Tereża ta' Ávila
Santa Tereża ta' Gesù | |
---|---|
Santa Tereża ta' Gesù f'pittura ta' Pieter Paul Rubens | |
Twelid |
28 ta' Marzu 1515 Ávila, Spanja |
Mewt |
15 ta' Ottobru 1582 Alba de Tormes, Spanja |
Beatifikazzjoni | 24 ta' April, 1614, Ruma minn Papa Pawlu V |
Kanonizzazzjoni | 12 ta' Marzu, 1622, Ruma minn Papa Gregorju XV |
L-ikbar santwarju | Bażilika ta' Santa Tereża, Alba de Tormes, Spanja |
Festa | 15 ta' Ottobru |
Attributi | libsa tal-Karmelitani Skalzi, ktieb u pinna tar-rix, qalb imniffda bi vleġġa |
Patrun/a | kittieba, nies morda,ħaddiema tal-bizzilla, orfni, nies ifittxu l-grazzja, membri tal-ordnijiet reliġjużi, nies ridikolati għad-devozzjoni tagħhom, Croazja, Spanja |
Santa Tereża ta' Avila, magħrufa wkoll bħala Santa Tereża ta' Ġesu jew Tereża l-Kbira, kienet qaddisa mistika Spanjola, soru Karmelitana, kittieba fi żmien il-Kontro-Riforma, u teologu. Riformatriċi tal-Ordni Karmelitana u flimkien ma' San Ġwann tas-Salib, fundatriċi tal-Karmelitani Skalzi.
Tfulija
[immodifika | immodifika s-sors]Tereża twieldet f’Avila, Spanja, fit-28 ta’ Marzu, 1515, għand familja sinjura. Kienet ta’ natural ħelu u vivaċi. Meta kellha seba’ snin, hi u ħuha iżgħar minnha, wara li qraw xi ħajjiet ta’ qaddisin martri, ġiethom f’moħħhom li jmorru għall-Missjoni biex imutu martri, iżda ma laħqux tbiegħdu wisq mid-dar meta ltaqgħu ma’ zijuhom u ħadhom lura għand ommhom.
Meta kellha 12-il sena, ommha mietet. Tliet snin wara, oħtha l-kbira li kienet tieħu ħsieb id-dar iżżewġet, u l-missier daħħal lil Tereża mas-sorijiet Agostinjani. Wara sena u nofs, mardet, u kellha tmur lura lejn id-dar. F’dawn is-snin kienet bierda ħafna fir-reliġjon. Imbagħad f’daqqa waħda fl-1535 iddeċidiet li tidħol Soru mal-Karmelitani li kienu f’Avila. Missierha għall-ewwel ma ridhiex, iżda mbagħad ċeda.
Soru
[immodifika | immodifika s-sors]Sena wara li daħlet Soru, ipprofessat. Imbagħad ġie fuqha żmien twil ta’ mard, u ta’ nixfa fil-ħajja spiritwali. Meta missierha kien marid, hi marret iddur bih. Il-mewt tiegħu ġabet bidla ġo fiha għax marret tqerr għand il-konfessur tiegħu u dan ordnalha terġa' tibda titlob. Kellha issa qrib l-erbgħin sena.
Mistika
[immodifika | immodifika s-sors]Jingħad li beda jkollha esperjenzi mistiċi li nafu bihom għax hi kitbithom f’kotba li llum huma meqjusa bħala klassiċi spiritwali: l-”Awtobijografija”, ”Il-Mixja tal-Perfezzjoni”, u ”Il-Kastell Ġewwieni”.
Riformatriċi
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1560 ġieha l-ħsieb li tirriforma l-Ordni tagħha, u ġġedded l-awsterità u d-dixxiplina ta’ qabel, u fl-1562, bil-għajnuna ta’ San Pietru ta’ Alkantara, minkejja bosta taħbit u tfixkil, rat l-ewwel erba’ Sorijiet Karmelitani Skalzi jilbsu l-libsa l-ġdida fil-Monasteru l-ġdid ta’ San Jose’, f’Avila. Sitt xhur wara, meta ġieha l-permess, marret tgħix magħhom. Xahar wara, ġiet magħżula biex tkun is-Superjura.
Wara xi snin ta’ ħajja kwieta, bdiet tiftaħ kunventi oħra mxerrdin ma’ Spanja. Fl-1568 bil-għajnuna ta’ San Ġwann tas-Salib waqqfet l-ewwel monasteru tal-Patrijiet. B’kollox hi fetħet 17-il kunvent tas-Sorijiet u 15 tal-Patrijiet.
Mewt
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-aħħar vjaġġ tagħha fl-1582, wara li fetħet monasteru f’Burgos, telqet lejn Alba de Tormes. Meta waslet fl-20 ta’ Settembru, kienet għajjiena ħafna u marida, inxteħtet fis-sodda, u mietet ftit ġranet wara, fl-4 ta’ Ottubru.
Wara mewtha
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1622, il-Papa Girgor XV iddikjaraha, u fl-1970, il-Papa Pawlu VI ipproklamaha Duttur tal-Knisja flimkien ma’ Santa Katerina ta’ Siena.