Eżistenzjaliżmu Nisrani
L-Eżistenzjaliżmu Nisrani hu muviment teo-filosofiku li jħaddan approċċ eżistenzjalista għat-teoloġija Nisranija. L-oriġini ta’ din l-iskola ta’ ħsieb ta’ sikwit imorru għax-xogħol tal-filosfu u teologu Daniż Søren Kierkegaard (1813-1855), meqjus bħala missier l-eżistenzjaliżmu.[1]
Temi Kierkegaardjani
[immodifika | immodifika s-sors]L-Eżistenzjaliżmu Nisrani jistrieħ fuq kif Kierkegaard fehem il-Kristjaneżmu. Kierkegaard ressaq l-argument li l-univers hu fundamentalment paradossali, u li l-akbar paradoss tiegħu jinsab fl-unjoni traxxendentali ta’ Alla mal-Bniedem fil-persuna ta’ Ġesù Kristu. Ippożita wkoll rapport personali ma’ Alla li jisboq kull moralità, struttura soċjali, u normi komunali preskritti,[2] billi asserixxa li jekk wieħed isegwi l-konvenzjonijiet soċjali jkun qiegħed essenzjalment jagħmel għażla estetika personali. Kierkegaard ipproponi li kull persuna tagħmel għażliet indipendenti, li mbagħad isawru l-eżistenza tagħhom. Kull persuna tbati l-ansjetà tal-indeċiżjoni (kemm jekk tkun konxja jew le minn dan) sa ma jimpenjaw ruħhom favur għażla partikolari dwar il-mod kif jgħixu. Kierkegaard ippropona wkoll tliet rubriki li bihom jinftehmu l-kondizzjonijiet li joħorġu minn għażliet ċari tal-ħajja: ir-rubrika estetika, dik etika, u dik reliġjuża.
Premessi maġġuri
[immodifika | immodifika s-sors]Waħda mill-premessi maġġuri tal-Eżistenzjaliżmu Nisrani ta’ Kierkegaard hi l-mases tintraddilhom forma aktar ġenwina ta’ Kristjaneżmu. Dil-forma ta’ sikwit tiġi identifikata ma’ xi nozzjoni tal-Kristjaneżmu Bikri, li kien jeżisti l-aktar matul l-ewwel tliet sekli wara t-Tislib ta’ Ġesù. Mill-Editt ta’ Milan ’il quddiem – liema Editt kien inħareġ mill-Imperatur Ruman Kostantinu I fl-313 w.K. – il-Kristjaneżmu gawda minn livell ta’ popolarità fost ir-Rumani u wara fost gruppi etniċi oħrajn Ewropej. B’danakollu, Kierkegaard asserixxa li fis-seklu 19, it-tifsira aħħarija tal-Kristjaneżmu skont it-Testment il-Ġdid kienu l-virtujiet Insara tal-imħabba, tal-agape, u tal-ħniena. Il-ħniena-b’imħabba sfat pervertita, u l-Kristjaneżmu ddevja bil-kbir mill-messaġġ oriġinali tiegħu ta’ grazzja, umiltà, u mħabba. Premessa oħra maġġuri tal-Eżistenzjaliżmu Nisrani ta’ Kierkegaard hi marbuta mal-konċezzjoni ta’ Alla u tal-Imħabba li kellu Kierkegaard. Fil-biċċa l-kbira, għal Kierkegaard God hu Mħabba.[3] Għalhekk, meta persuna twettaq att ta’ mħabba, tkun fil-fatt qed tikseb aspett tad-divinità. Kierkegaard kien jara wkoll lill-invidiwu bħala sintesi neċessarja tal-elementi finiti u infiniti; Għalhekk meta individwu ma jasal għar-realizzazzjoni sħiħa tan-naħa infinita tiegħu, jingħad li hu fid-disprament. Bosta teoloġi Nsara kontemporanji jqisu n-nozzjoni ta’ disprament bħala dnub. Iżda għal Kierkegaard, xi ħadd jidneb meta jkun espost għal din l-idea ta’ disprament u xorta jagħżel triq li ma tkun dik li taqbel mar-Rieda t’Alla.
