Aqbeż għall-kontentut

Intelliġenza artifiċjali

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

L-intelliġenza artifiċjali (IA) hija intelliġenza — li tipperċepixxi, tisintetizza, u tiddeduċi informazzjoni — murija mill-magni, għall-kuntrarju tal-intelliġenza naturali murija mill-annimali u bnedmin. Eżempji ta' kompiti li fihom jintuża IA jinkludu r-rikonoxximent awtomatiku tad-diskors mitkellem, l-vista tal-kompjuter, u t-traduzzjoni awtomatika bejn lingwi (naturali).

L-applikazzjonijiet tal-IA jinkludu magni tat-tfittix avvanzati (eż. Google), sistemi ta' rakkomandazzjoni (użati minn YouTube, Amazon, u Netflix), kompjuters li jifhmu d-diskors mitkellem u miktub uman (bħal Siri u Alexa), karozzi li jsuqu waħedhom (eż. Tesla), teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat u kompjuters li jikkompetu fl-ogħla livelli f'sistemi ta' logħob strateġiki (bħaċ-ċess u Go[1]).

L-intelliġenza artifiċjali twaqqfet bħala dixxiplina akkademika fl-1956, u fis-snin ta' wara esperjenzat diversi mewġ ta' ottimiżmu[2], segwit minn diżappunt u telf ta' finanzjament (magħruf bħala "Ix-xitwa tal-IA")[3], segwit minn strateġiji ġodda, suċċessi, u finanzjament imġedded.[4][5] Ir-riċerka tal-IA ppruvat u warrbet ħafna strateġiji differenti sa mit-twaqqif tagħha, inkluż is-simulazzjoni tal-moħħ, il-loġika formali, bażijiet tad-dejta kbar ta' għarfien u l-imitazzjoni tal-imġieba annimaleska. Fl-ewwel deċennji tas-seklu 21, it-tagħlim awtomatiku ddomina l-qasam, u din it-teknika wriet suċċess kbir, u għenet biex issolvi ħafna problemi ta' sfida fl-industrija u l-akkademja.[6][7]

L-intelliġenza ġenerali (l-abbiltà li ssolvi problemi arbitrarji) hija fost l-għanijiet fit-tul tal-qasam.[8] Biex isolvu dawn il-problemi, riċerkaturi fl-IA adattaw u integraw firxa wiesgħa ta' metodi għas-soluzzjoni tal-problemi – inklużi tfittxija u ottimizzazzjoni matematika, loġika formali, netwerks newrali artifiċjali, u metodi bbażati fuq statistika, probabbiltà, u ekonomija. L-IA tibbaża wkoll fuq ix-xjenza tal-kompjuter, il-psikoloġija, il-lingwistika, il-filosofija, u ħafna oqsma oħra.

Il-qasam kien ibbażat fuq is-suppożizzjoni li saret f'proposta għal proġett ta' riċerka f'Darthmouth fil-1955[9] fejn qalu "L-istudju għandu jipproċedi fuq il-bażi tas-suppożizzjoni li kull aspett tat-tgħalim jew kwalinkwa aspett ieħor ta' intelliġenza jista' teoretikament jkun deskritt tant preċiżament li tkun possibbli ssir magna li tissimulah."

Dan qajjem argumenti filosofiċi dwar il-moħħ u l-konsegwenzi etiċi ta' li jinħolqu ħlejjaq artifiċjali b'intelliġenza bħal tal-bniedem; dawn il-kwistjonijiet kienu diġa ġew esplorati fil-ħrejjef u mitoloġiji, finzjonijiet, u filosofija sa mill-antikità.[10] Xjentisti tal-kompjuter u filosfi issuġġerew li l-IA tista' ssir riskju eżistenzjali għall-umanità jekk il-kapaċitajiet razzjonali tagħha ma jiġux immexxija lejn miri ta' benefiċċju uman.[11]

Didrachma tal-fidda minn Kreta li turi lil Talos, awtomat mitiku antik b'intelliġenza artifiċjali.

