Mattia Preti

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Mattia Preti

Mattia Preti (Taverna, 24 ta' Frar 1613 – Valletta, 3 ta' Jannar 1699) kien pittur Taljan tal-istil Barokk li ħadem l-Italja u Malta.

Bijografija[editja]

Preti, li twieled fil-belt żgħira ta' Taverna f'Calabria, kultant jissejjaħ Il Cavalier Calabrese (il-Kavalier Kalabriż) billi meta kien Ruma nħatar Kavallier mill-Papa Urbanu VIII. Jaħsbu li l-ewwel taħriġ tiegħu kien mal-"Caravaggist" Giovanni Battista Caracciolo u dan jista' jispjega l-interess li kellu matul ħajtu kollha fl-istil ta' Caravaggio.

Abbozz għal affresk "Il-Pesta" għal wieħed mill-bibien ta' Napli, żejt fuq it-tila, 129 × 77, Mużew ta' Capodimonte, Napli

X'aktarx qabel 1630, Preti mar Ruma fejn diġà kien hemm ħuh Gregorio li kien pittur ukoll. Hemmhekk trawwem fit-tekniki ta' Caravaggio u tal-iskola tiegħu u studja wkoll ix-xogħol ta' Guercino, Rubens, Reni u Giovanni Lanfranco. Ruma, pinġa sensiela ta' affreski f'Sant'Andrea della Valle u oħra f'San Carlo ai Catinari. Bejn l-1644 u l-1646, seta' qatta' xi żmien Venezja,[1] imma baqa' bbażat Ruma sal-1653 u mar lura hemm fl-1660-61. Pinġa affreski għall-knisja ta' San Biago f'Modena (madwar l-1651–2) u ħa sehem fid-dekorazzjoni bl-affreski ta' Palazzo Pamphilj f'Valmontone (dokumentat 1660-61), fejn ħadem flimkien ma' Pier Francesco Mola, Gaspar Dughet, Francesco Cozza, Giovanni Battista Tassi (il Cortonese), u Guglielmo Cortese.

Il-Bieb ta' San Ġennaru, Napli

Matul il-parti l-kbira ta' snin bejn l-1653 u l-1660, ħadem Napli, fejn kien influwenzat mill-pittur il-kbir l-ieħor Naplitan tal-perjodu, Luca Giordano. Wieħed mill-kapulavuri ta' Preti kienet sensiela ta' affreski kbar bħala ringrazzjament għall-ħelsien mill-pesta li pinġa fuq is-seba' bibien tal-belt. Dawn juru l-Madonna jew qaddisin jeħilsu n-nies mill-pesta. Biż-żmien dawn inqerdu kollha ħlief dak fuq il-Bieb ta' San Ġennaru li juri 'l San Ġennaru, Santa Rożalja u San Franġisk Saveriju. Hemm ukoll żewġ abbozzi fil-mużew ta' Capodimonte, Napli.[2] Wieħed mill-abbozzi juri l-Madonna bil-Bambin tħares fuq in-nies imutu bil-pesta u d-dfin tagħhom, qisu "Ġudizzju Universali" presedut minn mara. Is-salarju ta' Preti għal dan ix-xogħol kien ta' 1500 dukat.[3] Preti ħa ordni wkoll biex jieħu ħsieb il-bini, l-iskultura u induratura tan-navi u l-kappelluni tal-knisja ta' San Pietro a Maiella.

L-inkredulità ta' San Tumas
Kunsthistorisches Museum, Vjenna.

Preti żar Malta fl-1659 wara li kien inħatar Kavallier tal-Grazzja tal-Ordni ta' San Ġwann u għadda l-parti l-kbira tal-bqija ta' ħajtu hemm. Fil-belt Valletta żejjen is-saqaf tal-Knisja Konventwali tal-Kavallieri b'sensiela ta' pitturi kbar li juru l-ħajja u l-martirju ta' San Ġwann Battista (1661–1666). F'Malta nsibu ħafna pitturi ta' Preti f'kollezzjonijiet privati u fil-knejjes parokkjali u kappelli. Il-fama tiegħu kibret u kellu ordnijiet mill-Ewropa kollha. Skont l-istoriku tal-arti Antonio Sergi, Mattia Preti Malta pinġa madwar 400 pittura[4].

Preti kellu x-xorti li għex ħajja twila u pproduċa għadd kbir ta' xogħlijiet. Il-pitturi tiegħu, rappeżentanti tal-istil eżuberanti tal-Barokk tard, insibuhom f'ħafna mużewijiet ewlenin. Fost il-kollezzjonijiet importanti hemm dawk ta' Napli, tal-belt Valletta u ta' Taverna, belt twelidu.

Referenzi[editja]

  1. ^ Wittkower, Rudolf, Art and Architecture Italy, 1600-1750, Pelican History of Art. 1980. Penguin Books Ltd. p.360
  2. ^ James Clifton, "Mattia Preti's Frescoes for the City Gates of Naples," Art Bulletin (1994), 479-501
  3. ^ Clifton, 480.
  4. ^ Antonio Sergi, Mattia Preti, detto il "Cavalier Calabrese": la vita. L'opera, catalogo delle opere 1927, Acireale

Biblijografija[editja]

  • Spike, John, Mattia Preti e Gregorio Preti a Taverna. Catalogo completo delle opere, Centro Di,(1997).
  • Spike, John, Mattia Preti. Catalogo Ragionato dei Dipinti, Firenze (1999).
  • Wittkower, Rudolf, Art and Architecture Italy, 1600-1750, Pelican History of Art. Penguin Books Ltd (1980).
  • Francesco Michitelli, Mattia Preti, detto il cavalier calabrese, f' "L'Omnibus Pittoresco", nru 14 tal-21 ta' Ġunju 1838, pp. 105–108.
  • Dizionario della pittura e dei pittori. Einaudi, (1994).
  • Paolo Damiano Franzese, Il pittore architettonico. Sulla poetica 'campanelliana' di Mattia Preti, f' "Archivio Storico per la Calabria e la Lucania", LXXVI, pp. 101–120, (2010).
  • Sante Guido, Giuseppe Mantella, Storie di Restauri nella Chiesa Conventuale di San Giovanni a la Valeletta. La cappella di santa Caterina della Lingua d'Italia e le committenze del gran maestro Gregorio Carafa, Malta, MidseaBooks, ISBN 9789993272021, (2012).
  • Sante Guido, Giuseppe Mantella, Mattia Preti e la volta della Chiesa Conventuale di San Giovanni Battista a La Valletta: documenti e testimonianze 1661-2011 per il 350º anniversario dell'inizio lavori f' "I Beni Culturali", v. XIX - 3, nru 3 Mejju-Ġunjuo (2011).
  • Sante Guido, Giuseppe Mantella, Mattia Preti 1613-2013. The Masterpieces in the Churches of Malta, Malta, Miranda Books, ISBN 9789990985474, (2012).

Ħoloq esterni[editja]