Frida Kahlo
Frida Kahlo | |
---|---|
Ħajja | |
Isem propju | Magdalena Frida Carmen Kahlo |
Twelid | Coyoacán (en) u Belt tal-Messiku, 6 Lulju 1907 |
Nazzjonalità | Messiku |
Mewt | Coyoacán (en) u Belt tal-Messiku, 13 Lulju 1954 |
Post tad-dfin | Coyoacán (en) |
Kawża tal-mewt |
kawżi naturali (bronchopneumonia (en) pulmonary embolism (en) phlebitis (en) ) |
Familja | |
Missier | Guillermo Kahlo |
Konjuga/i |
Diego Rivera (mul) (21 Awwissu 1929 - 6 Novembru 1939) Diego Rivera (mul) (1940 - 1954) |
Aħwa |
uri |
Edukazzjoni | |
Lingwi | Spanjol |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | pittur |
Post tax-xogħol |
Belt tal-Messiku Detroit San Francisco Belt ta' New York |
Xogħlijiet importanti |
Still Life: Pitahayas (en) The Two Fridas (en) |
Moviment |
surrealiżmu magic realism (en) |
Moviment artistiku |
pittura ritratt awtoritratt ritratt |
Magdalena Carmen Frieda Kahlo y Calderón jew Frida Kahlo twieldet fis-6 ta' Lulju 1907 ġewwa Coyoacan, il-Belt tal-Messiku u mietet fit-13 ta' Lulju 1954. Hija kienet pittriċi li kellha sehem importanti fil-moviment artistiku Messikan ta' żmienha.
Fl-1922, iffalsifikat id-data ta' twelidha u biddlitha għas-7 ta' Lulju 1910, is-sena tal-bidu tar-Rivoluzzjoni Messikana. Madwar is-sena 1935 neħħiet l-"e" minn isimha Frieda[1][2].
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Familja
[immodifika | immodifika s-sors]Omm l-artista, Matilde Calderón y González, li kienet ukoll pittriċi (El condabrebbra, membru tal-moviment surrealista) (1876-1932) twieldet il-Messiku. Kienet it-tielet tifla ta' Isabel González y González, ġejja minn familja ta' ġenerali Spanjoli, u l-fotografu Antonio Calderón, ta' nisel Amerindjan minn Morelia[2].
Missier Frida, Carl Wilhelm Kahlo (1871-1941), imwieled Pforzheim f'Baden-Württemberg il-Ġermanja, ma kienx, kif kienet tgħid il-leġġenda mifruxa, Lhudi ta' nisel Ġermano-Awstro-Ungeriż iżda Ġermaniż Luteran mill-borgeżija ta' Baden [3]. Huwa mar il-Messiku fl-1891, fl-età ta' 19-il sena. Kienu jsejħulu Guillermo, it-traduzzjoni ta' Wilhelm għall-Kastiljan. Hu kien bin il-ġojjellier u orafu Jakob Kahlo u Henriette Kaufmann.
Fl-1936 Frida Kahlo pinġiet Nannieti, ommi u missieri u jien fejn irrakkontat l-istorja tal-oriġini tagħha f' siġra tar-razza. Fuq hemm in-nanniet. Issimbolizzat in-nanniet tan-naħa t'ommha bl-art, u n-nanniet tan-naħa ta' missierha premezz tal-baħar. Fin-nofs hemm il-ġenituri tagħha fil-poża tar-ritratt tat-tieġ u taħt hemm hi bħala tifla żgħira fil-ġnien tad-"Dar il-Kaħla" fejn twieldet u mietet.
Tfulija
[immodifika | immodifika s-sors]Magdalena Carmen Frida Kahlo Calderon twieldet fid-"Dar il-Kaħla"(La Casa Azul), li llum saret il-Mużew ta' Frida Kahlo, f'nofs kwartier tal-klassi tan-nofs, f'Coyoacán, fin-nofsinhar tal-Belt tal-Messiku. Hija kienet it-tielet mill-erba' ulied ta' Matilde u Guillermo Kahlo, li kienu kollha bniet.
