Aqbeż għall-kontentut

Abbazija ta' Saint-Savin-sur-Gartempe

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-abbazija ta' Saint-Savin-sur-Gartempe minn fuq ix-xmara Gartempe

L-Abbazija ta' Saint-Savin-sur-Gartempe hija knisja Kattolika Rumana li tinsab fir-raħal ta' Saint-Savin-sur-Gartempe, f'Poitou, Franza. Il-kostruzzjoni tal-knisja Rumaneska nbdiet f'nofs is-seklu 11. L-abbazija hija magħrufa l-iktar għall-bosta affreski tas-sekli 11 u 12 li għadhom fi stat ta' preservazzjoni notevoli. L-Abbazija ta' Saint-Savin-sur-Gartempe tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]

L-oriġini tal-abbazija tmur lura għal żmien Karlu Manju. Louis le Pieux staqsa lil San Benoît d'Aniane jagħżel għoxrin patri u superjur biex jistabbilixxu ruħhom f'binja monastika li kienet imsejsa fis-sena 800 bl-assistenza ta' Karlu Manju. L-abbazija ngħatat protezzjoni rjali u ġiet immexxija skont ir-regolamenti ta' San Benoît. L-Abbazija ta' Saint-Savin-sur-Gartempe kienet tirrappreżenta post ewlieni fl-istorja tal-konverżjoni għall-Kristjaneżmu.Sa mid-disa' seklu, l-għadd ta' artijiet tal-abbazija żdied, kemm fit-territorju tagħha kif ukoll 'il barra minn dak it-territorju , u b'hekk l-abbazija saret waħda mill-iktar importanti fir-reġjun.[2]

Il-kolonni tal-abbazija bid-disinn tal-irħam falz

Barra minn hekk, l-abbazija kellha rwol kruċjali fit-tiġdid tad-dinja monastika: in-nies tal-kleru ta' Saint-Savin irriformaw diversi postijiet bħal Saint-Martin d'Autun, Baume-les-Messieurs jew Vézelay. Wieħed mill-kleru ta' Saint-Savin saħansitra sar Superjur tal-patrijiet ta' Cluny. Fis-seklu 11, il-komunità ta' Saint-Savin għexet taħt il-protezzjoni tal-Konti tar-reġjun. Fl-1010, il-Kontessa Aumode, il-mara tad-Duka t'Aquitaine – William il-Kbir – tat donazzjoni kbira fi flus lill-komunità tal-patrijiet li mbagħad bniet l-abbazija mill-ġdid.

Minkejja li l-knisja Rumaneska baqgħet ippreservata tajjeb ħafna sa żminijietna, b'xorti ħażina l-binjiet monastiċi nqerdu għalkollox minħabba l-ħsarat ikkawżati mill-Gwerer tar-Reliġjon fis-seklu 16 bejn il-Protestanti u l-Kattoliċi Rumani. Il-binjiet monastiċi reġgħu nbnew mill-patrijiet Benedettini li ġew irriformati mill-Ordni ta' San Maur, jiġifieri fis-snin 80 tas-seklu 17. Ir-Rivoluzzjoni Franċiża wasslet biex il-patrijiet jitilqu u s-servizz tal-parroċċa ġie ttrasferit lejn l-abbazija fl-1792. Il-knisja mbagħad għaddiet minn perjodu twil ta' restawr taħt it-tmexxija ta' Prosper Mérimée, l-Ispettur Ġenerali tal-Monumenti Storiċi, li għen biex isalva l-affreski mill-isbaħ tas-sekli 11 u 12. Bis-saħħa tax-xogħol tiegħu, l-abbazija tniżżlet fost il-lista tal-ewwel monumenti storiċi ta' Franza tal-1840, u għadha tiġi studjata b'attenzjoni kbira speċjalment fost ir-restawraturi.[2]

