Mary Cassatt

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mary Cassatt
Ħajja
Isem propju Mary Stevenson Cassatt
Twelid Allegheny (en) Translate, 22 Mejju 1844, 1845
Nazzjonalità Stati Uniti tal-Amerka
Mewt Le Mesnil-Théribus (en) Translate, 14 Ġunju 1926
Post tad-dfin Le Mesnil-Théribus (en) Translate
Familja
Missier Robert S. Cassatt
Omm Katherine Kelso Cassatt
Konjuga/i Not married
Aħwa
Edukazzjoni
Alma mater Pennsylvania Academy of the Fine Arts (en) Translate
Lingwi Ingliż
Franċiż
Ġermaniż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
tipografu
artist grafiku
fotografu
artist
inċiżur
Parteċipant
Post tax-xogħol Eġittu
Barbizon (en) Translate
Giverny (en) Translate
Grasse
Le Mesnil-Théribus (en) Translate
Pariġi
Ruma
Madrid
Philadelphia
Xogħlijiet importanti Portrait of an Elderly Lady in a Bonnet: Red Background (en) Translate
Premjijiet
Moviment Impressjoniżmu
Psewdonomu Cassatt, Mary Stevenson
Moviment artistiku pittura ritratt
pittura tal-ġeneru
ritratt
arti pajsaġġistika
figure (en) Translate

Mary Stevenson Cassatt (Pittsburgh, 22 ta' Mejju 1844Pariġi, 14 ta' Ġunju 1926) kienet pittriċi mill-Istati Uniti. Għexet parti kbira mill-ħajja adulta tagħha fi Franza, fejn wara li saret ħabiba ta' Edgar Degas esibiet mal-Impressjonisti. Cassatt spiss pinġiet xbihat tal-ħajja soċjali u privata tan-nisa, b'enfasi qawwija fuq ir-rabta intima bejn l-omm u uliedha.

Ħajja bikrija[immodifika | immodifika s-sors]

Cassatt twieldet f 'Allegheny City, Pennsylvania, li issa hi parti minn Pittsburgh. Twieldet ġo familja tat-tajjeb: missierha, Robert Simpson Cassat (aktar tard sar Cassatt), kien stockbroker ta' suċċess u spekulatur tal-artijiet, u ommha, Katherine Kelso Johnston, kienet ġejja minn familja bankarja. Isem l-antenati kien Cossart[1]. Cassatt li kienet tiġi mill-bogħod mill-artista Robert Henri [2], kienet waħda minn seba' aħwa, li tnejn minnhom mietu fi tfulithom. Il-familja tagħha marru lejn il-lvant tal-pajjiż, l-ewwel lejn Lancaster, Pennsylvania u mbagħad lejn l-inħawi ta' Philadelphia, fejn bdiet tmur l-iskola meta kellha 6 snin.

Cassatt trabbiet f'ambjent fejn l-ivvjaġġar kien meqjus bħala parti integrali mill-edukazzjoni; għaddiet 5 snin l-Ewropa u żaret ħafna mill-bliet kapitali, fosthom Londra, Pariġi, u Berlin. Matul is-safar tagħha tgħallmet il-Ġermaniż u l-Franċiż u kellha l-ewwel lezzjonijiet fis-disinn u l-mużika[3]. X’aktarx iltaqgħet għall-ewwel darba max-xogħol tal-artisti Franċiżi Ingres, Delacroix, Corot, u Courbet fil-Fiera Dinjija ta' Pariġi tal-1855. F'din il-wirja kienu esibiti wkoll xi xogħlijiet ta' Degas u Pissarro, li 'l quddiem it-tnejn kellhom ikunu kollegi u menturi tagħha[4].

Minkejja li l-familja tagħha kienet toġġezzjona li hi ssir artista professjonista, Cassatt bdiet tistudja l-pittura fl-Akkademja tal-Belle Arti ta' Pennsylvania f'Philadelphia, fl-età żgħira ta' 15-il sena[5]. Parti mill-inkwiet tal-ġenituri tagħha setgħet kienet li Cassatt kienet sejra tiġi esposta għal ideat femministi u għall-imġiba antikonformista ta' xi wħud mill-istudenti subien. Għalkemm madwar 20 fil-mija tal-istudenti kienu tfajliet, il-parti l-kbira minn dawn kienu jqisu l-arti bħala sengħa soċjalment siewja u ftit minnhom kienu ddeterminati daqs li kienet Cassatt biex jagħmlu l-arti l-karriera tagħhom.[6]. Hi kompliet l-istudji tagħha matul is-snin tal-Gwerra Ċivili Amerikana. Fost l-istudenti sħabha kien hemm Thomas Eakins, li wara sar direttur tal-Akkademja diskuss ħafna.