Fl-età ta' 6 snin, Frida qabadha l-poljo. Minħabba dan, riġilha tal-lemin ma kibirx kemm kellu jikber u sħabha tal-iskola laqqmuha "Frida z-zoppa".
Fl-1922, fl-età ta' 16-il sena, daħlet l-Escuela Nacional Preparatoria, li kienet meqjusa bħala l-aħjar skola fil-Messiku. Kienet tixtieq issir tabiba u minkejja l-interess tagħha fl-arti, ma kellha l-ebda pjan biex taqbad karriera artistika. Fil-bidu Frida kienet tibbrilla fl-istudji u kienet tinteressa ruħha fil-politika u tfittex, bħal ħafna mill-kontemporanji tagħha, li twaqqaf spirtu Messikan f'pajjiżha li kien għadu kif sar indipendenti.
Fis-17 ta' Settembru 1925, Frida qabdet karozza tal-linja biex tmur id-dar wara l-iskola. F'daqqa waħda, il-karozza ħarġet mit-triq u daħlet ġo tramm. Mietu ħafna nies fl-inċident. Frida, korriet serjament, daħlitilha ħadida ġo żaqqha u nifdet sa ġufha. Għalhekk aktar tard ma setgħetx ikollha tfal. Kellha ħafna ksur, ħdax b'kollox, f'riġilha x-xellugi. Kisret ukoll sieqha l-leminija. Kellha ksur ukoll fil-pelvi, l-kustilji u s-sinsla ta' daharha. Spallitha kienet kważi żlugata. Damet fis-sodda għal tliet xhur, xahar minnhom l-isptar. Madwar sena wara l-inċident, Frida kellha tmur lura l-isptar għaliex sabu li kellha waħda mill-vertebri lombari miksura u kellha tilbes kurpett tal-ġips għal disa' xhur. Kien dak iż-żmien li bdiet tpinġi. Biex jgħinuha, qrabatha qiegħdu tinda b'mera fuq is-sodda. Hekk setgħet tuża r-rifless tagħha bħala mudell. X'aktarx kien dan li taha l-ispinta biex tibda s-sensiela twila ta' awtoritratti li pinġiet. Minn 143 pittura, 55 minnhom kienu awtoritratti. Kellha tagħmel bosta operazzjonijiet oħra u minħabba fihom damet ħafna żmien mimduda l-isptar.
Ħajja u karriera artistika
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1928, Frida Kahlo nkitbet fil-Partit Komunista Messikan. Kienet interessata partikolarment fl-emanċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà Messikana li kienet patrijarkali ħafna. Iddeċidiet minn kmieni f'ħajjitha li ma tridx timxi fl-istess triq bħal maġġoranza tan-nisa Messikani. Xtaqet issiefer u tistudja, riedet il-libertà u d-divertiment.
Fl-istess sena, Frida ltaqgħet ma' Diego Rivera (1886-1957) fl-awditorju tal-iskola tagħha (fejn dan kien qiegħed ipinġi pittura fuq il-ħajt). Kien hemm li ratu għall-ewwel darba[4].
Lil dan il-pittur kienet tammirah ħafna u talbitu l-opinjoni tiegħu dwar il-pitturi tagħha, biex tara jekk kienx jaħseb li kellha talent. Il-muralista kien impressjonat bix-xogħlijiet taż-żagħżugħa Messikana, "Il-pitturi juru qawwa ta' espressjoni straordinarja u deskrizzjoni preċiża tal-karattri. Għandhom sinċerità plastika fundamentali u personalità artistika interna. Juruna sesswalità mogħnija b'ħila kbira ta' osservazzjoni iżda fl-istess ħin sensittiva. Għalija, kien ċar li din it-tfajla kienet veru artista." Frida Kahlo u Diego Rivera, li kien 21 sena ikbar minnha, iżżewġu fil-21 ta' Awissu tal-1929. Marru joqogħdu fil-Belt tal-Messiku, iżda Ribera ma' damx ma' qarraq biha.
