Aflaj tal-Oman

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Falaj Daris

L-Aflaj tal-Oman huma sistemi ta' irrigazzjoni antiki magħmula minn kanali tal-ilma mill-500 W.K.. Dawn jinsabu fir-reġjuni ta' Dakhiliyah, Sharqiyah u Batinah fl-Oman. Madankollu, jirrappreżentaw tip ta' sistema ta' tisqija li tmur lura saħansitra 5,000 sena fir-reġjun. Oriġinarjament l-Aflaj kienu jissejħu Qanat jew Kariz bħal fil-Persja.[1][2]

Aflaj hija l-plural ta' Falaj, li tfisser "maqsum f'partijiet differenti" bl-Għarbi klassiku. Din is-sistema ta' irrigazzjoni, li teżisti wkoll fuq skala ferm iżgħar fost is-Siti Kulturali ta' Al Ain[3], Abu Dhabi, l-Emirati Għarab Magħquda, kienet taqsam l-ilma b'mod effettiv fost l-abitanti kollha; l-ilma kien inixxi permezz tal-gravità mis-sorsi oriġinali sad-djar jew sar-raba' bl-għelejjel. Is-sistema ta' irrigazzjoni kienet tinkludi torrijiet tal-għassa għad-difiża, iżda anke moskej u binjiet oħra.[1][2]

Fl-2006, ħames Aflaj tal-Oman iddaħħlu fil-Lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO: il-Falaj Al-Khatmeen, il-Falaj Al-Malki, il-Falaj Daris, il-Falaj Al-Mayassar u l-Falaj Al-Jeela.[4][5]

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Kull falaj iwassal l-ilma minn sors wieħed jew iktar permezz ta' kanal wieħed lejn iż-żona fejn ikun meħtieġ li jintuża. Mill-kanal, l-ilma jinqasam f'sottokanali fl-għelieqi fejn jintuża għat-tkabbir tal-frott tropikali li jikber fl-Oman. Minkejja li llum il-ġurnata f'xi partijiet intuża l-konkos biex l-Aflaj ikunu iktar fondi jew biex in-network l-antik jiġi estiż, xorta waħda din is-sistema ta' irrigazzjoni toħroġ fid-dieher il-ħiliet notevoli ta' inġinerija li kienu meħtieġ fil-qedem għall-kostruzzjoni tal-Aflaj. B'kollox hemm madwar 4,100 falaj fl-Oman, u minnhom għadhom jintużaw xi 3,000 falaj għall-provvista tal-ilma fuq bażi kontinwa fl-ambjent aridu tal-Oman.[2]

Falaj Misfah

L-ilma li jgħaddi mill-Aflaj jiġi minn tliet tipi ta' sorsi differenti: daudi, li jużaw l-ilma tal-pjan minn taħt l-art biex joħolqu fluss tal-ilma permezz ta' mina sal-punt fejn jitwassal l-ilma biex jintuża; ghaili, li jużaw l-ilma fuq wiċċ l-art, l-iktar minn għargħar, li jgħaddi fil-wadis (widien qishom kanjons), jinżamm permezz ta' digi, u l-ilma jgħaddi f'kanal fuq naħa waħda tal-wadi jew fuq iż-żewġ naħat sal-punt fejn jitwassal l-ilma biex jintuża; u aini, li jużaw il-fluss tal-ilma minn fawwara u jwassluh sal-punt fejn imbagħad jintuża. Il-kostruzzjoni sħiħa ta' kwalunkwe tip ta' falaj kienet teħtieġ akkuratezza spazjali straordinarja, preċiżjoni matematika biex id-drittijiet tal-ilma jiggarantixxu d-distribuzzjoni tal-provvista tal-ilma b'mod ġust, kif ukoll ħiliet ta' tħabbir tal-futur b'mezzi sovranaturali. Fl-imgħoddi kienu jintużaw għodod tal-injam bħala apparati biex jitkejjel il-ħin (bħal pereżempju l-arloġġi tax-xemx imsejħa lamad) jew kienu jintużaw qishom giren żgħar bħala oġġetti fissi biex isir il-kejl skont il-moviment tal-istilel.[2]

