Artijiet Għoljin Ċentrali tas-Sri Lanka
L-Artijiet Għoljin Ċentrali tas-Sri Lanka huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-Sri Lanka. Is-sit fih tliet komponenti: iż-Żona Protetta tal-Quċċata ta' Adam, il-Park Nazzjonali tal-Pjanuri ta' Horton u ż-Żona tal-Konservazzjoni Forestali ta' Knuckles. Dawn il-komponenti huma foresti pluvjali, fejn l-elevazzjoni titla' sa 2,500 metru (8,200 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Fir-reġjun jgħixu varjetà ta' speċijiet ta' mammiferi, inkluż ix-xadina Trachypithecus vetulus monticola (subspeċi tal-langur ta' wiċċu vjola) u l-loris tal-Pjanuri ta' Horton Loris tardigradus nycticeboides (subspeċi tal-loris aħmar).
Dan kien l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li tniżżel mis-Sri Lanka fl-1988.[1] Oriġinarjament kien tressaq bħala Sit ta' Wirt Dinji mħallat (kulturali u naturali), iżda l-Kumitat tal-Wirt Dinji rrikonoxxa biss il-valuri naturali tas-sit.[2] Fil-31 ta' Lulju 2010, il-Kumitat tal-Wirt Dinji fl-34 sessjoni tiegħu f'Brażilja żied l-Artijiet Għoljin Ċentrali tas-Sri Lanka u Papahānaumokuākea ta' Hawaii bħala Siti ta' Wirt Dinji Naturali tal-UNESCO.[3]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Artijiet Għoljin Ċentrali tas-Sri Lanka ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Komponenti
[immodifika | immodifika s-sors]Il-foresti pluvjali muntanjużi tas-Sri Lanka jirrappreżentaw il-foresti muntanjużi u submuntanjużi bl-indewwa ta' fuq l-1,000 metru (3,300 pied) fl-artijiet għoljin ċentrali u fil-katina muntanjuża ta' Knuckles.[4] Nofs il-pjanti endemiċi tas-Sri Lanka li jarmu l-fjuri u 51 fil-mija tal-vertebrati endemiċi huma ristretti għal dak l-ekoreġjun. F'dan l-ekoreġjun jgħixu ħames mammiferi endemiċi u tmien mammiferi kważi endemiċi. Fl-ekoreġjun jinstabu wkoll ħames speċijiet endemiċi ta' għasafar u 20 speċi kważi endemiċi. Is-sit huwa magħmul minn tliet żoni protetti:
- is-Santwarju tan-Natura Selvaġġa tal-Quċċata ta' Adam;
- il-Park Nazzjonali tal-Pjanuri ta' Horton;
- il-Katina Muntanjuża ta' Knuckles.
Is-Santwarju tan-Natura Selvaġġa tal-Quċċata ta' Adam huwa santwarju b'erja ta' 22,380 ettaru (86.4 mil kwadru), li ġie stabbilit fil-25 ta' Ottubru 1940.[5] Il-Park Nazzjonali tal-Pjanuri ta' Horton imiss mal-konfini tal-Lvant tas-santwarju. Il-Park Nazzjonali tal-Pjanuri ta' Horton oriġinarjament ġie ddeżinjat bħala riżerva naturali fil-5 ta' Diċembru 1969 li iktar 'il quddiem ġie elevat għall-istatus ta' park nazzjonali fis-16 ta' Marzu 1988. Il-katina muntanjuża ta' Knuckles tinsab lejn il-Grigal, u l-flora u l-fawna endemiċi tagħha huma distinti mill-foresti muntanjużi tal-artijiet għoljin ċentrali.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Central Highlands of Sri Lanka - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-01.
- ^ "IUCN - Home". web.archive.org. 2011-08-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-08-07. Miġbur 2024-12-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "World Heritage Committee inscribes two new sites on World Heritage List". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-01.
- ^ "Southern Asia: Central part of the Island of Sri Lanka | Ecoregions | WWF". World Wildlife Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-01.
- ^ Green, Michael J. B. (1990). IUCN directory of South Asian protected areas. IUCN. pp. 234. ISBN 2-8317-0030-2.