Karmelitani

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Il-Karmelitani jafu l-bidu tagħhom lil grupp t'eremiti li lejn l-aħħar tas-seklu 12 u l-bidu tas-seklu 13 bdew jgħixu ħdejn l-għajn t'Elija fil-Wadi ain es Siah fuq il-Karmel. Huma bdew jgħixu ħajja li biha fittxew li jaqdu lil Ġesù Kristu f’ħajja ta’ talb bla waqfien. Biż-żmien, huma bdew jingħataw ukoll għall-qadi ta’ l-oħrajn fl-appostolat. Fiċ-ċentru, f'nofs iċ-ċelel tagħhom, huma bnew kappella li ddedikawha lil Omm il-Mulej. Il-Patrijarka ta' Ġerusalemm, Sant'Albert ta' Ġerusalemm, bejn l-1206 u l-1214 kiteb Għamla ta' Ħajja lill-Karmelitani, li aktar tard, ġiet approvata mill-Knisja bħala Regola t'ordni reliġjuż. Il-Karmelitani aktar tard ħallew l-għolja tal-Karmel u emigraw lejn l-Ewropa.

Il-Karmelitani jfittxu lil Alla fit-talb, fil-ħajja komunitarja u fis-servizz li jagħtu lill-oħrajn. Dan jagħmluh waqt li jħarsu lejn il-Verġni Marija u l-Profeta Elija bħala għejjun ta’ ispirazzjoni.

F'Malta, il-Karmelitani ġew fis-sena 1418, u bdew jgħixu fix-Xagħra ta' San Leonardu, fil-post imsejjaħ il-Lunzjata, limiti tar-Rabat. Illum il-ġurnata, il-Karmelitani jinsabu wkoll fl-Imdina, fil-Belt Valletta, fil-Balluta, f'Santa Venera, fil-Fgura u fil-Fleur-de-Lys. Huma jmexxu wkoll l-iskola sekondarja Saint Elias College li tinsab f'Santa Venera. Il-Karmelitani Maltin għandhom ukoll il-missjoni tagħhom fil-Bolivja fl-Amerka Latina. Huma jinsabu preżenti f'żewġ kunventi u f'Parroċċi, dawk ta' La Paz u Tarija.

L-isem uffiċċjali tal-Ordni Karmelitan huwa l-Ordni tal-Aħwa tal-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmel.

Il-website uffiċċjali tal-Ordni Karmelitan Il-website tal-Provinċja Karmelitana Maltija Ingħaqad magħna fuq Facebook Sewgwina fuq YouTube