Michel de Montaigne

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Michel Eyquem de Montaigne (28 ta’ Frar 1533 – 13 ta’ Settembu 1592) kien filosfu, kittieb u politiku Franċiż.

Ritratt ta’ Montaigne bill-katina ta’ l-Ordni ta’ Saint Michel li nagħta fl-1571 minn Karlu IX

Bijografija[editja]

Michel Eyquem de Montaigne, iżjed magħruf bl-isem sempliċi ta’ Montaigne, twieled minn familja ta’ merkanti ta’ Bordeaux li kienet saret nobbli żewġ ġenerazzjonijiet qabel. Fl-1477, Bużnannuh Ramon Eyquem kien kiseb kastell tas-seklu XIV f’Saint-Michel-de-Montaigne fil-Périgord, u hekk akkwista t-titlu ta’ "Seigneur de Montaigne", li wirtuh uliedu u n-neputijiet.

Fosthom, Pierre Eyquem, kien l-ewwel wieħed li mar jogħqod b’mod permanenti fil-kastell li rrestawra u ffortifika. Dan kien iġġieled l-Italja u fl-1528 iżżewweġ lil Antoinette de Louppes, bint merkant ta’ Toloża ta’ oriġni marrana. Pierre Eyquem irċieva t-titlu nobiljari fl-1519 u ġie elett sindku ta’ Bordeaux fl-1554.

Michel kien l-ewwel tifel tal-koppja li għex u kien il-kbir fost seba’ aħwa. Missieru ried jagħtih edukazzjoni skond il-prinċipji ta’ l-umaneżmu tas-seklu XVI. Skond Montaigne stess, bagħtuh jitrabba ma’ familja f’raħal fqir biex jidra mod ta’ għixien iżjed umli u ordinarju (Saġġi, III, 13). Meta kellu tliet snin ħaduh lura l-kastell, u tawh bħala għalliem tabib Ġermaniż jismu Hortanus, li kellu l-ordni li jkellmu bil-Latin biss, bħal bqija tal-familja. Ta’ tlettax-il sena, meta kien għadu jaf jitkellem bil-Latin biss, bagħtuh il-kulleġġ ta’ Guyenne f’Bordeaux, post importanti ta’ l-umaneżmu Bordoliż, fejn tgħallem il-Franċiż, il-Grieg antik, ir-retorika u t-teatru.

Ma nafux jekk kienx f’Toloża jew Pariġi fejn, aktarx bejn l-1546 u l-1554, temm l-istudju tal-liġi li kien ħa jkun indispensabbli għall-attività futura tiegħu. Fl-1557 sar kunsillier fil-"Cour des Aides" (Qorti ta’ l-Għenniena) ta’ Périgueux li wara ngħaqad mal-Parlament ta’ Bordeaux. Baqa’ f’dil-ħatra għal tlettax-il sena u mar fuq bosta missjonijiet il-qorti ta’ Franza. Mill-1561 sa l-1563 kien jagħmel parti mill-qorti ta’ Karlu IX ta’ Franza.

Fl-1558 iltaqa’ ma’ Étienne de La Boétie, il-kollega tiegħu fil-parlament, tliet snin ikbar minnu, u sar ħabib tal-qalb tiegħu. Il-ħsieb, mimli stoiċiżmu, ta’ de La Boétie, kellu influwenza qawwija fuqu.

Fit-23 ta’ Settembru 1565, iżżewweġ lil Françoise de La Chassaigne, bint Joseph de La Chassaigne (1515-1572), sinjur ta’ Javerlhac, kunsillier tar-re u president tal-Parlament ta’ Bordeaux fl-1569. Françoise kienet tnax-il sena iżgħar minnu. Twieldulhom għaxart-ibniet li fosthom waħda biss — Léonor de Montaigne — għexet. Jidher li ż-żwieġ ma kellux importanza kbira fil-ħajja emozzjonali ta’ Montaigne. Il-miżżewwġin kienu jorqdu separati, ħaġa spissa f’dak iż-żmien, u Montaigne, imħabbat b’attivitajiet oħra, kien kuntent li jħalli 'l martu tieħu ħsieb il-proprjetà tiegħu.

