James Cook

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
James Cook
Ħajja
Twelid Marton (en) Translate, 27 Ottubru 1728, 1728, 7 Novembru 1728
Nazzjonalità Gran Brittanja
L-ewwel lingwa Ingliż
Mewt Kealakekua Bay (en) Translate, 14 Frar 1779
Kawża tal-mewt omiċidju (stab wound (en) Translate)
Familja
Omm Grace Pace
Konjuga/i Elizabeth Cook (en) Translate  (21 Diċembru 1762 -
Ulied
Edukazzjoni
Lingwi Ingliż
Franċiż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni esploratur
kartografu
uffiċjal navali
baħħar
botaniku
Premjijiet
Sħubija Soċjetà Rjali
Servizz militari
Fergħa militari Royal Navy (en) Translate
Grad captain (en) Translate

Il-Kaptan James Cook (Yorkshire, l-Ingilterra, 27 ta’ Ottubru, 1728 - 14 ta' Frar, 1779) kien l-akbar esploratur baħħar Ingliż tas-Seklu Tmintax.

Bin ħaddiem Skoċċiż. Il-familja marret tgħix fi Great Ayton fl-1736. James beda l-apprendistat fl-1745 fil-villaġġ ta’ Straithes, u wara kiseb esperjenza fit-tbaħħir bħala apprendist ma’ merkant tal-faħam fuq bastimenti fil-belt ta’ Whitby.

Fl-1755 ingħaqad mal-flotta Ingliża. It-talenti tiegħu spikkaw bħala baħri u kartografu kapaċi. Huwa għadda mill-eżami f’Ġunju 1757. Cook immappja d-daħla tax-Xmara St. Lawrence matul il-Gwerra ta’ Seba’ Snin bejn l-1756 u l-1763, u kien preżenti fiċ-ċediment tal-fortizza Franċiża ta’ Louisbourg fuq Cape Breton Island fis-26 ta’ Lulju 1758.

L-istħarriġ tiegħu tas-St. Lawrence għen fis-suċċess tal-Ġeneral James Wolfe (1727-1759) fil-Plains of Abraham matul l-Assedju ta’ Quebec f’Settembru 1759. Cook stħarreġ il-gżejjer ta’ St. Pierre u Miquelon qabel ma l-gżejjer ingħataw lil Franza fl-1763.

Fuq l-ewwel vjaġġ tiegħu, Cook kien kmandant tal-bastiment Endeavour. Hu­wa ttestja l-kronometru marit­timu mmanifatturat minn John Harrison (1693-1776); dan kien strument li jiddetermina l-longitudni billi jkejjel bl-eżatt il-ħin, minflok joqgħod fuq il-metodu l-antik lunari.

L-Ammiraljat ikkummissjona lil Cook biex josserva l-moviment ta’ Venus f’Tahiti, imbassra li sa tiġri fit-3 ta’ Ġunju 1769, mill-astronomu Edmund Halley (1656-1742). Il-moviment ta’ Venus tiġri meta l-orbitu tal-pjaneta tittraversja bejn id-dinja u x-xemx. Osservazzjoni ta’ dan l-avveniment kien jidher bħala mezz possibbli biex tikkalkula d-distanza bejn id-dinja u x-xemx.

Cook ingħata wkoll struzzjonijiet sigrieti biex jiskopri l-eżistenza ta’ Terra Australis Incognita, massa ta’ art enormi, u li kellu jara jekk New Zealand kinetx parti mill-kontinent tan-Nofsinhar.

L-Endeavour ("replic")

L-Endeavour salpa minn Plymouth fil-25 ta’ Awwissu 1768 b’ekwipaġġ ta’ 83 u 11-il passiġġier assoċjati ma’ studji xjentifiċi. Il-bastiment segwa vjaġġ twil u għadda minn Madeira, Rio de Janeiro, u wara madwar Cape Horn. Cook wasal Tahiti fit-13 ta’ April 1769 u beda preparazzjonijiet biex josserva l-Moviment ta’ Venus. Ir-reġistru tal-bastiment tiegħu jirrekordja d-dehra ta’ Venus bħala “atmosfera jew dell skur” fuq wiċċ ix-xemx.

Cook wara salpa lejn New Zealand fis-6 ta’ Ottubru 1769 u kien it-tieni Ewropew li niżel hemm; l-esploratur Olandiż Abel Tasman (1603-1659) kien niżel fl-1642. Cook baħħar madwar u għamel mappa kważi tal-kosta kollha ta’ New Zealand, u semma l-istrett li jissepara lill-gżejjar għalih.

Fil-25 ta’ Marzu 1770 baħħar lejn Van Damien (illum Tasmania). Madankollu, irjiħat qawwijin ġarrew il-bastiment lejn t-Tramuntana. L-art, li llum hija New South Wales, dehret fid-19 ta’ April, u Cook semmiha Point Hicks.

Dik l-okkażjoni serviet bħala l-iskoperta tal-kontinent Awstraljan għalkemm l-esploratur Ingliż William Dampier (1651-1715) kien stħarreġ partijiet mill-kosta tat-Tramuntana fl-1688.

Fid-29 ta’ April Cook salpa fil-Bajja Stingaree (aktar tard magħrufa bħala l-Bajja Botany). Din l-art serviet bħala d-destinazzjoni tal-flotta Ngliża fl-1778 meta l-Ingilterra bdiet tittrasporta priġunieri lejn il-kolonja penali tal-Awstralja.

L-Endeavour wara salpa matul il-kosta tal-Lvant, għadda minn inħawi li llum nafuhom bħala Victoria u Queensland. Fil-11 ta’ Ġunju l-bastiment inkalja fuq sikka fil-Great Barrier Reef u nħeles wara li rema bejn 40 u 50 tunnellati ta’ piż. Il-bastiment issewwa f’port sigur fi Queensland, u waqt li kien hemm qed jissewwa, ir-riċerkaturi setgħu jesploraw l-art.

Il-bastiment kompla jbaħ­ħar qalb is-sikek tal-Barrier Reef, u wara salpa lejn it-Tramuntana, għadda minn Cape York, Queensland, u wara lejn l-Istrett ta’ Torres li jissepara lill-Awstralja minn New Guinea. Wara li waqaf f’Batavia (illum Jakarta), Cook dawwar il-bastiment lejn il-Kap tat-Tama t-Tajba, u fl-aħħar wasal l-Ingilterra fit-13 ta’ Lulju 1771. Minkejja l-fatt li l-kalkoli tal-Moviment ta’ Venus kienu ta’ ftit valur xjentifiku, l-ewwel vjaġġ ta’ Cook irnexxielu li jimmappja New Zealand. Kemm l-Awstralja u kemm New Zealand ġew okkupati mill-Gran Brittanja bħala riżultat ta’ din l-esplorazzjoni.

Għalkemm l-esploratur Franċiż Louis de Bougainville (1729-1811) huwa l-ewwel Ewropew li baħħar fil-Great Barrier Reef f’Ġunju 1768, il-vjaġġ ta’ Cook huwa probabbli l-ewwel tilqigħa Ewropea mal-akbar orga­niż­mu ħaj fid-dinja.