Ħlejjaq artifiċjali b'intelliġenza dehru bħala strumenti tar-rakkont fl-antikità,[12][13] u kienu komuni fil-finzjoni, bħal Frankenstein ta' Mary Shelley jew R.U.R. ta' Karel Čapek.[14] Dawn il-karattri u d-destini tagħhom qajmu ħafna kwistjonijiet li issa ġew diskussi fl-etika tal-intelliġenza artifiċjali.[15]

L-istudju tar-raġunament formali jew mekkaniku beda mal-filosfi u l-matematiċi fl-antikità. L-istudju tal-loġika matematika wassal direttament għat-teorija tal-komputazzjoni ta' Alan Turing, li ssuġġeriet li magna, billi timmanipola simboli sempliċi bħal "0" u "1" b'modi sempliċi, tista' tissimula kull att konċepibbli ta' deduzzjoni matematika. Dan il-kunċett li l-kompjuters diġitali jistgħu jissimulaw kwalunkwe proċess ta' raġunament formali huwa magħruf bħala t-teżi Church–Turing.[16] Dan, flimkien ma' skoperti fin-newroxjenza, it-teorija tal-informazzjoni u ċ-ċibernetika, wassal lir-riċerkaturi biex jikkunsidraw il-possibbiltà li jibnu moħħ elettroniku.[17] L-ewwel xogħol li issa huwa ġeneralment rikonoxxut bħala IA kien dak li McCullouch u Pitts għamlu fl-1943 fejn kienu ħarġu b'disinn formali għal "newroni artifiċjali" li huma Turing-kompleti.[18]

Sas-snin ħamsin, ħarġu żewġ viżjonijiet dwar kif tinkiseb l-intelliġenza mekkanika. Waħda mil-viżjonijonijiet, magħrufa bħala IA simbolika jew GOFAI, kienet li tuża kompjuters biex toħloq rappreżentazzjoni simbolika tad-dinja u sistemi li jistgħu jirraġunaw dwar id-dinja. Proponenti ta' din kienu jinkludu Allen Newell, Herbert A. Simon, u Marvin Minsky. Assoċjazzjoni viċin ta' din l-istrateġija hija dik ta' tfittxija ewristika, li xxebbaħ l-intelliġenza mal-problema ta' li tesplora spazju ta' possibbiltajiet għal tweġibiet. It-tieni viżjoni, magħrufa bħala l-istrateġija konnessjonista, fittxet li tikseb l-intelliġenza permezz tat-tagħlim. Proponenti ta' din l-istrateġija, l-aktar prominenti minnhom kien Frank Rosenblatt, fittxew li jużaw perceptrons b'modi ispirati minn konnessjonijiet ta' newroni.[19] James Manyika u oħrajn qabblu ż-żewġ strateġiji mal-menti (IA simbolika) u mal-moħħ (konnessjoniżmu). Manyika targumenta li l-istrateġiji simboliċi ddominaw l-ispinta għall-intelliġenza artifiċjali f'dan il-perjodu, parzjalment minħabba l-konnessjoni tagħha ma' tradizzjonijiet intellettwali ta' René Descartes, George Boole, Gottlob Frege, Bertrand Russell, u oħrajn. L-istrateġiji konnessjonisti bbażati fuq iċ-ċibernetika jew netwerks newrali artifiċjali kienu ġew imbuttati fl-isfond iżda kisbu prominenza enormi f'dawn l-aħħar deċennji.[20]

Il-qasam tar-riċerka tal-IA twieled f'workshop fil-Kulleġġ ta' Dartmouth fl-1956 (Daniel Crevier kiteb "il-konferenza hija ġeneralment mgħarufa bħala d-data tat-twelid offiċjali tax-xjenza l-ġdida").[21] Dawk li attendew saru l-fundaturi u l-mexxejja tar-riċerka tal-IA. Huma u l-istudenti tagħhom ipproduċew programmi li tal-istampa ddeskrivew bħala "tal-għaġeb": il-kompjuters kienu qed jitgħallmu strateġiji għal-logħoba checkers, isolvu problemi matematiċi miktubin bl-alġebra, jippruvaw teoremi loġiki, u jitkelmu bl-Ingliż.[a] Sa nofs is-sittinijiet, ir-riċerka fl-Istati Uniti kienet iffinanzjata bil-kbir mid-Dipartiment tad-Difiża u laboratorji sħaħ tal-IA kienu ġew stabbiliti madwar id-dinja.[22]