Tilfet il-paċenzja bit-tagħlim li kien jimxi bil-mod ħafna u bl-attitudni kondixxenti tal-studenti u l-għalliema rġiel, u għalhekk ddeċidiet li tistudja l-mastri antiki waħidha. Aktar tard, qalet, "Ma kienx hemm xejn tagħlim" fl-Akkademja. L-istudenti nisa ma setgħux jużaw mudelli ħajjin (sa ftit aktar tard) u t-taħriġ prinċipali kien primarjament it-tpinġija mill-istatwi tal-ġips[7].

Cassatt ddeċidiet li temm l-istudji tagħha (dak iż-żmien, l-ebda lawrja ma kienet tingħata). Wara li għelbet l-oġġezzjonijiet ta' missierha, marret Pariġi fl-1866, ma' ommha u l-ħbieb tal-familja bħala chaperons[8]. Billi n-nisa ma setgħux jattendu l-École des Beaux-Arts, applikat biex tistudja privatament taħt xi għalliema minn din l-iskola [9] u ġiet aċċettata biex tistudja ma' Jean-Léon Gérôme, għalliem meqjus ħafna, magħruf għat-teknika iper-realistika tiegħu u għat-tpinġija ta' suġġetti eżotiċi. Ftit xhur wara Gérôme aċċetta wkoll lil Eakins bħala student[9]. Cassatt biex iżżid mat-taħriġ artistiku tagħha kienet tmur kuljum il-Louvre biex tikkopja l-pitturi. Biex tagħmel dan kellha l-permess meħtieġ (dawn il-permessi kienu joħorġu biex jikkontrollaw l-għadd ta' "kopisti", ħafna minnhom nisa mħallsin bil-ftit, li kuljum kienu jimtlew il-mużew biex ipinġu l-kopji għall-bejgħ). Il-mużew kien iservi wkoll bħala post fejn jiltaqgħu soċjalment il-Franċiżi u l-istudenti nisa Amerikani, li bħal Cassatt, ma kinux jitħallew jattendu l-kafejiet fejn il-avangwardja kienu jissoċjalizzaw. B'dan il-mod, l-artista ħabiba tagħha Elizabeth Jane Gardner iltaqgħet mal-pittur akkademiku famuż William-Adolphe Bouguereau u u żżewġitu[10].

Id-dagħjsa, żejt fuq it-tila, National Gallery of Art, Washington

Lejn it-tmiem tal-1866, ingħaqdet ma' klassi tal-pittura mgħallma minn Charles Chaplin, artista magħruf għall-pittura tal-ġeneru. Fl-1868, Cassatt studjat ukoll mal-artista Thomas Couture, li s-suġġetti tiegħu kienu l-iżjed romantiċi u urbani[11]. Matul il-vjaġġi fil-kampanja, l-istudenti kienu jpinġu mill-ħajja, b'mod partikolari l-bdiewa jagħmlu xogħlhom ta' kuljum. Fl-1868, waħda mill-pitturi tagħha, Il-mandolinista, ġiet aċċettata għall-ewwel darba mill-ġurija tal-għażla tas-Salon ta' Pariġi. Din il-pittura fl-istil Romantiku ta' Corot u Couture[12], hi waħda miż-żewġ pitturi mill-ewwel għaxar snin tal-karriera tagħha li nafu bihom illum[13]. Id-dinja tal-arti Franċiża kienet fil-proċess ta' bidla, billi artisti radikali bħal Courbet u Manet kienu qegħdin jippruvaw jinqatgħu mit-tradizzjoni Akkademiku aċċettata u l-Impressjonisti kienu fis-snin formattivi tagħhom. Il-ħabiba ta' Cassatt, Eliza Haldeman, kitbet f'ittra tagħha li l-artisti "qegħdin iħallu l-istil tal-Akkademja u kull wieħed qiegħed ijfittex maniera ġdida, u għalhekk bħalissa kollox fil-kaos"[10]. Cassatt, min-naħa l-oħra, baqgħet taħdem bil-maniera tradizzjonali, tissottometti x-xogħlijiet lis-Salon għal aktar minn għaxar snin, bi frustrazzjoni dejjem tikber.