Premessa maġġuri tal-aħħar tal-Eżistenzjaliżmu Nisrani ta’ Kierkegaard hi marbuta mar-reverżjoni sistematika tal-għemejjel ħżiena. Kierkegaard asserixxa illi ladarba azzjoni tkun saret, tiġi vvalutata quddiem Alla, billi li wieħed joqgħod għall-iskrutinju divin hu l-uniku mezz biex wieħed jiġġudika l-azzjonijiet tiegħu. Billi l-azzjonijiet jikkostitwixxu l-mod li bihom xi ħaġa titqies tajba jew ħażina, wieħed irid ikun kostantement konxju mill-konsegwenzi potenzjali ta’ għemilu. Kierkegaard kien jemmen li l-għażla bejn it-tajjeb u l-ħażin fl-aħħar mill-aħħar hi kustjoni f’idejn kull individwu. B’danakollu, Kierkegaard ra wkoll il-limitazzjoni potenzjali tal-għażliet għall-individwi li jaqgħu fid-disprament.[4]
Il-Bibbja
[immodifika | immodifika s-sors]L-Eżistenzjaliżmu Nisrani ta’ spiss jirreferi għal dak li jissejjaħ l-istil indirett tat-tagħlim ta’ Kristu, li jqisu bħala aspett distintiv u importanti tal-ministeru tiegħu. Il-punt li jkun qed jagħmel Kristu – skont l-Eżistenzjaliżmu Nisrani – ħafna drabi jibqa’ ma jingħad f’ebda parobbola jew għajdun biex kull individwu jingħata l-opportunità jikkonfronta l-verità fil-qalb ta’ qalbu.[5] Dan hu partikolarment evidenti (għad li żgur mhux limitat għal dan) fil-parabboli, ngħidu aħna fil-Vanġelu ta’ Mattew 18:21-35. Eżempju tajjeb tal-komunikazzjoni indiretta fit-Testment il-Qadim hi l-istorja ta’ David u l-Profeta Natan f’2 Samwel 12:1-14. Il-qari eżistenzjalista tal-Bibbja jitlob li l-qarrej jagħraf li hu soġġett eżistenti, li jistudja l-kliem li Alla jikkomunikalu personalment. Dan jikkontrasta mal-approċċ imsejjes fuq kollezzjoni ta’ veritajiet li jinsabu barra mill-qarrej u mhumiex marbutin miegħu.[6] Tali qarrej mhux obbligat jimxi mal-kmandamenti bħalkieku hemm aġent estern li qed jisfurzahom fuqu, imma bħalkieku jinsabu ġo fih u jmexxuh internament. Dan hu l-kompitu li jassumi Kierkegaard meta jistaqsi: "Min għandu l-kompitu l-aktar diffiċli: l-għalliem li jgħallem fuq ħwejjeġ sinċieri iżda mbiegħed mill-ħajja ta’ kuljum bħalma tkun imbegħda meterjorite, jew l-alljiev li jrid jħaddimhom dawk il-ħwejjeġ?"[7] Mill-punto di vista eżistenzjalista, il-Bibbja ma ssirx awtorità f’ħajjet persuna sal-mument li fih dik il-persuna tippermetti lill-Bibbja tkun l-awtorità personali tagħha.
Teoloġija eżistenzjalista
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-monografija Existential Theology: An Introduction (2020), Hue Woodson jagħti sommarju kostruttiv tal-qasam u, jargumenta, tal-ħassieba li jistgħu jitqiesu b’mod wiesa’ li jingaġġaw mat-teoloġija eżistenzjalista, filwaqt li jitkellem dwar skola Franċiża li tinkludi lil Gabriel Marcel, Jacques Maritain, u Jean-Luc Marion]],[8], skola Tedeska li tinkludi lillmmanuel Kant, Johann Gottlieb Fichte, Friedrich Wilhelm Joseph Schelling, Georg Wilhelm Friedrich Hegel, u Dietrich Bonhoeffer,[9], u skola Russa li tinkludi lil Fyodor Dostoyevsky, Leo Tolstoy, u Nikolai Berdyaev.[10]
Il-Kristjaneżmu Eżistenzjalista Radikali
[immodifika | immodifika s-sors]Ingħad li l-fidi tal-Insara Eżistenzjalista Radikali hi msejsa fuq l-esperjenza tagħhom permezz tas-sensi u b’mod immedjat ta’ Alla, f’termini umani.[11] Hu ssuġġerit li l-individwi ma joħolqux l-eżistenza Nisranija tagħhom; ma tiġix bħala riżultat ta’ deċiżjoni li wieħed jagħmel personalment. Il-Protestanti radikali tas-seklu 17, ngħidu aħna l-Quakers, setgħu b’xi mod kienu allinjati teo-filosofikament mal-Kristjaneżmu eżistenzjalista radikali.
Qari ulterjuri
[immodifika | immodifika s-sors]- Cobb, John B. (1967). The Structure of Christian Existence (Philadelphia: The Westminster Press)
- Cochrane, Arthur (1956). The Existentialists and God (Dubuque: The University of Dubuque Press)
- Davis, George W. (1957). Existentialism and Theology: An Investigation of the Contribution of Rudolf Bultmann to Theological Thought (New York: Philosophical Library)
- Heinemann, F. H. (1958). Existentialism and the Modern Predicament (New York: Harper and Row)
- Jansen, G. M, A. (1966). An Existential Approach to Theology (Milwaukee: The Bruce Publishing Company)
- Jenkins, David. (1987). The Scope and Limits of John Macquarrie's Existential Theology (Stockholm: Uppsala)
- Kuitert, H. M. (1968). The Reality of Faith: A Way Between Protestant Orthodoxy and Existentialist Theology (Grand Rapids: Eerdmans)
- Macquarrie, John (1957). An Existentialist Theology: A Comparison of Heidegger and Bultmann (New York: The Macmillian Company)
- Martin, Bernard (1963). The Existentialist Theology of Paul Tillich (New Haven: College and University Press)
- Michalson, Carl, ed. (1956). Christianity and the Existentialists (New York: Charles Scribner's Sons)
- Slaate, Howard A. (1971). The Paradox of Existentialist Theology: The Dialectics of a Faith-Subsumed Reason-in-Existence (New York: Humanities Press)
- Spier, J. M. (1953), Christianity and Existentialism (Philadelphia: The Presbyterian and Reformed Publishing Company)
- Stagg, Frank. (1973). Polarities of Man's Existence in Biblical Perspective (Philadelphia: The Westminster Press)
- Williams, J. Rodman. (1965). Contemporary Existentialism and Christian Faith (Englewood Cliffs: Prentice Fall)
- Woodson, Hue. (2020). Existential Theology: An Introduction (Eugene: Wipf and Stock) ISBN 978-1-5326-6840-1
Riferenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ M.J. Eliade & C.J. Adams (1987). Encyclopedia of Religion (v.5). Macmillan Publishing Company.
- ^ Søren Kierkegaard (1846). Concluding Unscientific Postscript, miktub bil-psewdonimu Johannes Climacus.
- ^ Søren Kierkegaard (1849). The Sickness Unto Death Trad. Alastair Hannay (New York: Penguin Books, 2004), 14.
- ^ Søren Kierkegaard (1849). The Sickness Unto Death Trad. Alastair Hannay (New York: Penguin Books, 2004), 24.
- ^ Donald D. Palmer (1996). Kierkegaard For Beginners. London, England: Writers And Readers Limited. p. 25.
- ^ Howard V. Hong (1983). "Historical Introduction" to Fear and Trembling. Princeton, New Jersey: Princeton University Press, p. x.
- ^ Søren Kierkegaard (1847). Works of Love. Harper & Row, Publishers. New York, N.Y. 1962. p. 62.
- ^ Woodson, 2020, p. 50-66
- ^ Woodson, 2020, p. 67-91
- ^ Woodson, 2020, p. 92-108
- ^ . CreateSpace Independent Publishing Platform. ISBN 9781503134911. Parametru mhux magħruf
|last=
injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf|title=
injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf|location=
injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf|first=
injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf|year=
injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf|publisher=
injorat (forsi ridt tuża|pubblikatur=
minflok) (għajnuna);|title=
nieqes jew vojt (għajnuna)