Mahatma Gandhi
Mohandas Karamchand Gandhi (2 ta' Ottubru 1869 – 30 ta' Jannar 1948) kien l-akbar mexxej tal-Indja fil-ġlieda tagħha għall-indipendenza. Pijunier tas-satyagraha, jew reżistenza għat-tirannija permezz ta' diżubbidjenza ċivili tal-massa — filosofija mibnija fuq l-ahimsa, non-vjolenza totali — Gandhi wassal lill-Indja għall-indipendenza u ispira movimenti għad-drittijiet ċivili għal-libertà madwar id-dinja. Gandhi jissejjaħ ħafna drabi bħala Mahatma, li bis-Sanskrit tfisser "Ruħ Kbira". Fl-Indja jsejħulu Bapu, li bil-Gujarati tfisser "missier", u jqimuh uffiċjalment bħala Missier in-Nazzjon. Jum twelidu, it-2 ta' Ottubru, huwa Jum Nazzjonali fl-Indja, u l-Jum Internazzjonali tan-Non-Vjolenza fid-dinja kollha.
Gandhi l-ewwel ma ħaddem id-diżubbidjenza ċivili non-vjolenti kien bħala avukat fl-Afrika t'Isfel, fil-ġlieda li kellha l-komunità Indjana t'hemmhekk għad-drittijiet ċivili. Meta mar lura l-Indja fl-1915, beda jorganizza lill-bdiewa, raħħala u ħaddiem a biex jipprotestaw kontra t-taxxi esaġerati fuq l-art u d-diskriminazzjoni. Minn meta beda jmexxi l-Kungress Nazzjonali Indjan fl-1921, Gandhi beda jmexxi kampanji nazzjonali kontra l-faqar, biex jagħti iktar drittijiet lin-nisa, jgħaqqad nies ta' reliġjonijiet u etniji differenti, itemm id-diskriminazzjoni tal-intokkabbli, ikabbar l-awtonomija ekonomika personali, u jġib l-indipendenza tal-Indja mill-okkupazzjoni Brittanika. Gandhi mexxa lill-Indjani kontra t-taxxa fuq il-melħ li mponew l-Ingliżi, fil-famuż Marċ tal-Melħ twil 400 kilometru (250 mil) fl-1930, u iktar tard sejjaħ lill-Ingliżi biex jitilqu fl-1942. Intefa' l-ħabs bosta drabi, kemm fl-Afrika t'Isfel kif ukoll fl-Indja.
Gandhi issielet biex jipprattika n-non-vjolenza u l-verità dejjem u f'kull sitwazzjoni, u ħeġġeġ lil ħaddieħor jagħmel l-istess. Għex fil-faqar f'komunità residenzjali awto-suffiċjenti u kien jilbes ilbies fqir tradizzjonali Indjan, li kien nisġu hu nnifsu. Kien jiekol ikel veġitarjan sempliċi, u kien jagħmel diversi sawmiet fit-tul kemm biex jissaffa spiritwalment kif ukoll bħala protesta soċjali.
Tfulija u Żgħożija [editja]
Gandhi twieled f'Porbandar, belt max-xatt li kienet tagħmel parti minn Bombay. Missieru, Karamchand Gandhi (1822–1885), li kien jagħmel parti minn komunità Hindu imsejħa Modh, kien diwan (uffiċjal għoli) ta' Porbander. Ommu, kienet ir-raba' mara ta' missieru, l-ewwel tlieta mietu waqt li kienu qegħdin iwelldu. Imrobbi minn omm devota u influwenzat mit-tradizzjonijiet Ġainisti tar-reġjun, Mohandas żviluppa fih qima kbira lejn l-annimali, il-veġitarjaniżmu, is-sawm għat-tisfija personali, u tolleranza lejn persuni ta' twemmin differenti.
Il-Klassiċi Indjani, l-iktar l-istejjer ta' Shravana and Maharaja Harishchandra, ħallew impatt kbir fuq it-tfajjel Gandhi. Dawn il-karattri epiċi wassluh jidentifika ruħu mal-valuri supremi tiegħu, il-Verità u l-Imħabba.
Ta' 13-il sena Mohandas iżżewweġ lil Kasturbai Makhanji ta' 14-il sena fi żwieġ irranġat mill-familji skont it-tradizzjoni ta' dak iż-żmien. Sentejn wara kellhom tifel li iżda miet wara ftit ġranet. Missieru miet fl-istess sena. Iktar tard kellhom erbat itfal, kollha subien: Harilal, imwieled fl-1888; Manilal, fl-1892; Ramdas, fl-1897; u Devdas, fl-1900. Bħala student kellu livell medju. Għadda b'diffikultà mill-matrikola għall-Kulleġġ Samaldas f'Gujarat. Hemm ma tantx kien kuntent għax familtu riditu jsir avukat filwaqt li hu ried isir tabib.
Fl-1888, mar l-Ingilterra jistudja l-liġi fil-University College London u beda jitħarreġ ta' avukat fl-Inner Temple. F'Londra żamm il-ġurament li kien għamel quddiem ommu li jastjeni mil-laħam, l-alkoħol, u n-nisa. Hemm daħal fil-Vegetarian Society, u kien elett fl-eżekuttiv. Uħud mill-veġitarjani kienu membri tas-Soċjetà Teosofika, li kienet taħdem għall-fraternità umana, u kienet tistudja l-letteratura Induwista u Buddista. Dawn ħeġġew lil Gandhi jaqra l-Bhagavad Gita. Gandhi, li qabel ma kellux interess fir-reliġjon, beda jaqra l-kitbiet sagri Induwisti, Misilmin u Insara.
Gandhi sar avukat fl-1891 u mar l-Indja fejn skopra li ommu kienet mietet meta hu kien għadu Londra. Ipprova jipprattika l-liġi f'Bombay imma bla suċċess. Ipprova jidħol għalliem imma għalxejn. Sentejn wara, aċċetta kuntratt ta' sena minn studju legali Indjan, Dada Abdulla & Co., fil-kolonja ta' Natal, fl-Afrika t'Isfel, li dak iż-żmien kienet ukoll parti mill-Imperu Brittaniku.