F'Novembru tal-1930, marru joqogħdu San Francisco billi Rivera kellu kummissjoni biex ipinġi xi pitturi fuq il-ħajt għall-Borża ta' San Francisco u l-Iskola tal-Belle Arti ta' California, li saret San Francisco Art Institute. Frida saret taf l-artisti u l-patruni, fosthom Albert Bender. Dan kien għen lil Diego Rivera jikseb permess biex jidħol l-iStati Uniti. Biex tirringrazzjah, fl-1931 Frida pinġiet ritratt doppju ta' Frida Kahlo y Diego Rivera ispirat mir-ritratt tat-tieġ tagħhom.
Fl-1930, Frida kellha l-ewwel korriment. Wara l-inċident li kellha kienu qalulha li qatt ma jista' jkollha tfal, billi kellha l-pelvi maqsum fi tliet bnadi. Minħabba f'hekk ma setgħetx ikollha tqala bla problemi għax it-tarbija ma setgħetx toqgħod f'pożizzjoni normali. Matul iż-żjara tagħhom f'Detroit, hija reġgħet ħarġet tqila. Kmieni f'din it-tieni tqala, Frida marret tara tabib fl-isptar Henry Ford, li taha parir li żżomm it-tarbija u ma ttemmx it-tqala tagħha. Qalilha li tista' twelled permezz ta' ċesarja[5]. Minkejja l-ottimiżmu tat-tabib, kellha korriment ieħor fl-4 ta' Lulju 1932. Irrappreżentat is-sentimenti tagħha, is-sens ta' solitudni u abbandun wara t-telfa tat-tarbija fil-pittura L-isptar Henry Ford jew Is-sodda ttir. Fiha pinġiet fetu maskili kbir f'pożizzjoni embrijonika, it-tarbija li tilfet fil-korriment, "iċ-ċkejken Diego" li tant ittamat li żżomm għal tul it-tqala.
Wara dan l-episodju ikrah, Frida Kahlo pinġiet xi pitturi li rriflettew l-għeja tagħha u l-istmerrija li kellha għall-iStati Uniti u għall-Amerikani. Sadanittant żewġha baqa' affaxxinat b'dan il-pajjiż u ma riedx jitilqu. Hi esprimiet l-opinjoni tagħha dwar il-pajjiż tal-"gringos" fil-pitturi Awtoritratt fuq il-fruntiera bejn il-Messiku u l-iStati Uniti u Il-libsa tiegħi imdendla hawn. Minkejja l-ammirazzjoni tagħha għall-progress industrijali tal-Istati Uniti, Frida li kienet nazzjonalista Messikana, fuq in-naħa l-oħra tar-Río Bravo ħassitha qisha ħuta barra mill-ilma. Sadanittant, fl-1932 mietet ommha.
F'Diċembru tal-1933, Diego Rivera qabel li jmorru lura l-Messiku. Marru joqogħdu San Ángel, f'dar mibnija mill-ħabib tagħhom Juan O'Gorman li kien perit u pittur. Minħabba l-problemi ta' saħħa, Frida kellha terġa' tmur l-isptar għal raxkament.
Fl-1935, pinġiet żewġ pitturi biss, waħda minnhom kienet Ftit barxiet żgħar, li tevoka l-mewt ta' mara minħabba l-għira. Frida Kahlo kienet ndunat li żewġha kellu relazzjoni ma' oħtha, Cristina. Profondament imweġġa', telqet mid-dar u marret toqgħod fiċ-ċentru tal-belt tal-Messiku. Matul dan il-perjodu, kellha bosta relazzjonijiet barra ż-żwieġ, uħud minnhom ma' nisa oħrajn. F'nofs l-1935, marret New York ma' żewġt iħbieb nisa. Damet ma reġgħet lura l-Messiku sakemm intemmet ir-relazzjoni bejn oħtha u żewġha fl-aħħar tas-sena.
