Tereża ta' Ávila

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Santa Tereża ta' Avila, magħrufa wkoll bħala Santa Tereża ta' Ġesu jew Tereża l-Kbira, kienet qaddisa mistika Spanjola, soru Karmelitana, kittieba fi żmien il-Kontro-Riforma, u teologu. Riformatriċi tal-Ordni Karmelitana u flimien ma' San Ġwann tas-Salib, fundatriċi tal-Karmelitani Skalzi.

Werrej

[editja] Tfulija

Tereża twieldet f’Avila, Spanja, fit-28 ta’ Marzu, 1515, għand familja sinjura. Kienet ta’ natural ħelu u vivaċi. Meta kellha seba’ snin, hi u ħuha iżgħar minnha, wara li qraw xi ħajjiet ta’ qaddisin martri, ġiethom f’moħħhom li jmorru għall-Missjoni biex imutu martri, iżda ma laħqux tbiegħdu wisq mid-dar meta ltaqgħu ma’ zijuhom u ħadhom lura għand ommhom.

Meta kellha 12-il sena, ommha mietet. Tliet snin wara, oħtha l-kbira li kienet tieħu ħsieb id-dar iżżewġet, u l-missier daħħal lil Tereża mas-sorijiet Agostinjani. Wara sena u nofs, mardet, u kellha tmur lura lejn id-dar. F’dawn is-snin kienet bierda ħafna fir-reliġjon. Imbagħad f’daqqa waħda fl-1535 iddeċidiet li tidħol Soru mal-Karmelitani li kienu f’Avila. Missierha għall-ewwel ma ridhiex, iżda mbagħad ċeda.

[editja] Soru

Sena wara li daħlet Soru, ipprofessat. Imbagħad ġie fuqha żmien twil ta’ mard, u ta’ nixfa fil-ħajja spiritwali. Meta missierha kien marid, hi marret iddur bih. Il-mewt tiegħu ġabet bidla ġo fiha għax marret tqerr għand il-konfessur tiegħu u dan ordnalha terġa' tibda titlob. Kellha issa qrib l-erbgħin sena.

[editja] Mistika

Jingħad li beda jkollha esperjenzi mistiċi li nafu bihom għax hi kitbithom f’kotba li llum huma meqjusa bħala klassiċi spiritwali: l-”Awtobijografija”, ”Il-Mixja tal-Perfezzjoni”, u ”Il-Kastell Ġewwieni”.

[editja] Riformatriċi

Livio Mehus, San Pietro d'Alcantara iqarben lil Santa Tereża t'Avila (1683), Museo dell'Opera del Duomo (Prato)

Fl-1560 ġieha l-ħsieb li tirriforma l-Ordni tagħha, u ġġedded l-awsterità u d-dixxiplina ta’ qabel, u fl-1562, bil-għajnuna ta’ San Pietru ta’ Alkantara, minkejja bosta taħbit u tfixkil, rat l-ewwel erba’ Sorijiet Karmelitani Skalzi jilbsu l-libsa l-ġdida fil-Monasteru l-ġdid ta’ San Jose’, f’Avila. Sitt xhur wara, meta ġieha l-permess, marret tgħix magħhom. Xahar wara, ġiet magħżula biex tkun is-Superjura.

Wara xi snin ta’ ħajja kwieta, bdiet tiftaħ kunventi oħra mxerrdin ma’ Spanja. Fl-1568 bil-għajnuna ta’ San Ġwann tas-Salib waqqfet l-ewwel monasteru tal-Patrijiet. B’kollox hi fetħet 17-il kunvent tas-Sorijiet u 15 tal-Patrijiet.

[editja] Mewt

Fl-aħħar vjaġġ tagħha fl-1582, wara li fetħet monasteru f’Burgos, telqet lejn Alba de Tormes. Meta waslet fl-20 ta’ Settembru, kienet għajjiena ħafna u marida, inxteħtet fis-sodda, u mietet ftit ġranet wara, fl-4 ta’ Ottubru.

[editja] Wara mewtha

Fl-1622, il-Papa Girgor XV iddikjaraha, u fl-1970, il-Papa Pawlu VI ipproklamaha Duttur tal-Knisja flimkien ma’ Santa Katerina ta’ Siena.

Għodda personali
Spazji tal-isem

Varjanti
Azzjonijiet
Navigazzjoni
Komunità
Għodda
F'lingwi oħrajn