Meta rritornat lejn l-Istati Uniti tard fis-sajf tal-1870 – kif kienet qiegħda tibda l-Gwerra Franko-Prussjana – Cassatt marret toqgħod mal-familja tagħha f'Altoona. Missierha baqa' kontra l-karriera li kienet għażlet u kien iħallas biss għall-affarijiet tagħha ta' kuljum, iżda mhux għall-affarijiet tal-arti[14]. Uriet żewġ pitturi tagħha f'gallerija f'New York u waqt li intgħoġbu minn ħafna, ħadd ma xtrahom. Kienet imdejqa wkoll bin-nuqqas ta' pitturi li setgħet tistudjaw waqt li kienet toqgħod fid-dar tal-villeġġjatura. Cassatt bdiet taħseb biex tabbandunaha l-arti, għax kienet determinata li taqla' x'tgħix. F'ittra ta' Lulju, 1871, kitbet hekk "Tlaqtu l-istudju tiegħi u qattajt ir-ritratt ta' missieri, u ili ma mmiss pinzell għal sitt ġimgħat u qatt ma ħa nagħmel hekk iżjed sakemm nara xi prospett li nerġa' mmur l-Ewropa. Nixtieq ħafna li nitlaq lejn il-punent fir-rebbiegħa u nsib xi impjieg hemm, imma għadni ma ddeċidejtx fejn"[15]. Marret tipprova xortiha Chicago imma tilfet xi pitturi tagħha tal-bidu fl-inċendju tal-1871[16]. Ftit wara, ix-xogħol tagħha ġibed l-attenzjoni tal-Arċisqof ta' Pittsburgh, li taha kummissjoni biex tpinġilu żewġ kopji ta' pitturi ta' Correggio f'f'Parma, l-Italja, u minn qabel taha flus biżżejjed biex tkopri l-ispejjeż tal-vjaġġ u parti mis-soġġorn. Bl-eċċitament kitbet, "O kemm jien miġnuna biex nibda naħdem, idejja jikluni u għajnejha jibku biex jerġgħu jaraw pittura suriet in-nies"[17]. Cassatt reġgħet telqet lejn l-Ewropa ma' Emily Sartain, pittriċi oħra minn familja minn Philadelphia magħrufa għall-arti.

L-impressjoniżmu[immodifika | immodifika s-sors]

It-te, 1880, żejt fuq it-tila, Museum of Fine Arts, Boston

Ftit xhur wara li marret lura l-Ewropa fil-ħarifa tal-1871, il-prospetti ta' Cassatt kienu marru għall-aħjar sewwa. Il-pittura tagħha Żewġ Nisa Jitfgħu il-Fjuri fil-Karnival intlaqgħet tajjeb fis-Salon tal-1872, u nxtrat. F'Parma kellha ħafna attenzjoni favorevoli u l-komunità artistika tal-belt appoġġatha u ħeġġitha: "Kullħadd f'Parma qiegħed jitkellem dwar Miss Cassatt u l-pittura tagħha, u kulħadd ħerqan li jsir jafha" Mathews[18].