Fid-9 ta' Jannar 1937, il-President Lázaro Cárdenas del Río uża l-poter kostituzzjonali tiegħu biex jagħti l-ażil politiku lil Leon Trotsky. Frida u Diego stiednu 'l Trotsky, biex joqgħod fid-dar tagħhom, La Casa Azul (Id-Dar il-Kaħla) flimkien ma' martu Natalia Sedova . Bejn Trotsky u Frida, żviluppat relazzjoni qasira li jgħidu li kienet appassjonata ħafna. Fl-aħħar ta' din l-avventura, l-artista offrietlu "Awtoritratt iddedikat lil Leon Trotsky, 1937" f'għeluq sninu, is-7 ta' Novembru 1937. Dan kien awto-ritratt fejn pinġiet ruħha liebsa sabiħ b'karta f'idejha bid-dedikazzjoni:
Lil Leon Trotsky, niddedika din il-pittura bl-imħabba tiegħi kollha ... |
Meta Trotsky u l-mara telqu mid-dar, ħallewha warajhom.
F'Settembru tal-1938, André Breton[6] , teoriku tas-surrealiżmu, intbagħat il-Messiku mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Franċiż, biex jagħti taħdita dwar l-istat tal-poeżija u l-pittura fl-Ewropa. Breton u martu Jacqueline Lamba, qagħdu mal-koppja Kahlo-Rivera.
Frida Kahlo ċaħdet li kienet surrealista:
Jaħsbuni surrealista. Dan mhux sewwa. Jien qatt ma pinġejt ħolm. Dak li nirrappreżenta jien hu r-realtà[5]. |
Breton, impressjonat ħafna bi Frida, kiteb:
L-arti ta' Frida Kahlo de Rivera hi żigarella madwar bomba [7]. |
Sadattant nibtet ħbiberija vera u profonda bejn Frida u Jacqueline.
L-ilma.
Il-vapur u l-moll u t-tluq Li tant ċekknuk f'għajnejja, maqbuda wara dik it-toqba tal-port tonda, u int tibqa' tħares lejja biex iżżommni f'qalbek. Kollox kif kien. Imbagħad, waslet aħbarek għall-ġurnata. Illum nixtieq li x-xemx tiegħi tista' tmissek. |
||
—ittra lill Jacqueline Lamba, 1939 [8]. |
Fil-bidu ta' Ottubru tal-1938, Frida Kahlo ppreżentat ix-xogħlijiet tagħha fil-gallerija ta' Julien Levy f'New York. Nofs il-ħamsa u għoxrin xogħol ippreżentat inbiegħ. Matul iż-żjara tagħha, Frida kellha relazzjoni mal-fotografu Nickolas Murray.
Fl-1939 Frida marret Pariġi għall-wirja kbira fuq il-Messiku organizzata minn Cárdenas fil-gallerija Pierre Colle. Hemm qagħdet ma' André Breton u ltaqgħet mal-pitturi Yves Tanguy, Picasso u Wassily Kandinsky.
Pariġi ma għoġbithiex għax sabitha maħmuġa. L-ikel ma qabilx magħha u qabditha kolibaċillożi. Il-wirja ma għoġbithiex lanqas: fl-opinjoni tagħha "kienet invadietha dik il-qabda wlied il-qħab li huma s-surrealisti, u dak l-irmixk kollu esibit f'isem il-Messiku sabitu żejjed[9].
Biex tagħqad, Pierre Colle, ixxukkjat bir-rudizza tal-pitturi ta' Frida rrifjuta li jurihom fil-gallerija tiegħu[9].
F'ittra lil Louis Murray, esprimiet l-istmerrija profonda tagħha għall-intellettwali Pariġini:
għandhom ukoll intellettwali fottuti mmuffati li ma nistax nissaporti iżjed. Veru wisq għalija.