Riċerkaturi fis-sittinijiet u sebgħinijiet kienu konvinti li l-istrateġija simbolika eventwalment se toħloq magna b'intelliġenza artifiċjali ġenerali u qiesu dan bħala l-għan tal-qasam tagħhom[23]. Herbert Simon bassar li "il-magni se jkunu kapaċi, fi żmien għoxrin sena, jagħmlu kull xogħol li bniedem jista' jagħmel".[24] Marvin Minsky qabel, u kiteb "fi żmien ġenerazzjoni [...] il-problema tal-ħolqien ta' 'intelliġenza artifiċjali' se tissolva sostanzjalment".[25] Dawn naqsu milli jirrikonoxxu d-diffikultà ta' xi wħud mill-kompiti li kien fadal. Il-progress naqas u fl-1974, bi tweġiba għall-kritika ta' Sir James Lighthill[26] u l-pressjoni kontinwa mill-Kungress Amerikan biex jiffinanzja proġetti aktar produttivi, kemm il-gvernijiet tal-Istati Uniti kif ukoll dawk Ingliżi qatgħu r-riċerka esploratorja fl-IA. Il-ftit snin ta' wara kienu jissejħu "ix-xitwa tal-IA", perjodu meta l-kisba ta' finanzjament għal proġetti tal-IA kienet diffiċli.

Fil-bidu tat-tmeninijiet, ir-riċerka tal-IA reġgħet ġiet imqajma bis-suċċess kummerċjali tas-sistemi esperti,[27][28][29] forma ta' programm tal-IA li jissimula l-għarfien u l-ħiliet analitiċi tal-esperti umani. Sal-1985, is-suq għall-IA kien laħaq aktar minn biljun dollaru. Fl-istess ħin, il-proġett tal-kompjuter tal-ħames ġenerazzjoni tal-Ġappun ispira lill-gvernijiet tal-Istati Uniti u Ingliżi biex jirrestawraw il-finanzjament għar-riċerka akkademika.[30][4][31] Madankollu, wara li beda il-kollass tas-suq tal-Magna Lisp fl-1987, l-IA għal darb'oħra waqgħet f'diżreputazzjoni, u bdiet it-tieni xitwa li damet aktar.

Ħafna riċerkaturi bdew jiddubitaw li l-istrateġija simbolika tkun kapaċi timita l-proċessi kollha tal-konjizzjoni tal-bniedem, speċjalment il-perċezzjoni, ir-robotika, it-tagħlim u r-rikonoxximent tal-mudelli. Għadd ta' riċerkaturi bdew iħarsu lejn strateġiji "sotto-simboliċi" għal problemi speċifiċi tal-IA[32]. Ir-riċerkaturi tar-robotika, bħal Rodney Brooks, irrifjutaw l-IA simbolika u ffukaw fuq il-problemi bażiċi tal-inġinerija li jippermettu li r-robots jiċċaqilqu, jgħixu, u jifmu l-ambjent tagħhom.

L-interess fin-netwerks newrali u "konnezjoniżmu" reġa' tqajjem minn Geoffrey Hinton, David Rumelhart u oħrajn f'nofs is-snin tmenin. Għodod tal-komputazzjoni ratba ġew żviluppati fis-snin tmenin, bħal netwerks newrali, sistemi sfumati, teorija tas-sistemi griżi, komputazzjoni evoluzzjonarja u ħafna għodod meħuda mill-istatistika jew mill-ottimizzazzjoni matematika.

L-IA gradwalment irrestawrat ir-reputazzjoni tagħha fl-aħħar tad-disgħinijiet u l-bidu tas-seklu 21 billi sabet soluzzjonijiet speċifiċi għal problemi speċifiċi. L-applikazzjoni dejqa ppermettiet lir-riċerkaturi jipproduċu riżultati verifikabbli, jisfruttaw aktar metodi matematiċi, u jikkollaboraw ma' oqsma oħra (bħall-istatistika, l-ekonomija, u l-matematika). Sas-sena 2000, is-soluzzjonijiet żviluppati minn riċerkaturi tal-IA kienu qed jintużaw ħafna, għalkemm fis-snin disgħin rarament kienu deskritti bħala "intelliġenza artifiċjali".

