Tumas Dingli

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Tumas Dingli (1591-1666)

Tumas Dingli kien bennej tal-knejjes u skultur fil-ġebla Maltija, li twieled fit-22 ta' Diċembru, 1591. Fiż-żewġ oqsma għamel isem kbir għalih u għal pajjiżu għaliex minn taħt l-idejn imħarrġa tiegħu ħarġet skultura qisha bizzilla li żżejjen il-knisja l-qadima ta' Birkirkara u dik ta' Ħ'Attard.

Bijografija u Xogħlijiet[editja]

Tumas Dingli mexa tista' tgħid fuq il-passi ta' missieru Ġakbu Dingli, kif ukoll iz-ziju, Andrea Dingli. Dingli studja il-Matematika u wara ħa s-sengħa t'arkitett minn Matteo Coglitura. Dingli kien ġej minn familja ta' skalpellini, jiġifieri skulturi fil-ġebla. Ismu huwa ġeneralment marbut ma' tipoloġija ta' knisja fi stil li nistgħu nsejħulu, b'ċerta riserva, Rinaxximentali. Karattristiċi ewliena huma l-proporzjonijiet armonjużi, l-użu tal-pilastri ġġanteski bil-panew, l-użu tan-niċċa biex tagħti artikolazzjoni aktar rikka lill-faċċata u lit-tambur tal-koppla, u fuq kollox, l-iskultura fina fil-ġebel, speċjalment fil-prospettivi ta' l-altari u madwar il-bibieb.

Is-sengħa tiegħu fit-tifsil tal-knejjes għandha xhieda ħajja fl-irħula ta' Ħ'Attard, in-Naxxar, Ħal Għargħur, il-Gudja, Ħaż-Żabbar u Birkirkara. Kien ukoll imdaħħal fil-bini tal-Akwedott, il-Palazz tal-Isqof u Porta Reale fil-Belt Valletta.

Influwenzi[editja]

Bħala bennej ta' knejjes jidher li mexa fuq il-passi ta' Vittorio Cassar, it-tifel ta' Ġerolamo Cassar. Tgħallem ukoll minn Giovanni Attard, li kiseb fama bħala bennej ta' l-akwedott.

Mewt[editja]

Tumas Dingli miet ta' 75 sena, fit-22 ta' Jannar, 1663 u jinsab midfun fil-knisja ta' Ħ'Attard taħt l-artal tad-Duluri. Sfortunatament iż-żmien ħassar u qered lapida li kienet tfakkar il-post fejn jinsab jistrieħ fil-knisja ta' Ħ'Attard iżda fortunatament għandna traskrizzjoni tagħha.