Dettall tal-kapitelli u tal-kolonni bid-disinn tal-irħam falz

Il-pjanta tal-knisja għandha għamla ta' salib b'torri kwadru tiela' mis-saqaf. Il-parti trasversali tal-knisja nbniet l-ewwel, imbagħad wara nbena l-kor bl-ambulatorju tiegħu flimkien ma' ħames kappelli fl-apsida poligonali. Iktar 'il quddiem, żdiedu tliet alkovi wesgħin fin-navata, it-torri tal-kampnar, loġġa, u fl-aħħar nett żdiedu l-aħħar sitt alkovi tan-navata. It-torri tal-kampnar għandu spira raffinata maħduma bil-ġebel fl-istil Gotiku u huwa ogħla minn 80 metru, li ġiet miżjuda fis-seklu 14 u ġiet restawrata fis-seklu 19. In-navata f'għamla ta' bittija hija mirfuda fuq kolonni twal impinġijin bid-disinn tal-irħam falz, kull waħda b'kapitell differenti bil-weraq. Taħt il-knisja hemm il-kripta tal-aħwa martri San Savin u San Ċiprijanu, li hija ddekorata bl-affreski b'xeni minn ħajjithom.

In-navata ewlenija tal-abbazija hija twila 42 metru u wiesgħa 17-il metru, u l-kobor tal-volum tagħha diġà jimpressjona lil min jidħol fil-knisja qabel ma jiġbdulu l-attenzjoni l-bosta affreski antiki mal-ħitan. Permezz tal-għoli tan-navati tal-ġnub, l-abbazija tista' titqies bħala knisja b'għamla ta' sala kbira, li b'sistema sempliċi ta' elevazzjoni tippermetti li l-knisja tkun imdawla b'mod naturali mit-twieqi ċċentrati fl-għoli fil-ħnejjiet semiċirkolari tal-ħitan tal-ġnub.

Fin-navata, ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha tal-elevazzjoni u tad-dawl, biex fuq is-saqaf f'għamla ta' bittija, f'għoli ta' 17-il metru, wieħed ikun jista' jitpaxxa bl-affreski ikonografiċi tal-ġrajjiet tat-Testment il-Qadim. Is-sagristija, il-kapitlu, ir-refettorju, il-kċina, id-dormitorju u l-akkomodazzjoni vasta tas-superjur tal-patrijiet inbnew mill-ġdid bil-ġebla tal-ġir lokali: il-ġebla tal-ġir roża minn Antigny u l-ġebla tal-ġir kannella fil-griż minn Chauvigny.[3]

L-affresk tal-arka ta' Noè

L-Abbazija ta' Saint-Savin-sur-Gartempe spiss titqies bħala "l-Kappella Sistina ta' Żmien ir-Rumani".[4] Kważi kull affresk antik tal-knisja baqa' ppreservat. Id-diversi ċikli li jkomplu ma' xulxin minn naħa għall-oħra tal-ħitan u tas-saqaf qishom album tar-ritratt bil-kulur tal-ġrajjiet Bibbliċi. Fuq il-loġġa kif tidħol fil-knisja, hemm ix-xena tal-apokalissi, filwaqt li mal-ħitan u mat-tribuna hemm il-ġrajja tal-irxoxtar ta' Ġesù. Fuq is-saqaf f'għamla ta' bittija hemm saħansitra madwar ħamsin episodju mit-Testment il-Qadim meħuda mill-Kotba tal-Ġenesi u tal-Eżodu.

L-erja tan-navata b'kollox tammonta għal madwar 460m²: li kieku x-xeni dekorattivi kollha kellhom jitqiegħdu waħda eżatt ħdejn l-oħra, dan jirriżulta f'tila twila iktar minn 168 metru u wiesgħa iktar minn żewġ metri u nofs.[5]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Abbazija ta' Saint-Savin-sur-Gartempe ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983. Il-valur universali straordinarju tagħha ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

  1. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Abbey Church of Saint-Savin sur Gartempe". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-17.
  2. ^ a b "A past, a story | Abbaye de saint savin". www.abbaye-saint-savin.fr. Miġbur 2021-03-17.
  3. ^ "A remarkable architecture | Abbaye de saint savin". www.abbaye-saint-savin.fr. Miġbur 2021-03-17.
  4. ^ "Abbey of Saint-Savin, masterpiece of the Valley of Frescoes". www.nouvelle-aquitaine-tourisme.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-17.
  5. ^ "The only murals of their kind in the world | Abbaye de saint savin". www.abbaye-saint-savin.fr. Miġbur 2021-03-17.