Min-naħa l-oħra, il-ħbiberija ma’ Étienne de La Boétie, li bdiet fl-1558, kienet ta’ importanza profonda. Il-mewt ħesrem ta’ ħabibu, erba’ snin wara, ħalliet f’Montaigne vojt insopportabbli li esprimih fis-saġġ De l'amitié:

[...] jekk inqabbel il-ħajja kollha li baqagħli ma’ dawn l-erba’ snin li tagħni rigal, tidher mhux ħlief duħħan, xejn ħlief lejla mdallma ta’ dwejjaq [...] l-istess pjaċiri li toffri, minflok ma’ jsabbruni, jirduppjaw in-niket tat-telfa tiegħu [...]

Fl-1568 miet missieru li miegħu Michel kellu rabta qawwija. L-ewwel xogħol ippublikat ta’ Montaigne (1568-1569), miktub biex jikkuntenta l-missieru, kien it-"Teoloġija naturali ta' Raymond Sebond", fejn jipprova "juri l-verità tal-fidi Nisranija u Kattolika", u juża forma letterarja li tikkonsisti f’li iġġiegħlek taħseb li qiegħed taqra traduzzjoni mil-Latin għall-Franċiż.

L-irtir għall-ħajja privata u l-kitba tas-"Saġġi"[editja]

Mill-1570, irtira fl-artijiet tiegħu u ddedika ruħu għall-istudju u l-meditazzjoni. Kif tistenna minn umanista u ammiratur ta’ Virġilju u ta’ Ċiċeruni, Montaigne għażel il-bniedem, u lilu innifsu in partikulari, bħala l-oġġett ta’ l-istudju fix-xogħol ewlieni tiegħu, is- Saġġi, li beda jaħdem fuqu mill-1571. Waqt li jikkumenta fuq il-klassiċi, bħal Plutarku, Seneka u Lukrezju, Montaigne analizza l-kundizzjoni umana u l-ħajja ta’ kuljum, b’kapaċità rari ta’ introspezzjoni ħielsa mill-preġudizzji. L-għan tiegħu kien li jikxef il-maskri u t-tiżjin biex juri il-verità ċara u tonda. Dan, xogħol mingħajr preċedenti għas-sinċerità u l-introspezzjoni, hu ritratt ta’ xettiku li għalih id-duttrini riġidi wisq u ċ-ċertezzi għomja għandhom jiġu ikkundannati. L-influwenza tiegħu fuq il-filosofija ta’ Franza u tal-punent kienet kolossali.

Matul il-gwerer tar-reliġjon, Montaigne, li kien Kattoliku, għamilha ta’ moderatur, irrispettat kemm mill-Kattoliku Enriku III u kemm mill-Protestant Enriku ta’ Navarra, li miegħu kellhu ħbiberija qawwija. Fl-1577, dan ta’ l-aħħar, sar re ta’ Navarra, u ħatru gentilhomme de sa Chambre.

Djarju ta’ vjaġġ[editja]

Fl-1580 u l-1581 għamel vjaġġ twil fi Franza, l-iSvizzera, l-Ġermanja u l-Italja, bit-tama li l-ilma termali jgħinu jfiq mill-kliewi li kien ibati bihom. Wara li dam ftit żmien Verona u Venezja, mar Ruma, fejn baqa’ sa l-aħhar t’April u kien milqugħ bl-unuri kollha. F’Mejju reġa’ telaq biex iżur it-Toscana li kien għadda minnha fil-ħarifa tas-sena ta’ qabel biex isir jaf iżjed fuqha. Lucca, Pistoia u ċentri minuri oħra għoġbuh, imma deherlu li Firenze ma tħabbathiex ma’ Venezja għas-sbuħija. Dam żmien twil il-Bagni di Lucca, biex jieħu l-kura ta’ l-ilma..

F’Settembru ta’ l-istess sena, ġietu l-aħbar li kien inħatar sindku ta’ Bordeaux u qabad it-triq lura. In-noti li ħa matul il-vjaġg twil inġabru fil-Journal du voyage en Italie par la Suisse et l'Allemagne – Djarju tal-vjaġġ fl-Italja li jgħaddi mill-iSvizzera u l-Ġermanja – li dam ma ġie ippubblikat sa żewġ sekli wara, fl-1774. Dan baqa ktieb ta’ interess straordinarju għax fih ħafna informazzjoni fuq l-użanzi, id-drawwiet u t-tradizzjonijiet ta’ l-Italja ta’ dak iż-żmien li l-awtur kellu ammirazzjoni kbira lejha.

