Aqbeż għall-kontentut

Binjiet Tradizzjonali tal-Asante

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Tpinġija tal-Binjiet Tradizzjonali tal-Asante magħmula minn Thomas Edward Bowdich fl-1817.

Il-Binjiet Tradizzjonali tal-Asante huma kollezzjoni ta' 10 binjiet mibnija b'mod tradizzjonali fi żmien l-Imperu ta' Ashanti fl-inħawi ta' qrib Kumasi, il-Ghana. Dawn il-binjiet kienu jintużaw bħala santwarji matul is-sekli 18 u 19, matul l-epoka tad-deheb tal-Imperu ta' Ashanti. Bil-waqgħa tal-imperu matul l-okkupazzjoni Brittanika taż-żona mill-1806 sal-1901, il-biċċa l-kbira tal-binjiet tradizzjonali tal-Asante ta' dak iż-żmien inqerdu. Fost binjiet oħra, il-mawżolew irjali nqered minn Robert Baden-Powell fl-1895. L-għaxar binjiet tradizzjonali li għad fadal huma l-aħħar fdalijiet tal-istorja u tal-kultura tal-poplu Asante u tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[1]

Kostruzzjoni u użu

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-binjiet ġew deskritti bħala "djar tal-bnedmin u tad-divinitajiet". Madwar id-djar hemm btieħi esterni. Il-binjiet huma magħmula mill-injam, mill-bambù u mit-tkaħħil bit-tajn. L-istil ta' kostruzzjoni huwa b'qafas tal-injam u bit-tajn imnixxef.[2] Il-ħitan tal-binjiet huma miksija bil-bassoriljievi, b'għamliet spirali u Arabeski u b'rappreżentazzjonijiet ta' annimali, għasafar u pjanti. Dawn ir-riljievi jikkonsistu minn simboli Adinkra tradizzjonali, b'tifsiriet simboliċi uniċi assoċjati mal-kultura Asante u ngħaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra maż-żmien. Is-santwarji jikkonsistu minn erbat ikmamar li jħarsu lejn bitħa ċentrali, u huma mibnija fuq pjattaforma olzata. Tlieta mill-kmamar kienu jintużaw għall-attivitajiet ritwali, filwaqt li r-raba' kamra kienet iddeżinjata bħala s-santwarju stess, b'aċċess ristrett.[2]

Ir-reliġjon tradizzjonali għadha tiġi pprattikata fis-santwarji, u bis-saħħa ta' dan għadhom jeżistu u għadha ssirilhom il-manutenzjoni meħtieġa. Madankollu, minħabba li huma magħmula mit-tajn u mill-ħuxlief, il-binjiet tal-Asante huma vulnerabbli għall-fluttwazzjonijiet naturali. It-tfixkil fiċ-ċikli regolari ta' manutenzjoni u t-tnaqqis tal-użu reliġjuż huma theddidiet għall-preservazzjoni tal-binjiet.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Binjiet Tradizzjonali tal-Asante ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Asante Traditional Buildings". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.
  2. ^ a b ċ "Discover the History of Asante Traditional Buildings, Ghana, on Google Arts & Culture". World Monuments Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.