il-grupp mużikali jaħdem mill-qrib ukoll ma' disinjaturi żgħażagħ (Ivanova, Bekh, Nadia Dziak, Anouki Bicholla, eċċ.).[10] Sanina tammira ferm ix-xogħol ta' Alexander McQueen, Vivienne Westwood u Gareth Pugh. Fil-ħajja tagħha ta' kuljum hija tippreferi tilbes il-ħwejjeġ tad-ditta Diesel, H&M u Topshop.[11]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Березніцька, Інна (2016-12-19). "Юлія Саніна". The Ukrainians (bl-Ukren). Miġbur 2024-04-09.
- ^ "Юлия Санина (The Hardkiss) стала магистром филологии". Joinfo Новости (bir-Russu). 2013-07-01. Miġbur 2024-04-09.
- ^ "Солисты The Hardkiss Юлия Санина и Валерий Бебко впервые рассказали о своей свадьбе: интервью Viva!". viva.ua (bl-Ukren). 2024-04-09. Miġbur 2024-04-09.
- ^ "День народження Юлії Саніної: кращі пісні The Hardkiss". znaj.ua (bl-Ukren). 2017-10-11. Miġbur 2024-04-09.
- ^ Melkozerova, Veronika (2016-12-01). "Yulia Sanina: Strong, authentic voice of The Hardkiss wins fans, shakes up music scene". Kyiv Post (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-09.
- ^ "Солистка группы The Hardkiss запустила собственный видеоблог | Шоу-бизнес | Культура | АиФ Украина". web.archive.org. 2014-12-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-12-25. Miġbur 2024-04-09.
- ^ "Идея для новогодней вечеринки: 8 образов Юлии Саниной". vogue.ua (bl-Ukren). 2016-12-27. Miġbur 2024-04-09.
- ^ "Eurovision 2023: Hosts revealed for Liverpool". eurovision.tv (bl-Ingliż). 2023-02-22. Miġbur 2024-04-09.
- ^ "Новини шоу бізнесу онлайн. Гламурні новини України та світу". Tochka.net (bl-Ukren). Miġbur 2024-04-09.
- ^ "Интервью: Юлия Санина и группа The Hardkiss | Портал о моде и стиле Look.tm". web.archive.org. 2014-08-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-08-05. Miġbur 2024-04-09.
- ^ "Юлия Санина, THE HARDKISS: "Искусство имеет очень тонкие грани, здесь каждый должен заниматься тем, в чем он действительно талантлив"". bit.ua Медіа про життя і технології в ньому. 2013-01-14. Miġbur 2024-04-09.