Antikresi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

L-antikresi hija kuntratt li bih il-kreditur jakkwista l-jedd li jdaħħal il-frottijiet tal-immobbli tad-debitur tiegħu, bl-obbligu li kull sena jaqta' dawn il-frottijiet mill-imgħaxijiet, jekk ikollu jeħodhom, u mbagħad mill-kapital tal-kreditu tiegħu.

Fil-Liġi Maltija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kuntratt tal-antikresi hu rregolat mill-Artikoli 1987 sa 1993 tal-Kodiċi Ċivili ta' Malta.

Karatteristiċi formali tal-antikresi[immodifika | immodifika s-sors]

L-antikresi ma tistax issir ħlief bil-miktub. Antikresi li saret b'att pubbliku qabel it-28 ta' Frar, 1961, għal żmien ta' iktar minn tletin sena, titqies li hi bejgħ, kemm-il darba l-imsemmi att pubbliku jiġi insinwat fir-Reġistru Pubbliku bħala trasferiment b'titolu ta' bejgħ. Din l-insinwa tista' ssir f'kull żmien mill-kreditur jew minn kull min jikseb il-jedd mingħand il-kreditur.

Responsabbiltà tal-kreditur[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kreditur hu obbligat, meta ma jkunx hemm ftehim xort'oħra, iħallas iċ-ċnus u piżijiet oħra li għalihom ikun suġġett l-immobbli li jkun għandu b'antikresi. Hu għandu wkoll jaħseb biex iżomm l-immobbli fi stat tajjeb u biex jagħmel fih it-tiswijiet meħtieġa. Dawn l-ispejjeż kollha jitnaqqsu qabelxejn mill-frottijiet.

Il-qagħda tad-debitur[immodifika | immodifika s-sors]

Id-debitur ma jistax, qabel ma jħallas id-dejn għalkollox, jerġa' jidħol fit-tgawdija tal-immobbli li jkun ta b'antikresi. Iżda, il-kreditur li jkun irid jeħles mill-obbligi tal-ħlasijiet imsemmijin, jista' dejjem iġiegħel lid-debitur jieħu lura t-tgawdija tal-immobbli, kemm-il darba ma jkunx irrinunzja għal dan il-jedd.

Il-proprjetà tal-immobbli ma tgħaddix għand il-kreditur[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kreditur ma jsirx sid l-immobbli bin-nuqqas biss tal-ħlas fiż-żmien miftiehem; u kull patt kuntrarju huwa null. Fin-nuqqas ta' ħlas, il-kreditur jista' jaġixxi għall-bejgħ tal-fond fl-irkant bil-qorti, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta'Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.

Tpaċija tal-frottijiet bl-imgħaxijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Il-partijiet jistgħu jiftiehmu li l-frottijiet jitpaċew bl-imgħaxijiet, f'kollox jew f'parti, ukoll jekk b'hekk jinqabżu l-imgħaxijiet miftiehma, basta li b'daqshekk l-imgħaxijiet ma jiġux jaqbżu t-tmienja fil-mija (8 %) fis-sena.

Applikabbiltà ta' dispożizzjonijiet dwar ir-rahan[immodifika | immodifika s-sors]

L-antikresi tista' tingħata minn terza persuna għad-debitur.

Jeddijiet tat-terzi fuq l-immobbli mogħti b'antikresi[immodifika | immodifika s-sors]

Xejn minn dan kollu ma hu ta' ħsara għall-jeddijiet li t-terzi jistgħu jkollhom fuq l-immobbli mogħti b'antikresi. Jekk il-kreditur li jkun iżomm l-immobbli b'antikresi, ikollu, apparti mill-antikresi, jedd ta' privileġġ jew ta' ipoteka li jkun iseħħ skont il-liġi fuq dak l-immobbli, hu jista' jeżerċita dan il-jedd ta' privileġġ jew ta' ipoteka fil-grad li jkun imissu u bħal kull kreditur ieħor.