Gerry Zammit

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Gerry Zammit (1 ta’ Awwissu, 1930 - 6 ta' Lulju 1961) kien figura prominenti fil-moviment Laburista tas-snin 50 u ħadem spalla ma’ spalla mal-mexxejja tal-Partit Laburista fil-ġlieda għall-ħelsien ta’ Malta. Kien fundatur u l-ewwel Segretarju taż-Żgħażagħ tal-Partit Laburista u aktar tard Segretarju tat-Taqsima Gvern tal-GWU. Kien wieħed minn dawk li mexxew l-istrajk nazzjonali ta’ April 1958. Ta’ dan serva sentenza ta’ ħabs ftit qabel ma kellu jmur jistudja Oxford biex iħejji għal attività ikbar b’riżq pajjiżu.Kien għadu Oxford meta l-marda tal-kanċer qatlitu ħesrem fl-1961 fl-età ta’ 30 sena ftit qabel ma miet ukoll il-ħabib kbir tiegħu Ġużè Ellul Mercer.

"Rising star"[immodifika | immodifika s-sors]

Gerry kien persuna ġeneruża u tip intellettwali li jaqra ħafna u dejjem bil-gazzetti jew kotba taħt dirgħajh. Oħtu Ġuża tiddeskrivih bħala bravu ħafna iżda ta’ ftit kliem u fl-età ta’ disa’ snin ġie l-ewwel fl-eżami tal-Liċeo. Ġorġ Agius, ħabib ta’ Gerry, li aktar tard sar Segretarju Ġenerali tal-GWU, jiddeskrivih bħala bniedem mill-iktar simpatiku u leali li kull fejn kien dejjem impressjona bil-mod kif janalizza sitwazzjoni. Il-veteran Laburista Anton Cassar jgħid li Gerry kien wieħed mill-avangwardja tal-partit u fost l-aktar motivati fl-ideali tax-xellug. F’dawk is-snin, Gerry Zammit kien jissemma bħala ‘rising star’ tal-Partit Laburista flimkien ma’ nies bħal Patrick Holland u Joe Micallef Stafrace u aktar tard Lorry Sant u Lino Spiteri, kollha żgħażagħ prominenti li bdew jitgħabbew b’responsabbiltajiet kbar fi ħdan il-Moviment Laburista.

Lino Spiteri jiddeskrivi l-‘aura’ madwar Gerry u jgħid li kien jimpressjona lil Mintoff bl-argumenti tiegħu. Richard Matrenza, li bħal Gerry studja f’Ruskin College, kien ukoll Segretarju tat-Taqsima Gvern tal-GWU jiddeskrivi lil Gerry bħala żagħżugħ imħejji għat-tmexxija tal-moviment. Lino Cassar, li jfisser lil Gerry bħala soċjalist pur, kien sar jafu meta kienu jistampaw il-gazzetta Is-Sebħ f’Mayfair House. Aktar tard, kien mar iżuru l-isptar l-Ingilterra f’Diċembru 1960. J. G. Vassallo, li wara l-isplit kien laħaq Segretarju tal-Partit ta’ Boffa, jiddeskrivih bħala ‘fire brand’ u agitatur li kien jifforma parti mill-‘core group’ ta’ Mintoff. Effie Mifsud, li fis-snin 60 kien uffiċjal tal-partit ta’ Toni Pellegrini, jgħid li titkellem ma’ min titkellem, kulħadd jgħidlek li Gerry kien stilla.