Nippreferi noqgħod fl-art fis-suq ta' Toluca nbiegħ it-tortillas milli jkolli x'naqsam ma' dawn iċ-ċwieċ artistiċi ta' Pariġi ... Qatt ma rajt la 'l Diego u lanqas lilek jaħlu ż-żmien f'dan it-tpaċpiċ stupidu u dawn id-diskussjonijiet intellettwali. Għax intom vera rġiel, u mhux artisti patetiċi — Paċenzja! Kien vallapena li niġi hawn, anki jekk biex nifhem għaliex l-Ewropa qed timmoffa biss, għax dawn in-nies bla ħila huma l-kawża tal-Hitlerijiet u l-Mussolinijiet kollha[9]. |
F'Diċembru tal-1938, Frida u Diego ddivorzjaw. Hi reġgħet bdiet tħoss uġigħ kbir fis-sinsla u qabditha mikożi akuta f'idejha l-leminija. F'Settembru tal-1940, marret San Francisco biex jikkuraha t-tabib Eloesser. Biex tirringrazzjah għall-kura tagħha, pinġietlu Awtoritratt dedikat lil Dr Eloesser. Il-pittura kellha din id-dedikazzjoni
Pinġejt ir-ritratt tiegħi fl-1940 għal Dr Eloesser, it-tabib u l-aqwa ħabib tiegħi. Bl-affezzjoni tiegħi kollha, Frida Kahlo[5]. |
Diego Rivera kien f'San Francisco fl-istess ħin, u ppropona lil Frida li jerġgħu jiżżewġu. Hi aċċettat, u t-tieni żwieġ sar San Francisco fit-8 ta' Diċembru 1940, għeluq snin Diego. Marru joqgħodu fid-"Dar il-Kaħla" f'Coyoacán.
Fl-1942, l-artista bdiet tikteb id-djarju tagħha li fih ikkumentat dwar tfulitha, żgħożitha u ħajjitha. Fl-istess sena ġiet eletta membru tas-Seminario de Cultura Mexicana, organizzazzjoni mwaqqfa mill-Ministru tal-Affarijiet Kulturali u magħmula minn 25 artist u intellettwali. Kellha bħala missjoni li tinkoraġġixxi t-tixrid tal-kultura Messikana permezz ta' wirjiet, konferenzi, u l-pubblikazzjoni ta' xogħlijiet.
Fl-1943, tat lezzjoni tal-pittura fl-Akkademja tal-Belle Arti, iżda minħabba saħħitha kellha tgħallimha f'darha. Kellha wġigħ kontinwu f'sieqha l-leminja u f'daharha li ma ħallihiex timxi sewwa. Kellha tilbes kurpett tal-ħadid (dan narawh f' Kolonna Miksura). F'Ġunju tal-1946, għamlet operazzjoni f'daharha li ħallitilha żewġ farretti kbar fin-naħa t'isfel ta' daharha.
Fl-aħħar tas-snin 1940, il-qagħda ta' saħħa ta' Frida Kahlo marret għall-agħar u, fl-1950, kellha terġa' tidħol l-isptar ABC fil-belt tal-Messiku. Damet hemm disa' xhur. L-operazzjoni l-ġdida fuq is-sinsla kienet ikkumplikata b'infjammazzjoni u minħabba dan ħtieġet operazzjoni oħra. Damet sa wara s-sitt operazzjoni (minn total ta' seba') qabel ma setgħet terġa' tibda tpinġi, imma kellha tagħmel dan mimduda fuq daħarha. Fir-Rebbiegħa tal-1953, il-fotografa Lola Álvarez Bravo organizzat l-ewwel wirja ta' Frida Kahlo waħidha fil-Messiku. It-tabib ma ħallihiex tqum, u ħaduha sal-gallerija fuq is-sodda tal-isptar biex tieħu sehem fil-ftuħ.