Wara li lestiet il-kummissjoni għall-Arċisqof, Cassatt msrret Madrid u Sivilja, fejn pinġiet sensiela ta' pitturi ta' suġġetti Spanjoli, fosthom Żeffiena Spanjola Liebsa Mantilla tal-Bizzilla (1873, issa fil-National Museum of American Art, Smithsonian Institution). Fl-1874, iddeċidiet li tmur toqgħod Franza. Hi u oħta Lydia li ġiet toqgħod magħha kienu joqgħodu f'appartament. Cassatt kompliet tikkritika l-pulitka tas-Salon u l-gosti konvenzjonali li kienu jsaltnaw hemm. Ma kinetx iżżomm ruħha lura fil-kummenti tagħha, kif qal Sartain, li kiteb: "hi ħarxa wisq, tirrifjuta l-arti moderna kollha, tistmerr il-pitturi tas-Salon ta' Cabanel, Bonnat, u l-ismijiet kollha li drajna nirrispetaw"[19]. Cassatt indunat li x-xogħlijiet ta' artisti nisa kienu spiss jiġu rrefjutati b'disprezz jekk il-pittriċi ma jkolliex ħabib jew protettur fuq il-ġurija, u ma riedet titħabeb ma' ħadd biex il-ġurija tagħtiha preferenza[20]. Iċ-ċiniżmu tagħha kiber meta waħda minn żewġ pitturi li ssottomettiet fl-1875 ma ġietx aċċettata mill-ġurija, u ġiet aċċettata s-sena ta' wara meta kienet skuratilha l-isfond biss. Kella x'tgħid ma' Sartain, li kien jaħseb li Cassatt żbukkata u egoista wisq. Minħabba d-dwejjaq li qabadha u l-kritika tagħha nfisha, Cassatt ddeċidiet li titlaq il-pitturi tal-ġeneru u taħdem fuq suġġetti aktar tal-moda, biex tattira kummissjonijiet għal ritratt mill-Amerikana tas-soċjetà barra l-pajjiż, iżda l-isforzi tagħha taw ftit frott għall-ewwel[21].

Edgar Degas, Ritratt tas-Sinjorina Cassatt, bilqiegħda bil-karti tal-logħob f'idejha, madwar 1876–1878, żejt fuq it-tila

Fl-1877, iż-żewġ pitturi li ppreżentat għas-Salon ma ġewx aċċettati, u għall-ewwel darba f'seba' snin ma kellha l-ebda xogħol muri fis-Salon[22]. F'dan il-mument ħażin fil-karriera tagħha, Edgar Degas stedinha biex turi x-xogħlijiet tagħha mal-Impressjonisti, grupp li waħidhom kienu bdew sensiela ta' wirjiet indipendenti fl-1874 li qajmu ħafna storbju. L-Impressjonisti (magħrufa wkoll bħala l-"Indipendenti" jew l-"Intransiġenti") ma' kellhom l-ebda manifest formali u kienu jvarjaw konsiderevolment fis-suġġetti u t-teknika tagħhom. Kellhom it-tendenza li jippreferu li jpinġu barra fil-beraħ u li jużaw kuluri jlelxu imqegħdin b’daqqiet ta' pinzell separati mingħajr taħlit minn qabel, biex l-għajn stess tgħaqqad il-kuluri b'mod "impressjonistiku". Il-kritiċi kienu ilhom iħambqu kontra l-Impressjonisti għal bosta snin. Henry Bacon, ħabib tal-aħwa Cassatt, kien jaħseb li l-Impressjonisti kienu radikali tant li kienu "morda b'xi marda tal-għajnejn li għadha mhux magħrufa"[23]. Fosthom diġà kien hemm membru mara, il-pittriċi Berthe Morisot, li saret ħabiba u kollega ta' Cassatt.

Cassatt kienet tammira 'l Degas, li pastell tiegħu kienu għamlet impressjoni qawwija fuqha meta fl-1875 rathom għall-ewwel darba f'tieqa ta' negozjant tal-arti. "Jiena kont immur u ngħattan imnieħri mat-tieqa u nassorbi kull ma nista' mill-arti tiegħu," qalet aktar tard. "Bidlitli ħajti. L-arti rajtha kif jien ridt naraha." [24] Allura aċċettat l-istedina ta' Degas bil-ħerqa u bdiet tħejji l-pitturi għall-wirja tal-Impressjonisti li kien imiss, ippjanata għall-1878, li (wara posponiment minħabba l-Fiera Dinjija) saret fl-10 ta' April, 1879. Ħassitha komda mal-Impressjonisti u appoġġat il-kawża tagħhom bl-entużjażmu. Qalet: "aħna qed iwettqu ġlieda ddisprata u neħtieġu l-forzi tagħna kollha”[25]. Ma setitx tiltaqa’ magħhom fil-kafejiet mingħajr ma n-nies jgħidu biha, u għalhek kienet tiltaqa' magħhom privatament u fil-wirjiet. Bdiet tittama li jkollha suċċess fil-bejgħ tal-pitturi lill-Pariġini sofistikati li kienu jippreferu l-avant-garde. L-istil tagħha kiseb spontanjetà ġdida matul dawk l-aħħar sentejn. Qabel l-artista kienet dejjem taħdem ġewwa, u issa ħadet id-drawwa li ġġorr fuqha pitazz għall-iskizzi meta tkun barra jew fit-teatru, biex tħażeż ix-xeni li kienet tara quddiem għajnejha[26].