Lura lejn il-ħajja politika[editja]

Meta mar lura pajjiżu, il-filosfu wettaq bil-kompetenza x-xogħol ta' sindku għal sentejn u ġie rielett għal sentejn oħra. F’dan l-aħħar perijodu, wera li kien diplomatiku abbli, u mmedja bejn il-mexxej Protestant Enriku ta’ Navarra (re futur bl-isem ta’ Enriku IV), il-mexxej Kattoliku Enriku ta’ Guise u l-Marixxall ta’ Matignon, bl-għan li jevita li l-belt ta’ Bordeaux tiġi mdaħhla fil-gwerra ċivili li faqqet fl-1584 wara l-mewt tal-werriet desinjat id-Duka ta’Angou.

Meta għaddielu l-mandat ta’ sindku (1585), feġġet epidemja tal-pesta fir-reġjun ta’ Bordeaux. Montaigne kellu jitbiegħed mill-artijiet tiegħu, u meta għaddiet l-epidemja rrtira lejn il-kastell tiegħu u beda jaħdem fuq it-tielet ktieb tas-Saġġi, li ġie ppubblikat fl-1588.

It-"Tour de la librairie"[editja]

It-"Tour de la librairie" (torri tal-bibljoteka), li fit-tielet sular tiegħu Montaigne irtira biex ikompli l-ħidma letterarja tiegħu, kien bini ċilindriku, li hu l-unika parti li baqgħet wieqfa mill-Kastell ta’ Montaigne f’Saint-Michel-de-Montaigne. Fl-1587 ħabtu għalih u serquh meta kien fuq vjaġġ lejn Pariġi, u meta wasal fil-belt tefugħ il-ħabs għal ftit sigħat minħabba l-istorbju li qam. Fl-1588 il-filosfu sar jaf ‘l Marie de Gournay, ammiratriċi akkanita tax-xogħol tiegħu. Il-mewt ġìet fuqu għall-għarrieda fl-1592, waqt li kien qiegħed jaħdem fuq is-Saġġi. L-għana u l-varjetà ta’ l-esperjenzi ta’ ħajtu u l-karigi importanti li kellu jagħtu valur partikulari lill-osservazzjonijiet psikoloġiċi u r-riflessjonijiet morali sbieħ tiegħu.

L-importanza tal-ħsieb ta' Montaigne[editja]

Michel de Montaigne

L-iskop iddikjarat tax-xogħol tiegħu hu li "jiddeskrivi l-bniedem u b’mod iżjed partikulari lilu n-nifsu".

L-oġġett tal-ktieb tiegħi huwa jien stess

kiteb fl-ewwel paġni tas-Saġġi. U fihom tkellem fit-tul fuq il-karatteristiċi, it-temperament, is-sentimenti u l-idejat tiegħu u l-ġrajjiet ta’ ħajtu. L-għan tiegħu kien li jikseb l-għerf. Is-sentiment ta’ ħajja aċċettata għal kollox u mela gawduta, tal-mewt mistennija bla biża’, meqjusa bħala ġrajja naturali, jagħmlu dan il-ktieb estremament uman.

Montaigne kien iqis il-varjabbiltà u l-inkostanza bħala ż-żewġ karatteristiċi ewlenin tiegħu. Iddeskriva l-memorja dagħjfa tiegħu, il-kapacità li jħoll il-konflitti mingħajr ma jidħol emottivament fihom, l-istmerrija tiegħu għan-nies li jiġru wara l-fama u l-provi tiegħu li jinqata’ mid-dinja biex iħejji għall-mewt. Il-motto famuż tiegħu "X’naf ?" jidher bħala l-punt tat-tluq għall-mistoqsijiet filosofiċi tiegħu.

Ix-xogħol tal-filosfu jagħti l-qarrej l-impressjoni li l-attività pubblika kienet toħodlu l-ħin kollu tiegħu, filwaqt li l-unika ħwejjeġ essenzjali għal Montaigne baqgħu l-għarfien tiegħu in-nifsu u tfittix għall-għerf. Fis-Saġġi jpinġi bniedem bil-komplessità kollha tiegħu, li jaf bil-kontraddizjonijiet tiegħu, animat minn żewġ passjonijiet biss: il-verità u l-libertà.

