Anġlu Psaila

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Anġlu Psaila
Ħajja
Twelid Ħaż-Żabbar, 1937
Mewt 4 Settembru 2018
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni psikjatra
Premjijiet

Il-Professur Anġlu Psaila (Ħaż-Żabbar, 1937 - 4 ta' Settembru 2018) kien speċjalista tat-tfal, kardjologu kliniku u speċjalista tal-mediċina ġenerali. Is-sehem tiegħu fil-mediċina kien mifrux ukoll għall-edukazzjoni permezz tax-xandir, fejn kien jippreżenata u jipparteċipa fi programmi relatati mas-saħħa fuq ir-radju u t-televiżjoni.

Studji[immodifika | immodifika s-sors]

Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo u fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa bħala tabib fl-1961. Huwa sussegwentement telaq lejn l-Ingilterra biex jispeċjalizza fil-mediċina, fejn iggradwa DCH (1964) u MRCP (1969). Psaila ġie elett Fellow tar-Royal College of Physicians of Edinburgh fl-1984 u Fellow tar-Royal College of Physicians of London fl-1997 u Fellow tar-Royal College of Physicians of Glasgow.

Karigi[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1978, hu nħatar bħala tabib konsulent fl-Isptar San Luqa u sussegwentement Deputat Direttur fid-Dipartiment tal-Mediċina u Professur tal-Mediċina fl-Università ta’ Malta. Psaila kien speċjalista tat-tfal, kardjologu kliniku u speċjalista tal-mediċina ġenerali. Hu pparteċipa regolarment f’kungressi internazzjonali u Ewropej dwar il-kardjoloġija u mediċina interna.

Personalità Televiżiva u Radjufonika[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa wkoll attiv fl-edukazzjoni tas-saħħa pubblika, billi jikkontribwixxi b’mod sinifikattiv f'diversi programmi lokali tar-radju u t-televiżjoni. Għal ħafna snin ippreżenta l-programm Stetoskopju fuq ONE Radio nhar ta' Ħadd filgħaxija.

Sport[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa wkoll involut fl-isports, partikularment fil-futbol u t-tennis. Huwa l-fundatur tal-Medical Tennis Association (Malta) u serva wkoll bħala President tal-World Medical Tennis Society (1993-95).

Politika[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-snin tmenin u disgħin huwa kien kandidat tal-Partit Laburista fl-Elezzjonijiet Ġenerali iżda qatt ma ġie elett.

Ġieħ ir-Repubblika[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2013 Psaila ingħata Ġieħ ir-Repubblika bħala rikonoxximent tal-kontribut eċċezzjonali tiegħu fil-qasam tal-mediċina u l-kura medika f’Malta, kif ukoll, l-edukazzjoni lill-pubbliku ġenerali permezz tal-midja.

Mewt[immodifika | immodifika s-sors]

Meta tħabbret il-mewt tal-Professur Psaila, il-Prim Ministru Joseph Muscat fakkar kif Anġlu Psaila kien professjonist iddedikat fil-mediċina, u xandar li spjega l-mediċina lil diversi ġenerazzjonijiet fuq il-midja. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne iddeskriva lill-professur bħala kollega u ħabib tal-qalb, li ġenerazzjonijiet sħaħ għandhom ikunu grati lejh.

Il-Partit Laburista sellem il-memorja tal-Professur Psaila li jibqa’ mfakkar l-iktar għall-kontribut tiegħu fil-qasam mediku. Il-Professur Psaila mhux biss kien jispikka għall-għerf tiegħu iżda wkoll għall-mod kif dan l-għerf kien jipprova jxerrdu fost il-pubbliku b’mod partikolari permezz tal-media. Fakkar kif tul is-snin, eluf ta’ pazjenti u studenti tal-mediċina gawdew mid-dedikazzjoni li kellu l-Professur Psaila. L-altruwiżmu tal-Professur Psaila kien waslu wkoll biex joffri l-kontribut tiegħu fl-arena politika fejn kien ukoll kandidat tal-Partit Laburista f’numru ta’ elezzjonijiet ġenerali.