Tmiem diffiċli
[immodifika | immodifika s-sors]F'Awwissu tal-1953, qatgħulha riġilha tal-lemin mill-irkoppa. Din l-operazzjoni taffiet l-uġigħ imma kkawżatilha dipressjoni profonda:
Is-sitt xhur li ilhom li qatgħuli riġli qishom mitt sena ta' torturi u nkun kważi ħa niġġennen. Il-ħin kollu rrid noqtol ruħi b'idejja. Diego biss iżommni għax nimmaġina li ħa jħoss in-nuqqas tiegħi. Hekk qalli u nemmnu. Imma qatt f'ħajti kollha ma batejt daqshekk. Ħa nistenna ftit ieħor ... | ||
—Djarju, Frar tal-1954[5] |
Frida Kahlo mietet b'pulmonite severa fil-lejl tat-13 Lulju 1954, sebat ijiem wara li għalqet 47 sena. L-aħħar kliem fid-djarju tagħha kien
Nispera li t-tluq ikun hieni ... u nittama li qatt ma niġi lura ... Frida. |
Però, min- naħa għall-oħra tal-aħħar pittura tagħha, li pinġiet eżatt qabel ma mietet kitbet: Viva la Vida ("Viva l-Ħajja").
Il-kremazzjoni tagħha saret fl-14 ta' Lulju u l-irmied tagħha qiegħed fil-Casa Azul f'Coyoacán, fuq sodditha f’urna bl-għamla ta' wiċċha.
Xogħlijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Sena | Xogħol | Sena | Xogħol |
---|---|---|---|
1925 | Natura mewta (ward) | 1941 | Jien u l-pappagall tiegħi Awtoritratt bil-malja Awtoritratt ma' Bonito Qoffa bil-fjuri |
1926 | Awtoritratt bil-libsa vjola | 1942 | Natura mejta (tonda) Awtoritratt b'xadina u pappagall |
1927 | Iva Adelita... jew il-kpiepel bil-ponta Ritratt ta' Adriana Adelita, Pancho Villa u Frida Ritratt ta' Alicia Galant Ritratt ta' Miquel N. Lira |
1943 | Għeruq Ħsieb tal-mewt Il-miżżewġa ġdida imbeżża' meta tara l-ħajja quddiema Awtoritratt biex xadini Diego fi ħsiebi jew naħseb fi Diego Ritratt ta' Natasha Gelman Ward tal-ħajja |
1928 | Ritratt ta' Christina, oħti Ritratt ta' Alejandro Gómez Arias |
1944 | Il-kolonna maqsuma, żejt fuq il-masonite Diego u Frida 1929-1944 Ritratt ta' Alicia u Eduardo Safa Ritratt ta' Doña Rosita Morillo Ritratt tal-inġinier Eduardo Morillo Safa Ritratt ta' Lupita Morillo Safa Ritratt ta' Mariana Morillo Safa Ritratt ta' Marte R. Gómez |
1929 | Awtoritratt – Iż-żmien itir Ritratt ta' Virginia (tifla zgħira) Żewġ nisa Ix-xarabank Ritratt ta' Lupe Marín Ritratt ta' Isolda Pinedo Kahlo |
1945 | Awtoritratt b'xadina Mosè Bla tama Il-maskra Awtoritratt b'xadina żgħira |
1930 | Awtoritratt Ritratt ta' mara libsa l-abjad |
1946 | Is-siġra tat-tama, kuraġġ Veduta Iċ-ċrief ferruti |
1931 | Ritratt ta' Eva Frederick Frieda u Diego Rivera Vetrina ta' ħanut fi triq f'Detroit Ritratt du Dr Leo Eloesser Ritratt ta' Luther Burbank Ritratt ta' Mademoiselle Jean Wight |
1947 | Awtoritratt bix-xagħar maħlul Ix-xemx u l-ħajja |
1932 | Awtoritratt fuq il-fruntiera bejn il-Messiku u l-iStati Uniti L-iSptar Henry Forta, żejt fuq il-metal, 30 x 38ċm Twelidi |
1948 | Awtoritratt |
1933 | Il-libsa tiegħi imdendla hawn Awtoritratt bil-kullana |
1949 | Diego u jien It-tgħannieqa tal-univers, tad-dinja, tal-Messiku, ta' Diego, tiegħi u ta' Señor Xolotl, żejt fuq it-tila |
1934 | Awtoritratt bix-xagħar innukklat | 1950 | Ritratt tal-familja ta' