Deżert ta' Badain Jaran
Id-Deżert ta' Badain Jaran (biċ-Ċiniż: 巴丹吉林沙漠; bil-Pinjin: Bādānjílín Shāmò) huwa deżert fiċ-Ċina li huwa estiż fil-provinċji ta' Gansu, ta' Ningxia u tal-Mongolja Interna. Ikopri erja ta' 49,000 kilometru kwadru (19,000 mil kwadru; 12,000,000 akru). Bħala daqs dan id-deżert huwa t-tielet l-ikbar deżert fiċ-Ċina.
Id-Deżert ta' Badain Jaran jospita wħud mill-ogħla duni stazzjonarji fid-Dinja, u wħud saħansitra jilħqu għoli ta' iktar minn 500 metru (1,600 pied; 0.31 mili), għalkemm il-biċċa l-kbira jilħqu medja ta' madwar 200 metru (660 pied). L-ogħla duna tad-deżert, mill-bażi sal-quċċata, ġiet imkejla li hija t-tielet l-ogħla duna u l-ogħla duna stazzjonarja fid-dinja.[1]
Id-deżert fih ukoll iktar minn 100 lag alimentati minn fawwariet li jinsabu bejn id-duni; uħud minnhom huma tal-ilma ħelu filwaqt li oħrajn għandhom kontenut għoli ta' melħ. Dawn il-lagi rriżultaw f'isem id-deżert, li bil-Mongoljan ifisser "lagi misterjużi". Dawn il-lagi għadhom ma ġewx studjati għalkollox u permezz tal-aċidità għolja tagħhom jgħixu ġo fihom komunitajiet tassew interessanti ta' annimali.[2] Minn ġod-deżert taqsam ukoll ix-xmara Ruo Shui (li tfisser "ilma dgħajjef"), li ffurmat pjanura alluvjonali fid-deżert.[3]
B'erja ta' iktar minn 49,000 kilometru kwadru (19,000 mil kwadru), id-Deżert ta' Badain Jaran ikopri parti sinifikanti tal-parti ċentrali u tan-Nofsinhar tar-Reġjun Awtonomu tal-Mongolja Interna kif ukoll tal-parti tat-Tramuntana tal-Provinċja ta' Gansu. Jinsab fil-Promontorju ta' Alxa Plateau madwar 1,200 metru (3,900 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar u jitqies bħala sottosezzjoni tad-Deżert tal-Gobi. Huwa kkonfinat lejn it-Tramuntana mid-Deżert tal-Gobi u lejn il-Lvant mill-Muntanja Lang li tisseparah mid-Deżert ta' Ulan Buh (bil-Pinjin: wū lán bù hé shā mò; biċ-Ċiniż: 乌兰布和沙漠).
Għalkemm il-biċċa l-kbira tad-duni fid-deżert mhumiex stazzjonarji, id-duni l-kbar li normalment ikunu ogħla minn 200 metru (660 pied) huma statiċi. Fir-rigward ta' dawn id-duni, il-wiċċ baxx tar-ramel biss jiċċaqlaq b'mod kostanti. Is-saffi tan-nofs u ta' taħt tal-ogħla duni ġew ikkumpattati għal iktar minn 20,000 sena u b'hekk il-partiċelli tar-ramel twebbsu u dan wassal f'saffi solidi ta' ramel u ta' ġebel ramli. Il-livelli għoljin ta' ndewwa fi ħdan id-duni jikkontribwixxu wkoll biex iżommu l-qagħda fissa tagħhom. Din l-istruttura riġida twassal ukoll biex jiffurmaw qċaċet, irdumijiet, xquq u saħansitra għerien bis-saħħa tal-erożjoni bl-ilma u tad-deżertifikazzjoni.
Id-Deżert ta' Badain Jaran, bħad-Deżert ta' Tengger li jinsab lejn il-Lvant (u li miegħu d-Deżert ta' Badain Jaran attwalment qed isir ħaġa waħda minħabba d-deżertifikazzjoni estensiva), f'nofsu ma tikbirx veġetazzjoni u huwa ramel biss, filwaqt li fin-nofs l-ieħor hemm taħlita ta' blat tal-qiegħ solidu u żrar mhux fiss. Hemm diversi lagi u oażi żgħar sparpaljati mad-deżert u madwarhom jirnexxilha tikber veġetazzjoni limitati.
Lagi
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Deżert ta' Badain Jaran huwa magħruf sew għall-bosta lagi kkuluriti u sparpaljati tiegħu. Fih iktar minn 140 lag li b'mod prinċipali jinsabu fin-naħa tan-Nofsinhar tad-deżert. Dawn il-lagi jistgħu jinstabu faċilment fil-widien il-kbar bejn id-duni kbar. Huwa maħsub li jsostnu l-ħajja fid-deżert fir-rigward tal-iġmla, il-mogħoż u ż-żwiemel li jinżammu f'merħliet min-nomadi li jivvjaġġaw fi ħdan id-deżert. Il-biċċa l-kbira tal-lagi jsostnu wkoll qisu ċirku aħdar ta' veġetazzjoni li tikber qrib id-dawra tal-lagi.
Fi ħdan id-deżert, xi lagi jibdlu l-kulur tagħhom skont il-popolazzjonijiet kbar ta' algi, il-gambli tal-ilma salmastru u l-formazzjonijiet minerali fi żminijiet differenti matul is-sena. L-evaporazzjoni tista' twassal ukoll biex xi lagi tal-ilma ħelu jibda jkollhom kontenut kbir ta' melħ, tant li jibdew jiffurmaw qoxra tal-melħ mad-dawra tal-lagi.
Għalkemm hemm dibattitu dwar is-sorsi reali ta' dan il-ħsieb, huwa maħsub li l-lagi jiġu alimentati minn nixxigħat tal-ilma ta' taħt l-art. Il-biċċa l-kbira tad-deżerti aridi fiċ-Ċina huma mdawrin bil-muntanji li jipprovdu sorsi tal-ilma, u dan huwa l-każ ukoll fir-rigward tad-Deżert ta' Badain Jaran. L-ilma li jiskula mill-muntanji mbagħad jinġabar fi ħdan id-depożiti taż-żrar u b'hekk jibqa' għaddej taħt id-deżert u jipprovdi sorsi tal-ilma lill-oażi sparpaljati ta' ġo fih.
Fi ħdan id-deżert jistgħu jiffurmaw żewġ tipi prinċipali ta' lagi bħala morfometrija. Il-lagi baxxi u fil-biċċa l-kbira tawwalin jinstabu fl-inħawi tad-duni l-kbar fix-Xlokk tad-deżert. Il-fond tagħhom sikwit ikun inqas minn 2 metri (6 piedi 7 pulzieri) b'erja ta' madwar 0.2 kilometri kwadri (0.077 mili kwadri; 49 akru) biss. Min-naħa l-oħra, il-lagi fondi b'għamla ovali jinstabu fiż-żona trasversali maġenb id-duni l-kbar. Il-fond massimu tagħhom huwa ta' madwar 15-il metru (49 pied) u jkun fihom daqs massimu ta' madwar 1.5 kilometru kwadru (0.58 mili kwadri; 370 akru). L-ilma tal-lag jista' jkun tassew mielaħ. Il-lagi baxxi fix-Xlokk tad-deżert għandhom it-tendenza li jkollhom konċentrazzjoni baxxa ta' melħ, b'medja ta' inqas minn 20 gramma kull litru. Lagi oħra jaf ikollhom konċentrazzjonijiet ogħla ta' melħ sa saħansitra iktar minn 330 gramma kull litru.[4]
Duni Jkantaw
[immodifika | immodifika s-sors]Id-duni l-kbar tad-Deżert ta' Badain Jaran huma fost il-ftit postijiet fid-dinja fejn iseħħ il-fenomenu tal-"kant tar-ramel", fejn ir-ramel jipproduċi ħoss qawwi li jaf idum għal iktar minn minuta. Għalkemm mhuwiex mifhum għalkollox, huwa maħsub li jiġi kkawżat minn karika elettrostatika li tiġi ġġenerata meta r-riħ jiġbed is-saffi ta' fuq 'l isfel mix-xaqlibiet tad-duni. Dan jipproduċi ħoss b'tonalità baxxa li jista' jaqbeż il-105 deċibel. Il-"kant" jibda permezz ta' valanga tar-ramel 'l isfel mix-xaqlibiet tad-duni l-kbar. Dan il-fenomenu jirrikjedi ċirkostanzi speċifiċi ħafna biex il-ħoss jiġi ġġenerat. Id-duni jkunu siekta matul ix-xitwa kollha meta l-umdità tinżamm fir-ramel. Fis-sajf, meta r-ramel ikun niexef, il-ħoss ikun jista' jiġi ġġenerat, iżda b'pendil ta' mill-inqas 30 grad jew iktar biss, 'l isfel mix-xaqlibiet tad-duni l-kbar; l-istess ramel fuq in-naħa l-baxxa tax-xaqliba favur ir-riħ ma jiġġenera l-ebda ħoss. Dan il-fenomenu huwa kondiviż biss ma' madwar 35 bajja u deżert oħra madwar id-dinja.
Taħt l-istess ċirkostanzi, huwa possibbli wkoll li jiġi ġġenerat fenomenu akustiku ieħor. Jekk wieħed iċaqlaq idu bil-mod qalb ir-ramel niexef ta' "duna li tkanta", is-saff ta' fuq tax-xaqliba jibda nieżel 'l isfel mix-xaqliba u jiġi ġġenerat ħoss intermittenti qisu ta' polz.[5]
Duni
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Deżert ta' Badain Jaran huwa magħmul minn mijiet ta' duni li bħala daqs ivarjaw minn żgħar għal kbar. Il-biċċa l-kbira tad-duni l-kbar fid-deżert bħala medja fihom madwar 400 metru (1,300 pied) mill-bażi, filwaqt li l-kumplament bħala medja fihom madwar 200 metru (660 pied). Mid-duni l-kbar kollha, l-iżjed famuża hija l-Quċċata ta' Bilutu (bil-Pinjin: bì lǔ tú fēng; biċ-Ċiniż: 必鲁图峰). Din hija għolja 500 metru (1,600 pied) mill-bażi tagħha u hija l-ogħla duna fl-Asja u t-tielet l-ogħla fid-dinja. Għad-differenza tal-biċċa l-kbira tad-duni ż-żgħar, il-Quċċata ta' Bilutu hija stazzjonarja u b'hekk hija wkoll l-ogħla duna stazzjonarja fid-dinja.
Filwaqt li d-duni l-kbar huma stazzjonarji (u jiċċaqlaq biss is-saff ta' fuq tar-ramel), id-duni ż-żgħar jiċċaqilqu b'mod kostanti skont kif jonfoħ ir-riħ. B'hekk id-deżertifikazzjoni hija problema fl-inħawi tal-madwar għax id-deżert qed jespandi b'mod kostanti.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Għal dawk it-turisti li jkunu ddeterminati jagħmlu l-isforz biex jaslu fih, id-Deżert ta' Badain Jaran tassew huwa attrazzjoni turistika popolari. Abbażi tal-kundizzjonijiet tat-temp, it-temperatura u l-possibbiltajiet ta' esplorazzjoni, l-aqwa żmien biex wieħed iżur dan id-deżert huwa bejn Ġunju u Ottubru. Peress li d-Deżert ta' Badain Jaran jinsab f'żoni klimatiċi aridi miti u estremament aridi, huwa importanti li wieħed iħejji ruħu qabel ma jivvjaġġa qalb id-duni. Ix-xita annwali medja li tinżel fid-deżert tammonta biss għal bejn 50 u 60 millimetru u primarjament tinżel l-iktar bejn Ġunju u Awwissu; madankollu, l-evaporazzjoni tal-preċipitazzjoni tkun bejn 40 u 80 darba iktar mix-xita li tinżel. Apparti l-fatt li jkunu iktar kesħin, fix-xitwa u fir-rebbiegħa jkun hemm riħ qawwi ħafna li jonfoħ l-iktar mill-Majjistral għal iktar minn 60 jum. Dan ir-riħ jaf jonfoħ saħansitra sa forza 8. Minħabba dawn l-aspetti tal-klima tad-deżert, l-iżjed żmien popolari fost it-turisti biex iżuruh ikun meta l-klima tkun l-iktar komda. Wieħed għandu jilbes żraben adattati minħabba l-fatt li t-temperatura ta' wiċċ ir-ramel jaf tkun taqbeż it-80 °C.
Deskrizzjoni | Temperatura Medja |
---|---|
Medja Annwali | 8 °C (46 °F) |
L-Iżjed Baxxa | −30 °C (−22 °F) |
L-Iżjed Għolja | 41 °C (106 °F) |
Attrazzjonijiet turistiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Tempju ta' Badain Jaran
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tempju ta' Badain Jaran (bil-Pinjin: bā dān jí lín miào; biċ-Ċiniż: 巴丹吉林庙) huwa tempju Tibetan-Buddist ippreservat sew li jinsab f'nofs id-deżert. Inbena fl-1868 maġenb lag. Bis-saħħa tal-iżolament tiegħu rnexxielu ma jinqeridx matul ir-Rivoluzzjoni Kulturali. L-istat tajjeb ħafna ta' preservazzjoni tiegħu jippermetti lill-viżitaturi jesploraw l-attrazzjonijiet tat-tempju, inkluż statwi, tinqix tal-injam, artefatti u pagoda bajda żgħira.
It-tempju huwa aċċessibbli biss bl-art. Normalment il-viżitaturi jaslu ħdejh billi jikru jeep adattat għas-sewqan fuq ir-ramel fiċ-ċentri għat-turisti li jinsabu tul l-awtostrada nru S317. Inkella l-viżitaturi jistgħu jagħżlu li jkollhom sewwieq magħhom għal miżata ta' kuljum. Il-vetturi disponibbli għat-turisti huma jeeps militari li jingranaw fuq l-erba' roti, b'oqfsa rinfurzati u b'tajers imniżżlin apposta. Dawn il-vetturi jifilħu għas-sewqan fid-deżert u għat-tlugħ u għall-inżul qalb id-duni tad-deżert. Jibqgħu operattivi għal bosta sigħat bla problemi. Dawn il-mawriet bl-art jinkludu diversi waqfiet fil-lagi, fil-punti xeniċi u fil-Quċċata ta' Bilutu.
Quċċata ta' Bilutu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Quċċata ta' Bilutu (biċ-Ċiniż: 必鲁图峰) hija wkoll post aċċessibbli bl-użu ta' jeeps tajbin għas-sewqan fuq ir-ramel. Din hija l-ogħla duna stazzjonarja fid-dinja, b'għoli ta' 450 metru (1,480 pied) 'il fuq mill-inħawi tal-madwar, u b'quċċata ta' 1,611-il metru (5,285 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Id-duni tal-madwar huma għoljin sa madwar 200 metru (660 pied). Apparti li hija l-ogħla duna, hija wkoll waħda mid-diversi duni kbar stazzjonarji fid-Deżert ta' Badain Jaran. Meta wieħed jasal fil-quċċata, ikun jista' jgawdi veduta ċara tad-duni tal-madwar kif ukoll ta' diversi lagi kkuluriti.
Khara Khoto
[immodifika | immodifika s-sors]Magħrufa wkoll bħala l-belt is-sewda tal-qedem, Khara Khoto tinsab fin-naħa tal-Majjistralk tad-deżert qrib ix-xmara Ruo Shui, pjuttost qrib il-belt il-ġdida ta' Ejin. Il-belt tal-qedem kienet belt tat-Tangut li ġiet stabbilita fl-1032 u saret iċ-ċentru tal-Imperu Tangut. Meta Genghis Khan ħakem il-belt, din iffjorixxiet mill-ġdid taħt it-tmexxija tal-Mongoli. Madankollu, il-belt spiċċat f'idejn l-armati Ċiniżi fl-1372 matul żmien id-dinastija Ming u ġiet abbandunata u mitluqa. Din baqgħet mhux mittiefsa minn dak iż-żmien. Għalkemm mhijiex aċċessibbli bl-istess jeeps imsemmija hawn fuq, wieħed jista' jsib trasport adattat fil-belt ta' Ejin.
Kamp tax-Xogħol ta' Jiabiangou
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kamp tax-Xogħol ta' Jiabiangou kien jinsab fit-tarf tad-deżert u xi 27 kilometru (17-il mil) minn Jiuquan, Gansu. Bejn l-1957 u l-1961, il-kamp intuża għall-"edukazzjoni mill-ġdid permezz tax-xogħol" sabiex intellettwali u eks uffiċjali tal-gvern li ddikjaraw ruħhom bħala "Leminin" fil-Moviment Kontra l-Lemin tal-Partit Komunista jintefgħu l-ħabs. Minn 3,000 priġunier, 2,500 ruħ mietu bejn l-1957 u l-1960, fil-qalba tal-perjodu tal-Ġuħ il-Kbir fiċ-Ċina. Il-fdalijiet tal-kamp u ċ-ċimiterji mhux immarkati ma tantx saritilhom manutenzjoni u jiġu mgħassa ferm mill-gvern Komunista Ċiniż. Il-qrabat tal-mejtin jitħallew iżuruhom għall-ħabta ta' Qingming. F'Novembru 2013, mafkar iddedikat lill-mejtin f'qasir żmien inqered mill-gvern lokali. Bosta oqbra u fdalijiet umani tneħħew ukoll minn dak iż-żmien 'l hawn sabiex kemm jista' jkun ma jżuruhomx wisq nies.[6]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Deżert ta' Badain Jaran: Torrijiet tar-Ramel u Lagi ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2024.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Badain Jaran Desert: Towers of Sand and Lakes". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-09.
- ^ Li, Yuan; Zhao, Hui; Hu, Ling; Leppänen, Jaakko Johannes (Ġunju 2020). "Cladoceran communities in soda lakes of the Badain Jaran desert, NW China". Journal of Arid Environments. 177: 104133.
- ^ "Badain Jaran Desert, Badain Jaran Desert - Apple Travel". web.archive.org. 2016-12-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-12-31. Miġbur 2024-09-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "The Mysterious Lakes in Badain Jaran Desert located in China and Mongolia | The Water Network | by TallyFox". web.archive.org. 2014-05-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-05-08. Miġbur 2024-09-09.
- ^ "Booming Dunes of Badain Jaran Desert". Atlas Obscura (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-09.
- ^ "艾晓明:夹边沟遗址遭破坏令人痛心". RFI - 法国国际广播电台 (biċ-Ċiniż). 2014-05-19. Miġbur 2024-09-09.