Fil-Gżira[immodifika | immodifika s-sors]

Gerry Zammit beda l-ħidma tiegħu mal-Partit Laburista ftit wara li sar l-’isplit’ tal-Partit fl-1949. Mintoff kien ħa t-tmexxija tal-Partit filwaqt li l-ex-mexxej, it-tabib Pawlu Boffa, waqqaf partit ieħor tal-ħaddiema. Gerry kellu biss 19 il-sena u kien apprentist fit-tarzna. Kien f’dawk il-ġranet li ntefa’ b’saħħa f’ħidma fi ħdan il-Partit. F’temp ta’ ftit xhur kellu sehem ewlieni fit-twaqqif tal-Kumitat tal-Partit Laburista fil-Gżira, kif ukoll fit-twaqqif ta’ l-Għaqda taż-Żgħażagħ tal-Partit magħrufa bħala l-Labour League of Youth. Gerry beda jfittex Laburisti mill-Gżira li kienu jaħdmu fid-Dockyard biex jingħaqdu miegħu bil-ħsieb li jitwaqqaf l-ewwel Kumitat Laburista fil-Gżira. L-ewwel laqgħa ġenerali tal-lokal saret nhar it-2 ta’ Novembru 1949 u Gerry inħatar l-ewwel segretarju.

J.M. Baldacchino, li kien l-ewwel assistent segretarju u aktar tard sar segretarju flok Gerry, jirrakkonta kemm Gerry kien serju f’xogħlu, tal-punt u tip li jimpenja ruħu bil-kbir u li bil-ħidma tiegħu poġġa lill-kumitat tal-Gżira fuq sisien sodi.

Ħidma fil-Partit u t-twaqqif taż-Żgħażagħ Laburisti[immodifika | immodifika s-sors]

Skont il-minuti tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-partit tat-3 ta’ Ottubru 1950, Gerry Zammit bagħat ittra li fiha ppropona għaqda taż-żgħażagħ fil-partit. Dom Mintoff irrisponda billi ħatar kummissjoni ta’ tlieta minn nies biex iħejju pjan għat-twaqqif ta’ l-għaqda. Din kienet tinkludi s-Segretarju Ġenerali tal-Partit, Joe Attard Kingswell. L-Eżekuttiv tas-6 ta’ Novembru 1950 iddeċieda favur il-proposta u ġiet imsejħa laqgħa għaż-żgħażagħ Laburisti fl-14 ta’ Jannar, 1951 fil-Belt.

Il-laqgħa, li fiha kien approvat l-istatut ta’ l-għaqda, kienet indirizzata mid-Deputat Mexxej tal-Partit, l-Avukat Joe Flores, li kien tefa’ għajnejh fuq Gerry u kien jinkoraggih ħafna. Iċ-chairman tal-laqgħa kien Danny Cremona. Din il-laqgħa kienet irrapportata bi prominenza fil-gazzetta Is-Sebħ tat-18 ta’ Jannar li fiha wkoll deher avviż iffirmat minn Gerry Zammit fejn appella biex il-membri jibagħtu nominazzjonijiet għall-karigi uffiċjali ta’ l-għaqda. Il-laqgħa tkompliet fit-28 ta’ Jannar b’diskors ta’ Mintoff, li spjega kif mill-għaqda taż-żgħażagħ ried jinbena l-pedament sod biex il-Partit Laburista jissaħħaħ fil-ġlieda għall-ħelsien mill-kolonjalizmu.

Gerry inħatar l-ewwel segretarju ta’ l-għaqda. Aktar tard, Gerry Zammit serva wkoll fuq l-eżekuttiv tal-Partit Laburista sakemm fl-1953 iddeċieda li jmur jaħdem għal numru ta’ snin l-Ingilterra. Baqa’ l-Ingilterra sa 1957. Ħadem ukoll għal perjodu twil imbarkat fuq il-merkantili bil-ħsieb li jevita l-lieva. F’dak il-perjodu, Gerry ivvjaġġa ħafna madwar id-dinja, inkluż fl-Asja u l-Awstralja. Yvonne Micallef Stafrace, l-ewwel mara impjegata mal-GWU, issemmi kif Gerry kien iħobb jirrakkonta stejjer dwar il-vjaġġi li kien jagħmel, b’mod partikolari l-mod kif kien jimpressjonah il-faqar li kien jiltaqa’ miegħu f’ċertu pajjiżi Asjatici.