Is-sistemi ta' irrigazzjoni tal-Aflaj tal-Oman huma rranġati b'tali mod li l-użu agrikolu dejjem jiġi wara kwalunkwe użu personali min-nies. Fil-maġġoranza tas-sistemi, l-ewwel ilma li jasal jintuża għax-xorb, imbagħad l-ilma jasal għaż-żona fejn jinħaslu l-irġiel, is-soltu qrib xi moskea. Imbagħad l-ilma jgħaddi għaż-żona fejn jinħaslu n-nisa u wara għaż-żona fejn jiġu maħsula l-platti, il-pożati u l-ħwejjeġ, is-soltu biswit iż-żona tan-nisa. Kull meta kien hemm xejikk setgħan jew awtorità, id-dar jew il-forti tiegħu kienet tinbena qrib ħafna taż-żona fejn jinħaslu l-irġiel, possibbilment qabilha jew direttament fuq il-falaj stess bħalma huwa l-każ f'Birkat al Mouz jew f'Rustaq. Finalment, l-ilma mill-aflaj jintuża għall-agrikoltura.[2]

Ibbumbardjar matul il-Gwerra ta' Jebel Akhdar[immodifika | immodifika s-sors]

Formazzjoni ta' ajruplani tal-gwerra tat-tip Shackleton itiru ħdejn il-Mitjar ta' Masirah matul il-Gwerra ta' Jebel Akhdar

Skont informazzjoni li ma baqgħetx ikklassifikata mill-Arkivji Nazzjonali Brittaniċi, ġie żvelat li matul il-Gwerra ta' Jebel Akhdar, il-gvern tar-Renju Unit qered apposta partijiet mis-sistemi ta' irrigazzjoni tal-Aflaj u l-għelejjel permezz ta' attakki mill-ajru. Dan sabiex l-abitanti lokali fuq in-naħa ta' ġewwa tal-Oman ma jkunux jistgħu jaħsdu l-għelejjel peress li ma kienx ikollhom iktar aċċess għall-provvisti tal-ilma. Il-Wadi Beni Habib u l-kanal tal-ilma f'Semail kienu fost il-provvisti tal-ilma li ġew danneġġati apposta. Minħabba l-attakki mill-ajru fuq Saiq u Sharaijah, it-tkabbir tal-għelejjel f'dawn iż-żoni kien wisq "perikoluż". Barra minn hekk, dawn id-dokumenti żvelaw li nhar l-4 ta' Awwissu 1957, is-Segretarju tal-Affarijiet Barranin Brittaniku ta l-approvazzjoni tiegħu biex jitwettqu attakki mill-ajru mingħajr l-ebda twissija minn qabel liċ-ċittadini lokali li kienu jgħixu fuq in-naħa ta' ġewwa tal-Oman. Il-projbizzjoni fuq il-viżi għall-uffiċjali tal-istampa mis-sultan, flimkien mal-kapaċità tal-gvern Brittaniku li jwettaq attakki mill-ajru bil-moħbi bl-użu tal-Mitjar ta' Masirah, għenu biex l-operazzjonijiet militari jibqa' jkollhom profil baxx.[6]

Tfal jgħumu fil-Falaj Misfah

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Aflaj Koordinati Erja Reġjun
Al-Katmeen 22°56′0″N 57°40′0″E 135.028 ha Dakhiliyah
Al-Malki 22°44′0″N 57°46′0″E 600 ha Dakhiliyah
Daris 22°59′0″N 57°32′0″E 389.468 ha Dakhilyah
Al-Jeela 22°47′0″N 59°10′0″E 30.952 ha Sharqiyah
Al-Muyasser 23°21′0″N 57°27′0″E 300.501 ha Batinah

Is-Sistemi ta' Irrigazzjoni tal-Aflaj tal-Oman ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli", ladarba l-Aflaj tal-Oman huma sistema ta' tisqija elaborata li kienet kritika għall-iżvilupp tas-soċjetà u tal-ekonomija agrikola tar-reġjun.[4]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b Medhat, Gehad. "The Gravitational Wonder of the Aflaj Systems of Oman". Culture Trip. Miġbur 2021-09-22.
  2. ^ a b ċ d e Walsh, Tony (2013), Walking Through History: Oman's World Heritage Sites, ISBN 9789948162490.
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Cultural Sites of Al Ain (Hafit, Hili, Bidaa Bint Saud and Oases Areas)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-22.
  4. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Aflaj Irrigation Systems of Oman". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-22.
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient irrigation system (Oman) and Palaces of Genoa (Italy) among ten new sites on World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-22.
  6. ^ Jurkowski, Maureen (April 2007). "Monastic Archives in the National Archives". Archives: The Journal of the British Records Association. 32 (116): 1–18. ISSN 0003-9535.