Il-Waqfien mill-Ġlied tal-Milied

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Meta kien qorob l-ewwel Milied, is-suldati miż-żewġ naħat bdew jagħtu l-awguri lin-naħa l-oħra. Kien ikun hemm ħafna kant u anki festini. L-atmosfera tant kienet saret paċifika, li xi suldati ħarġu mit-trunċieri u ltaqgħu fin-nofs jifirħu b’xulxin. Anki kien hemm numru ta’ logħ­ob tal-futbol. Sfortunatament il-Kmandanti taż-żewġ naħat xejn ma għogbithom dik il-ħbiberija. Aktar minn hekk wara l-battalji mdemmijin tas-Somme u Verdun u wkoll bl-użu estensiv tal-gass velenuż, l-ebda ħbiberija jew imħabba ma kienet teżisti aktar.

In-nuqqas ta’ fiduċja kienet ħraxet tant li għalkemm għall-bidu, iż-żewġ naħat kienu jitħallew jiġbru l-mejtin u l-feru­ti, aktar ma l-gwerra saret qalila u kattiva, il-feruti kienu jitħallew imutu bla ebda għajnuna waqt li l-mejtin kienu jispiċċaw mgħaff­ġin mit-tankijiet. B’dan kollu l-akbar ammont ta’ ħin kien jit­qatta bis-suldati għassa u jisparaw biss jekk jilmħu lil xi ħadd. Kien hemm numru ta’ battaljuni, imma dawk rari kienu jkunu involuti fil-ġlied, sempliċiment xi attakk rari jew biex jiddefendu t-trunċieri meta jkun hemm xi ħbit mill-avversarji.

Uħud mis-setturi kienu jiffaċċ­jaw ġlied kontinwu imma l-maġġor parti tat-trunċieri kienu pjuttost kwieti. B’dan kollu, l-ammont ta’ mejtin f’dawk it-trunċieri, kien diġà laħaq xi 108,000. Kien biss wieħed minn kull tnejn li kien jerġa’ lura mit-trunċiera qawwi u sħiħ, mingħajr ma jkun sofra xi ferita, jew għar, ikun miet.

Kull naħa kienet torganizza attakki li b’dan kollu, avolja kie­nu jseħħu matul il-lejl, kienu jirriżultaw f’ħafna feruti u mejtin. Kull dominanza kienet tfis­ser telf kbir ta’ ħajjiet. Qabel kull attakk kien ikun hemm bumbardament qawwi bil-kanuni imma għalkemm dawk il-bumbardamenti kienu jħejju xi parti għall-attakk, fl-istess waqt kienu jservu bħala avviż fuq in-naħa l-oħra hekk li kien ikun hemm l-opportunità li jissejħu r-riservi u jħejju għall-ġlied.

L-intensità tal-ġlied kienet tali li aktar minn 10% tas-suldati fit-trunċieri sfaw mejtin. Il-mediċina kienet għadha ferm primittiva. L-antibijotiċi ma kinux jeżistu hekk li anki ferita żgħira setgħet tkun fatali. Il-kangrena kienet komuni ħafna. Il-Ġermaniżi kienu iddikjaraw li 15% tal-feriti fis-saqajn u 25% tal-feriti fid-dirgħajn kienu jirriżultaw fil-mewt. L-Amerikani kellhom 44% li mietu bil-kangrena. Feriti oħrajn kienu kważi jfissru mewt awtomatika.

Bħal f’kull gwerra, l-aktar aspetti fatali kienu kawża tan-nuqqas ta’ iġene u sanità. Id-disenterija, it-tifu u l-kolera kie­nu ferm komuni. Is-suldati anki kienu jsofru minn parassiti u minn infezzjonijiet fungali, l-aktar fil-ħalq u s-saqajn. It-trunċieri kienu jkunu bl-ilma fil-qiegħ, li fix-xitwa kien jiksaħ tant li s-suldati kienu jmutu minħabba l-bard. Id-dfin tal-mejtin kien xi ħaġa li l-ebda naħa ma setgħet tesiġi u l-katavri kienu jibqgħu fin-nofs hekk li wara xi żmien ma kienux jintagħrfu aktar. Anki sal-lum stess, waqt li l-bdiewa jkunu jaħartu l-għelieqi, ta’ spiss isibu l-iġsma tas-suldati mejtin.

Is-suldati fit-trunċieri ftit li xejn kellhom armamenti, l-aktar xi azzarin, bajjunetta u bombi tal-idejn. Ħafna kienu jivvintaw armament speċjali, bħal xi pala imsinna daqs sikkina jew xi għodod tal-għelieqi.

L-aktar arma favorita kienu l-pistoli, imma dawk ma tantx kienu disponibbli għas-suldati komuni. Mhux il-każ li nidħol fid-dettall. Dwar dawn l-esperjenzi inkitbu kotba sħaħ u għalhekk min irid ikun jaf aktar faċli li jsib x’jaqra.