[...] tant għandi għatx għal-libertà li ma nħossnix tajjeb anki jekk inkun projbit li nżur xi rokna mitlufa ta’ l-Indja [...]

Il-filosfu kien fost il-pijunieri tal-ħsieb modern. Bl-istudju tiegħu innifsu, wasal biex jaċċetta l-ħajja bil-kontraddizjonijiet tagħha kollha. Il-kundizzjoni umana idejali għall-Montaigne hi li naċċettaw lilna nnfisna u l-oħrajn bid-difetti kollha u n-nuqqasijiet kollha li ħajja iġġib magħha. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu kellu l-wens tal-kumpannija ta’ Marie de Gournay, li kienet għalih għażiża qiesha tifla adottiva. Marie fliemkien ma’ Pierre de Brach ħadet ħsieb edizzjoni tax-xogħlijiet ta’ Montaigne, li dehret wara mewtu fl-1595.

L-influwenza tal-kittieb kienet enormi fuq il-letteratura Ewropea kollha. Is-Saġġi saru meqjusa bħala waħda mix-xogħlijiet l-iżjed sinjifikattivi u oriġinali tar-Rinaxximent. Sostanzjalment huma passi li jvarjaw fit-tul, forma, suġġett u burdata. Xi wħud huma qsar ħafna, waqt li oħrajn - iżjed twal – jiffaċċjaw problemi li jolqtu ‘l dak iż-żmien, per eżempju, l-użu tat-tortura bħala mezz ta’ prova.

L-istil ta’ Montaigne hu ferrieħi u bla-preġudizzji: jgħaddi ħafif minn ħsieb għall-ieħor. Il-ħsiebijiet tiegħu huma il-ħin kollu msaħħin biċ-ċitazzjonijiet mill-klassiċi Ġriegi u Latini. Jiġġustifika din id-drawwa bl-inutilità li "wieħed jerġa' jgħid xi ħaġa b’mod għar milli ħaddieħor kien irnexxielu jgħid aħjar qabel".

Wera stmerrija kbira għall-vjolenza u għall-ġlied fratriċidju bejn il-Kattoliċi u Protestanti (u wkoll bejn il-Guelfi u l-Ghibellini) li kien bdew joqtlu ‘l xulxin fl-istess żmien li beda r-Rinaxximent, jiddelludu t-tamiet li l-umanisti kellhom fih. Skond Montaigne, hemm bżonn li nevitaw li nirriduċu il-komplessità għal pika bejn żewġ naħat, u għandna l-obbligu li nħeġġu u nġibu l-quddiem l-irtirata xettika bħala risposta għall-fanatiżmu.

Stefan Zweig jgħid fuqu [1]:

Minkejja ċ-ċarezza infallibli tiegħu, minkejja l-pjetà li kienet tolqtu sal-fond ta’ ruħu, kellu jassisti għall-waqa’ tal-biżà mill-ġdid fil-bestjalità ta’ l-umaneżmu, f’waħda minn dawk id-dagħdijiet ta’ ġenn, li xi kultant jaqgħu fuq l-umanità (…) u din hi l-veru traġedja tal-ħajja ta’ Montaigne.


L-umanisti ħasbu li fid-Dinja l-Ġdida ħa jsibu l-Ġenna ta’ l-Art, waqt li Montaigne iddeplora l-fatt li l-konkwisti ġabu tbatija kbira fuq dawk kollha li kienu għamluhom lsira. “Vittorji vili” kien isejħilhom. Kien iżjed jistmerr it-torturi li nies bħalu wettqu fuq bnedmin oħra mill-kannibaliżmu ta’ dawk l-Indjani ta’ l-Amerka, li kienu jsejjħulom "slavaġġ", u li hu kien jammira għall-privileġġ li kienu jżommu għall-kap tagħhom li "jmexxihom għall-gwerra minn quddiem".