Is-sajf, madwar l-1894, żejt fuq it-tila

Fl-1877, missier u omm Cassat u oħtha Lydia ġew joqgħhodu magħha f 'Pariġi. Mary kienet tapprezza l-kumpanija tagħhom, peress li la hi u lanqas Lydia ma kienu żżewġu. Mary ħadet deċiżjoni minn kmieni f'ħajjitha li ż-żwieġ ma kienx kompatibbli mal-karriera tagħha. Lydia, li oħtha pinġiet ħafna drabi, kienet tbati minn perjodi rikorrenti ta' mard, u wara mewtha fl-1882, Cassatt damet ma setgħet terġa' tibda taħdem[27].

Missier Cassatt kien jinsisti li l-kera tal-istudju fejn kienet taħdem u l-materjali għall-pittura kellhom jitħallsu mill-bejgħ tax-xogħlijiet tagħha, li kien għadu limitat ħafna. Billi kellha l-biżgħa li biex tlaħħaq kien ikollha tpinġi suġġetti poplari, Cassatt intefgħet taħdem fuq pitturi ta' kwalità għall-wirja Impressjonista li kienet tmiss. Tlieta mill-aħjar xogħlijiet tagħha mill-1878 kienu Ritratt tal-Artista (awto-ritratt),Tifla Żgħira fuq Pultruna Kaħla, u Il-Qari ta' Le Figaro (ritratt ta' ommha).

Awtoritratt minn Mary Cassatt, madwar l-1878, gwazz fuq il-karta,
Metropolitan Museum of Art, New York

Degas kellu influwenza qawwija fuq Cassatt. Hi saret tas-sengħa ħafna fl-użu tal-pastelli u iktar tard pinġiet ħafna mix-xogħlijiet l-aktar importanti tagħha b'dan il-materjal. Degas għalliema wkoll l-inċiżjoni, sengħa li hu kien mgħallem magħruf fiha. It-tnejn kienu jaħdmu flimkien għal xi żmien, u bit-tagħlim tiegħu il-ħila tagħha fid-disinn tqawwiet sewwa. Pinġiha f'sensiela ta' inċiżjonijiet li juru l-mawriet tagħhom lejn il-Louvre. Kellha sentimenti qawwija għalih imma tgħallmet ma tistenniex wisq min-natura kapriċċuża u temperamental tiegħu. Degas li kien sofistikat u dejjem liebes pulit, ta' 45 sena, kien spiss mistieden għall-pranzu għand il-familja Cassatt[28].

L-esebizzjoni Impressjonista tal-1879 kellha l-aktar suċċess sa dak iż-żmien, minkejja li ma ħadux sehem fiha Renoir, Sisley, Manet u Cézanne, li kienu qed jippruvaw għal darb'oħra jiksbu rikonoxximent fis-Salon. Permezz tal-isforzi ta' Gustave Caillebotte, li organizzat u assigura l-wirja, il-grupp għamel profitt u bigħ ħafna xogħlijiet, għalkemm il-kritika baqgħet ħarxa daqs kemm kienet qabel. Ir-Revue des Deux Mondes kitbet, "M. Degas u Mlle. Cassatt biss jispikkaw ... u joffru xi attrazzjoni u xi skuża fil-wirja pretenzjuża mimlija tiżjin u tħażżiż infantili”[29].

