Aqbeż għall-kontentut

Fenek ta' Amami

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Fenek ta' Ryukyu)
Fenek ta' Amami
Klassifikazzjoni xjentifika
Renju: Animalia
Phylum: Chordata
Klassi: Mammalia
Sottoklassi: Theria
Infraklassi: Eutheria
Superordni: Euarchontoglires
Ordni: Lagomorpha
Familja: Leporidae
Ġeneru: Pentalagus
Speċi: P. furnessi
Isem binominali
Pentalagus furnessi
Stone, 1900

Il-Fenek ta' Amami, magħruf ukoll bħala l-Fenek ta' Ryukyu (Pentalagus furnessi) huwa mammiferu plaċentat erbivoru. Hu hu fenek monotipiku (l-uniku wieħed fil-ġeneru Pentalagus) ta' pil skur pjuttost primittiv li jinsab biss fuq iż-żewġ gżejjer tal-arċipelagu ta' Ryūkyū fil-Ġappun.

Dan il-fenek notturn għandu saqajn qosra bi dwiefer kemmxejn kbar u mgħawġijn, ġisem goff u ras ċkejkna b'par widnejn żgħar speċjalment meta mqabla ma' dawk tal-fniek u l-liebri l-oħrajn. Dan il-fenek tal-foresta, apparentement jirriproduċi billi jkollu żarmuġ wieħed (rarament tnejn) kull darba, li l-omm taħbi f'bejta li tħaffer hi stess taħt l-art għal matul il-ġurnata. Bil-lejl, l-omm tiftaħ id-dħul ta' din il-bejta waqt li tibqa għassa għal periklu (bħal xi sriep velenużi), biex tisqi ż-żrameġ u kif tlesti, din terġa tgħalaq kollox bil-ħaxix u t-trab billi tagħfas fuqhom b'saqajha ta' quddiem. Il-fniek ta' Amami jorqdu matul il-ġurnata f'postijiet moħbija bħal l-għerien. Dan il-fenek huwa partikulari wkoll għax jikkomunika bi twerżieq u ħsejjes simili għal dawk tal-pika u dan jagħmel din l-ispeċi unika fost il-fniek minn ħabba li ġeneralment il-fniek m'humiex kapaċi jagħmlu ħsejjes.

Sfortunatament il-Fenek ta' Amami huwa f'periklu ta' estinzjoni minħabba l-kaċċa mill-bniedem, li spiċċat meta l-Ġappun ta' protezjoni legali lil dan il-fenek fl-1921, qtil minn klieb, qtattes u annimali oħra li telaq fis-salvaġġ il-bniedem fuq dawn il-gżejjer li għadu għaddej sa llum u d-deforestazzjoni fejn din issir matul il-ġurnata waqt li l-fenek ikun rieqed u b'hekk ma jkollux ħin biżżejjed lanqas biex jaħrab u jispiċċa maqtul fuq il-post.

Distribuzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Dan huwa speċi endemiku tal-Ġappun u jinsab biss fuq iż-żewġ gżejjer żgħar ta' Amami Oshima u Toku-no-Shima ta' 820 km² u 248 km² rispettivament, li jagħmlu parti mil-arċipelagu ta' Ryūkyū u qegħdin fin-naħa t isfel ta' Kyūshū u Okinawa f'Kagoshima (iżda aktar fil-qrib ta' Okinawa).

Klassifikazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Ħafna drabi meqjus u msejjaħ bħala fossilu ħaj, il-fenek ta' Amami huwa l-aħħar wieħed minn linjaġ antik ta' fniek li darba kienu mifruxin fuq il-kontinent Ażjatiku wkoll fejn illum huma estinti, minbarra fuq iż-żewġ gżejjer Ġappuniżi.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]