Bħal ħafna nies ta’ żmienu ( Erażmu, Tommaso Moro, Guillaume Budé ) Montaigne kien jemmen f’ relativiżmu kulturali, għax għaraf li l-liġijiet, il-morali u r-reliġjonijiet tal-kulturi diversi, anki jekk sikwit huma mbegħdin u differenti ħafna minn xulxin, għandhom kollha xi sisien.

Fuq kollox Montaigne kien jappoġġa bill-qawwa l-umaneżmu. Kien jaħseb li billi l-“Jien” juri ruħu fil-kontraddizzjoniet u varjazzjoniet, hemm bżonn li neħilsu mit-twemmin u preġudizzji li jtellfuh.

Il-kitba tiegħu hi kkaratterizzata b’pessimiżmu u xettiċiżmu rari fir-Rinaxximent. Waqt li jsemmi l-każ ta’ Martin Guerre, jgħid li l-umanità ma tistax tilħaq iċ-ċertezza u jirriġetta l-propożizzjonijiet assoluti u ġenerali. Skond Montaigne ma nistgħux noqgħodu fuq ir-raġunamenti tagħna għax il-ħsibijiet jiġu mingħajr att ta’ volontà: mhumiex fil-kontroll tagħna. M’għandniex għalfejn innħossuna superjuri għall-annimali.

L-Edukazzjoni[editja]

Fost it-temi ta’ interess kbir li ttratta insibu l-edukazzjoni, il-ħbiberija, il-virtù, l-uġiegħ, il-mewt. Fl- Edukazzjoni, Montaigne jistmerr il-kastigi u kull għamla ta’ kostrizzjoni. Il-metodu li jsegwi fl-espożizzjoni, fejn għandu l-ħabta li jittratta bosta temi l-istess ħin, jagħmilha diffiċli li wieħed isegwi l-linja ta’ żvilupp tal-ħsibijiet profondi tiegħu.

Kull problema kien janalizzah b’ħafna għaqal u introspezzjoni. Per eżempju, Montaigne iddiskuta l-mewt u l-aħjar mezz li nitħejjew għaliha. Iddeskriva l-metodu tiegħu biex jissara ma’ l-uġiegħ tal-mard. Kien jinsisti fuq il-bżonn ta’ sistema edukattiv li jħeġġeg l-użu ta’ l-intelligenza iżjed minn tal-memorja - tkun taf bl-amment mhux jiġifieri tkun taf– għall-formazzjoni ta’ nies ta’ ġudizzju san, mgħonija bi spirtu kritiku li jippermettilhom jirriaġġixxu kif jixraq fiċ-ċirkostanzi kollha. Kien ukoll jammira l-indiġeni Amerikani għal-lealtà u s-sempliċità tad-drawwiet tagħhom. Ta analisi, ibbażata fuq l-esperjenza umana iżjed mit-teoriji astratti, tal-ħbiberija vera u falza.

Ħafna qarrejja jibqgħu affaxxinati sewwa bl-awtoritratt ta’ l-awtur li l-ktieb ippinġi. Montaigne ma beżgħax jiddeskrivi ruħu mimli paradossi u kontraddizzjonijiet. Is-Saġġi jirrappreżentaw l-ewwel awtoritratt fil-letteratura Ewropea u kellu influwenza deċiżiva fuq il-kittieba, letterati u filosfi li ġew wara bħal Blaise Pascal, Jean-Jacques Rousseau uMarcel Proust.

Mill-punto di vista strettament filosofiku, wieħed jista’ jara li ħsieb ta’ Montaigne hu mifrux wisq biex jista’ jitqiegħed f’sistema filosofikament riġidu, għadda minn fażi stoika (1572-1573) u fażi xettika fl- 1576, qabel ma sab pożizzjoni awtonoma. Għall-eżistenza u n-natura t’ Alla, joqgħod fuq ir-rivelazzjoni, imma l-ħsieb tiegħu hu qrib ħafna ta’ l-anjostiċiżmu, u infatti, jisħoq iżjed fuq id-dubju minn fuq il-fidi, għax iqis id-dubju inċentiv li jżomm il-ġudizzju dejjem attent u ħaj.

Noti u Referenzi[editja]

  1. ^ Stefan Zweig, le Monde d'hier — Souvenirs d'un Européen, trad. ta’ Serge Niémetz, Belfond, 534 p.

Ħoloq esterni[editja]