Cassatt uriet ħdax-il xogħol, fosthom Lydia fil-Palk, Liebsa Ġiżirana tal-Ġawhar, (Mara fil-Palk). Għalkemm il-kritiċi qalu li l-kuluri ta' Cassatt kienu jgħatu wisq u li r-ritratti tagħha kienu preċiżi wisq biex isebbħu s-suġġetti, ix-xogħol tagħha ma tmaqdarx kif kien ta' Monet, li ċ-ċirkostanzi tiegħu kienu l-iżjed iddisprati fost l-Impressjonisti kollha ta' dak iż-żmien. Hi użat is-sehem tagħha tal-qligħ biex tixtri xogħol ta' Degas u ieħor ta' Monet[30]. Ħadet sehem fil-Wirjiet Impressjonisti li missu fl-1880 u 1881, u baqgħet membru attiv taċ-ċirku Impressjonista sal-1886. Fl-1886, Cassatt daħħlet żewġ pitturi fl-ewwel wirja Impressjonista fl-Istati Uniti, organizzata min-negozjant tal-arti Pawl Durand-Ruel. Ħabibitha Louisine Elder iżżewġet lil Harry Havemeyer fl-1883, u b'Cassatt bħala konsulent, il-koppja bdiet tiġbor kollezzjoni kbira tal-pitturi Impressjonisti. Parti kbira mill-kollezzjoni vasta tagħhom issa qiegħda fil-Metropolitan Museum of Art fi New York City[31]. Pinġiet ukoll bosta ritratti tal-membri tal-familja matul dak il-perjodu, li fosthom ir-Ritratt ta' Alexander Cassatt u Ibnu Robert Kelso (1885) hu meqjus bħala wieħed mill-aħjar tagħha. Wara, l-istil ta' Cassatt żviluppa, u bidlet mill-Impressjoniżmu għal approċċ aktar dirett. Bdiet ukoll turi x-xogħlijiet tagħha fil-galleriji ta' New York. Wara l-1886, Cassatt ma baqgħetx tiddentifika ruħha ma' l-ebda moviment tal-arti u esperimentat b'varjetà ta' tekniki.

Ħajjitha aktar tard[immodifika | immodifika s-sors]

Tifla fil-Banju (Il-Banju) ta' Mary Cassatt, 1893, żejt fuq it-tila, Art Istitut ta 'Chicago

Il-popolarità ta' Cassatt hi bbażata fuq sensiela twila ta' pitturi u stampi mpinġijin rigorożament, osservati bil-ħlewwa, iżda il-biċċa l-kbira mingħajr sentimentalità, fuq it-tema tal-omm u tifel jew tifla. Ix-xogħol bid-data l-aktar bikrija dwar dan is-suġġett huwa l-puntasekka Gardner Merfugħ minn Ommu (stampa immarkata "Jan/88" qiegħda fin-New York Public Library),[32] għalkemm pinġiet xi xogħlijiet qabel fuq dan is-suġġett. Xi wħud minn dawn ix-xogħlijiet juru l-qraba, il-ħbieb, jew il-klijenti, tagħha għalkemm aktar tard, ġeneralment użat mudelli professjonali fil-komposizzjonijiet li spiss ifakkruna fir-rappreżentazzjoniet tal-Madonna bil-Bambin tar-Rinaxximent Taljan. Wara l-1900, ikkonċentrat kważi għal kollox fuq suġġetti ta’ omm u wliedha.[33].

Is-snin 1890s kienu l-iżjed żmien bieżel u kreattiv għal Cassatt. Kienet kisbet ċertu maturità u saret aktar diplomatika u anqas żbukkata fl-opinjonijiet tagħha. Saret ukoll xempju għal artisti Amerikani żgħażagħ li kienu jitolbuha l-parir tagħha. Fost dawn kien hemm Lucy A. Bacon, li Cassatt introduċiet lil Camille Pissarro. Għalkemm il-grupp Impressjonista kien xolja, Cassatt xorta kien għad kellha kuntatt ma' wħud mill-membri, fosthom Renoir, Monet u Pissarro.[34].

Fl-1891, esibiet sensiela ta' puntasekki kuluriti oriġinali ħafna u akwatinti, fosthom Mara tinħasel u Mara tippettna, ispirati minn pitturi Ġappuniżi importanti murija f'Pariġi s-sena ta' qabel. Cassatt apprezzat ħafna s-sempliċità u ċ-ċarezza tad-disinn Ġappuniż, u l-użu bis-sengħa ta' blokki ta' kulur. Fl-interpretazzjoni tagħha, hi użat l-iżjed kuluri pastelli delikati ċari u evitat l-iswed (kulur "projbit" fost l-Impressjonisti). A. Breeskin, tal-iSmithsonian Institution, jinnota li dawn l-stampi bil-kulur, "issa spikkaw bħala l-kontribut l-aktar oriġinali tagħha ... li żiedu kapitolu ġdid fl-istorja tal-arti grafika ... li teknikament, bħala stampi bil-kulur, qatt ma kien hemm aħjar minnhom"[35].