Fl-1957, fuq insistenza tal-mexxejja tal-moviment Laburista, Gerry ġie lura Malta u għamel sena fil-kariga ta’ Segretarju ta’ Taqsima fil-GWU sakemm f’Settembru 1958 mar jistudja Oxford. Mill-Ingilterra baqa’ jgħin xorta waħda lill-partit u kien jirrappreżenta lill-Partit Laburista f’numru ta’ laqgħat internazzjonali. L-iktar waħda prominenti kienet f’Marzu tas-sena 1960 meta Gerry kien ingħaqad mad-delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-famuża ‘Goodwill Mission’ li mexxa Dom Mintoff fil-Lvant Nofsani qabel ma attendew il-Kunsill ta’ l-Internazzjonali Soċjalista fl-Iżrael. Ma’ Gerry u Mintoff kienu marru Anton Buttigieg u Ġużè Cassar.

Il-perjodu mal-GWU u t-28 ta’ April 1958[immodifika | immodifika s-sors]

Gerry Zammit sar Segretarju tat-Taqsima tal-Gvern tal-GWU f’Settembru 1957 flok J. C. Saliba. Għalkemm dam biss sena f’din il-kariga laħaq għamel impatt qawwi fuq il-ħidma tat-taqsima. Il-minuti tal-Kunsill tal-GWU ta’ dik is-sena jagħtu indikazzjoni ċara tad-dedikazzjoni li kellu Gerry għax-xogħol ta’ l-Union. Kien ikun fil-qalba ta’ ħafna mill-inizjattivi li kienu jittieħdu. Matul dik is-sena Gerry kien ħa sehem prominenti fl-istrajk nazzjonali organizzat mill-GWU f’April 1958.

Alfred Sant fil-ktieb tiegħu ‘28 ta’April 1958 – il-Ħobż u l-Ħelsien’ jispjega fid-dettal l-isfond tal-ġrajja. Il-protesta kontra l-Gvern Ingliż saret għax l-Ingliżi naqsu milli jonoraw l-obbligazzjonijiet tagħhom. Il-ktieb ta’ Sant jikkonkludi li t-triq lejn il-ħelsien u n-newtralità kellha l-bidu tagħha fil-ġrajja tat-28 ta’ April. Gerry kien wera kuraġġ u inizjattiva kbira dak in-nhar u flimkien ma’ uffiċjali oħrajn ta’ l-union serva sentenza ta’ ħabs fuq akkuża ta’ intimidazzjoni.

Id-dettalji tal-proċeduri fil-qorti kontra Gerry u sħabu huma dokumentati fil-ktieb ta’ Alfred Sant. Meta ħareġ mill-ħabs fid-19 ta’Lulju, il-gazzetta The Torch ġabet rapport prominenti fil-faċċata tagħha b’ritratt ta’ Gerry imdawwar bl-uffiċjali ta’ l-Union, inkluż is-Segretarju Ġenerali Reggie Miller. It-titlu tar-rapport kien jgħid Last of the “Terrorists” b’referenza għall-mod kif l-Ingliżi kienu jirreferu għal dawk il-Maltin qalbiena li organizzaw l-istrajk nazzjonali.

J.C. Saliba jaħseb li Gerry kien jilħaq Segretarju Ġenerali ta’ l-Union kieku spiċċa l-istudju l-Ingilterra, għax il-membri tal-Kunsill tal-GWU kellhom fiduċja kbira fih.

It-tbatija f’Oxford u l-aħħar żjara lil Dom Mintoff[immodifika | immodifika s-sors]

Ftit wara li beda l-istudju f’Ruskin College Oxford, Gerry iltaqa’ ma’ Ann Johnson, li kienet studenta Ingliża tistudja fl-istess kulleġġ. Kienu jistudjaw flimkien u jattendu diversi attivitajiet ta’ l-Università. Ma damux ma saru ħbieb kbar u iktar tard inseparabbli. Iżżewġu Oxford fl-1960, meta diġà kienu bdew jidhru s-sinjali tal-mard f’Gerry u baqgħet iżżomm kunjomu sal-lum. Ann Zammit illum tgħix Franza, u għamlet karriera bħala ekonomista fil-qafas tal-Gnus Magħquda. Fis-snin 70 ħadmet bħala konsulenta ekonomika mal-Gvern Malti.