Kompjuters aktar b'saħħithom, titjib algoritmiku, u aċċess għal ammonti kbar ta' dejta ppermettew avvanzi fit-tagħlim tal-magni u l-perċezzjoni; il-metodi tat-tagħlim profond li jkollhom bżonn ħafna dejta bdew jiddominaw bħala l-iktar metodi b'riżultati tajbin madwar l-2012.[33] Skont Jack Clark ta' Bloomberg, l-2015 kienet sena importanti għall-intelliġenza artifiċjali, fejn in-numru ta' proġetti li jużaw l-IA fi ħdan Google żdied minn "użu sporadiku" fl-2012 għal aktar minn 2,700 proġett. Clark kiteb: "Wara nofs deċenju ta' avvanzi siekta fl-intelliġenza artifiċjali, 2015 kienet sena fejn inqeleb kollox. Il-kompjuters huma iktar intelliġenti u jitgħalmu iktar malajr minn qatt qabel."[6] Huwa jattribwixxi dan għal żieda fin-netwerks newrali affordabbli, minħabba żieda fl-infrastruttura tal-cloud computing u għal żieda fl-għodod tar-riċerka u d-dejta.[6] Fi stħarriġ tal-2017, waħda minn kull ħames kumpaniji rrapportat li "inkorporaw IA f'xi offerti jew proċessi". L-ammont ta' riċerka fl-IA (imkejla mill-pubblikazzjonijiet totali) żdied b'50% fis-snin 2015–2019.[34]

Bosta riċerkaturi akkademiċi tħassbu li l-IA ma kinitx għadha qed issegwi l-għan oriġinali li toħloq magni versatili u kompletament intelliġenti. Ħafna mir-riċerka attwali tinvolvi IA statistika li tintuża b'mod qawwi biex issolvi problemi speċifiċi, b'mod speċjali it-tagħlim profond li għandu suċċess kbir. Dan it-tħassib wassal għas-sottoqasam tal-intelliġenza ġenerali artifiċjali (jew "IAG"), li kellu diversi istituzzjonijiet iffinanzjati sew sas-snin 2010.

Noti spjegatorji

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. Il-programmi deskritti huma il-program li jilgħab iċ-ċekers ta' Arthur Samuel li għamel għall-IBM 701, STUDENT ta' Daniel Bobrow, il-Logic Theorist ta' Newell u Simon, u SHRDLU ta' Terry Winograd.
  1. BBC (2017).
  2. Crevier (1993), pp. 109, 161–162, 197–203, 211, 240.
  3. Crevier (1993), pp. 115–117, 209–210.
  4. 1 2 Crevier (1993), pp. 161–162, 197–203, 211, 240.
  5. Anyoha (2017).
  6. 1 2 3 Clark (2015b).
  7. Fradkov (2020).
  8. Goertzel (2007).
  9. McCarthy (1955).
  10. Newquist (1994), pp. 45–53.
  11. Bostrom (2014).
  12. Shashkevich (2019).
  13. McCorduck (2004), pp. 4-5.
  14. McCorduck (2004), p. 27.
  15. McCorduck (2004), pp. 340–400.
  16. Berlinski (2001).
  17. Newquist (1994).
  18. Russell (2010), p. 16.
  19. Manyika (2022), p. 9.
  20. Manyika (2022), p. 10.
  21. Crevier (1993), pp. 47-49.
  22. Howe (2007).
  23. Newquist (1994), p. 86.
  24. Simon (1965), p. 96.
  25. Minsky (1967), p. 2.
  26. Lighthill (1973).
  27. McCorduck (2004), pp. 327–335, 434–435.
  28. Crevier (1993), pp. 145–62, 197–203.
  29. Newquist (1994), pp. 155–183.
  30. McCorduck (2004), pp. 426–441.
  31. Newquist (1994), pp. 235–248.
  32. Nilsson (1998), p. 7.
  33. London (2017).
  34. UNESCO (2021).