Ukoll fl-1891, in-negozjanta minn Chicago, Bertha Palmer avviċinat lil Cassatt biex tpinġi mural ta' 54 pied × 12 pied bis-suġġett tal-"Mara Moderna" għall-Bini tan-Nisa fil-Wirja Kolombjana Dinjija li kellha ssir fl-1893. Cassatt lestiet il-proġett matul is-sentejn li missu filwaqt li kienet tgħix Franza ma' ommha. Il-mural kien imfassal bħala trittiku. It-tema ċentrali kellha t-titlu Nisa Żgħażagħ Jiġbru l-Frott tal-Għarfien jew tax-Xjenza. Il-panew tax-xellug kien Tfajliet Ifittxu l-Fama u l-panew tal-lemin Arti, Mużika, Żfin. Il-mural kien juri komunità ta' nisa apparti mir-relazzjoni tagħhom mal-irġiel, bħala persuni kapaċi fihom infushom. Palmer kienet tqis lil Cassatt bħala teżor Amerikan u ma kinitx taħseb li hemm xi ħadd aħjar minnha biex ipinġi mural għall-espożizzjoni li kienet se tagħmel ħafna biex tiffoka l-attenzjoni tad-dinja fuq l-istat tal-mara[36]. Sfortunatament il-mural intilef meta twaqqa' l-bini wara l-esebizzjoni. Però Cassatt kienet wettqet bosta studji u pitturi fuq temi simili għal dawk fil-mural madwar dak iż-żmien, u għalhekk nistgħu naraw kif iżviluppat dawk l-ideat u xbihat[37]. Cassatt uriet pitturi oħra fl-istess Espożizzjoni.

"Taħt il-Qastna tal-Indja[38]", puntasekka u akwatinta, 1898.

Fil-bidu tas-seklu l-ġdid, Cassatt kienet qiegħda tagħmilha bħala konsulent għall-bosta kollezzjonisti tal-arti importanti u stipulat li dawn fl-aħħar kellhom jagħtu l-pitturi li jixtru lill-mużewijiet tal-arti Amerikani. B'rikonoxximent tal-kontribuzzjoni tagħha għall-arti, Franza tagħtha l-Légion d'Honneur fl-1904. Għalkemm il-kolletturi Amerikani kienu jimpjegawha ħafna bħala konsulent, l-arti tagħha damet ma ġiet rikonoxxuta fl-Istati Uniti. Anki fost il-membri tal-familja tagħha fl-Amerika, ma tantx kellha rikonoxximent u kienet totalment imdella minn ħuwa li kien famuż[39].

Ħu Mary Cassatt, Alexander Cassatt, miet fl-1906. Din kien xokk kbir għaliha billi l-aħwa kienu intimi, iżda madankollu baqgħet produttiva ħafna fis-snin qabel l-1910[40]. Is-sentimentalità fix-xogħol tagħha żdiedet matul is-snin 1900; ix-xogħol tagħha kien popolari fost il-pubbliku u l-kritiċi, iżda, ma baqgħetx inventiva, u l-kollegi Impressjonisti li qabel kienu jpprovdu l-istimulu u l-kritika kienu ftit ftit qed imutu. Hija kienet kontra l-iżviluppi ġodda fl-arti bħall-post-Impressjoniżmu, il-Fauviżmu u l-Kubiżmu[41].

Matul vjaġġ fl-Eġittu fl-1910, Cassatt impressjonat ruħha ħafna bil-sbuħija tal-arti antika tiegħu, iżda wara qabditha kriżi ta' kreattività; mhux biss kien għejiha ħafna l-vjaġġ, imma stqarret li sabet ruħha "umiljata mill-qawwa ta’ din l-Arti" u qalet, "Iġġilidt kontra tagħha iżda għelbitni, hi żgur l-ikbar Arti li writna mill-imgħoddi ... idejja dagħjfin wisq biex inpinġi l-effet tagħha fuqi"[42]. Minkejja li fl-1911 kienet qiegħda tbati mid-dijabete, ir-rewmatiżmu, in-newralġija, u l-katarretti ma waqfitx mix-xogħol, iżda wara l-1914 kellha bilfors tieqaf mill-pittura billi kienet kważi għamiet. Minkejja dan bdiet tappoġġa l-kawża tas-suffraġju femminili, u fl-1915, uriet tmintax-il pittura f’wirja biex tgħin il-moviment.