Ann għandha memorji ċari ħafna tas-sofferenzi li ġarrab Gerry fl-aħħar xhur ta’ ħajtu. Tirrakkonta kif, minkejja l-ugiegh, Gerry baqa’ juri kuraġġ kbir fl-istudju tiegħu. Wara li lestew id-diploma f’Ruskin College, Gerry beda kors ta’ studju ieħor f’Wadham College, Oxford. Iżda wara l-ewwel xahrejn, inħakem mill-marda tal-kanċer u baqa’ jistudja mid-dar u mill-isptar. Kien imur jarah kull ġimgħa l-ħabib tiegħu Frans Massa, li kien jgħix Londra u kien l-unika persuna apparti Ann li kien jaf bil-marda fatali li kien qiegħed iġarrab.

F’Marzu 1961, tliet xhur qabel miet, Gerry żar Malta għall-aħħar darba flimkien ma’ Ann. Kienu alloġġjati fil-villa tal-Perit Dom Mintoff, li miegħu Gerry kien jikkorrispondi regolari minn Oxford. Minn ftit wara li sar l-’isplit’ tal-Partit Laburista fl-1949, Gerry kien rebaħ il-fiduċja u l-kunfidenza ta’ Mintoff u baqa’ jgħinu fil-ħidma tal-Partit sa l-aħħar. Wara ftit ġranet biss li kienu Malta, Gerry ħassu ħażin fir-residenza ta’ Mintoff u kien ordnat mit-tabib tiegħu biex jirritorna lura l-Ingilterra immedjatament biex jingħata mediċina speċjali. Dak kellu jkun l-aħħar vjaġġ ta’ Gerry.

Mewt[immodifika | immodifika s-sors]

Kienet Ann Zammit li ġabet l-aħbar tal-mewt tiegħu li seħħet il-Ħamis, 6 ta’ Lulju. L-aħbar ħasdet bil-kbir lill-Partit Laburista u lill-GWU. Ħasdet iktar lill-familjari tiegħu, li sa dak in-nhar kienu għadhom ma jafux bil-gravità tal-marda li kellu. Kien Gerry stess li ma xtaqhomx ikunu jafu biex ma jinkwetawx. Ann baqgħet Malta matul dak is-sajf alloġġjata fir-residenza ta’ Mintoff. Għal Mintoff, it-telfa ta’ Gerry kienet waħda mill-akbar għafsiet ta’ qalb li ġarrab f’ħajtu.

Il-mewt ta’ Gerry saret fi żmien meta r-relazzjonijiet bejn il-partit u l-knisja kienu ħżiena ħafna. F’dik is-sena l-eżekuttiv kollu tal-partit ingħata l-interdett u Gerry innifsu, skond Ann, kien mhedded bl-istess interdett anke fuq is-sodda tal-mewt. Sa l-aħħar Gerry baqa’ ma ċediex il-prinċipji Laburisti tiegħu. Hu kien iddeċieda li wara mewtu, ġismu jintuża għar-riċerka medika li għal dak iż-żmien kienet ħaġa radikali u kontroversjali. Din ir-riċerka damet sejra tmien xhur sa April tas-sena 1962. Ann tirrakkonta li sabuha diffiċli biex Gerry jindifen kif xieraq f’Malta u għalhekk ittieħdet deċiżjoni li jindifen l-Ingilterra.

Bħal James Dean, l-artist li kien jammira u li ħadem il-film ‘Rebel without a cause’, Gerry kien karizmatiku u spikka kemm għax kien bniedem kapaċi, kif ukoll għax kellu ħajja qasira. Gerry Zammit ukoll hu simbolu ribelluż li kien ta’ ispirazzjoni għal ħafna nies li ġew warajh. Il-memorja ta‘ Gerry Zammit jixraq li tingħata qima minn kull min jgħożż il-valuri tal-ħelsien li għalihom tant iġġieled b’dedikazzjoni.