Mietet fl-14 ta' Ġunju, 1926 f'Château de Beaufresne, ħdejn Pariġi, u indifnet fil-qabar tal-familja f'Le Mesnil-Théribus, Franza.

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Nancy Mowll Mathews, Mary Cassatt: A Life, Villard Books, New York, 1994, p. 5, ISBN 0-394-58497-X.
  2. ^ Perlman, Bennard B., Robert Henri: His Life and Art, page 1. Dover, 1991
  3. ^ Mathews, 1994, p. 11
  4. ^ Robin McKown, The World of Mary Cassatt, Thomas Y. Crowell Co. , New York, 1972, pp. 10–12, ISBN 0-690-90274-3
  5. ^ Mathews, 1994, p. 26
  6. ^ Mathews, 1994, p. 18
  7. ^ McKown, 1974, p. 16
  8. ^ Mathews, 1994, p. 29
  9. ^ a b Mathews, 1994, p. 31
  10. ^ a b Mathews, 1994, p. 32
  11. ^ Mathews, 1994, p. 54
  12. ^ Mathews, 1998, p. 47
  13. ^ Mathews, 1998, p. 54
  14. ^ Mathews, 1998, p. 75
  15. ^ Mathews, 1994, p. 74
  16. ^ McKown, 1974, p. 36
  17. ^ Mathews, 1994, p. 76
  18. ^ Mathews, 1994, p. 79
  19. ^ Mathews, 1994, p. 87
  20. ^ Mathews, 1998, pp. 104–105
  21. ^ Mathews, 1994, p. 96
  22. ^ Mathews, 1998, p. 100
  23. ^ Mathews, 1994, p. 107
  24. ^ Mathews, 1998, p. 114
  25. ^ Mathews, 1994, p. 118
  26. ^ Mathews, 1994, p. 125.
  27. ^ Mathews, 1998, p. 163
  28. ^ McKown, 1974, pp. 63–64
  29. ^ McKown, 1974, p. 73
  30. ^ McKown, 1974, pp. 72–73
  31. ^ Mathews, 1994, p. 167
  32. ^ Mathews, 1998, p. 182 u n-nota, p. 346
  33. ^ National Museum of American Art, 1985, p. 106
  34. ^ McKown, 1974, p. 155
  35. ^ McKown, 1974, pp. 124–126
  36. ^ Lunardini, What every American Should Know About Women's History, Adams Media Corporation, 1997, p. 129
  37. ^ [1]K. L. Nichols, Mary Cassatt's Lost Mural and Other Exhibits at the 1893 Exposition
  38. ^ Aesculus hippocastanum
  39. ^ McKown, 1974, p. 182
  40. ^ Mathews, 1998, p. 281
  41. ^ Mathews, 1998, p. 284
  42. ^ Mathews, 1998, p. 291

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]

  • [2] Mary Cassat, ix-xogħlijiet kollha
  • [3] Mary Cassatt fin-National Gallery of Art, Washhington
  • [4] Mary Cassatt Gallery fuq MuseumSyndicate.com
  • [5] Mary Cassatt fil-WebMuseum.
  • [6] Mary Cassatt f'Hill-Stead Museum, Farmington, Connecticut
  • [7] smARThistory: Il-kikkra te
  • [8] L-istampi ta' Mary Cassatt Fl-Istitut Nazzjonali tal-Istorja tal-Arti (INHA) f'Pariġi
  • [9] Id-dokumenti tal-familja Havemeyer.
  • [10] Il-Fondazzjoni Franċiż għall-memorja ta' Mary Cassatt, Association des Amis de Mary Cassatt

Bibljografija[immodifika | immodifika s-sors]

  • Mathews, Nancy Mowll, Mary Cassatt: A Life, 1998, Yale University Press. ISBN 0-300-07754-8
  • McKown, Robin, The World of Mary Cassatt, Thomas Y. Crowell Co. , New York, 1972. ISBN 0-690-90274-3
  • National Museum of American Art (U.S.), & Kloss, W. (1985). Treasures from the National Museum of American Art. Washington: National Museum of American Art. ISBN 0-87474-595-0
  • Pollock, Griselda, Looking back to the Future. G&B 2001. ISBN 90-5701-132-8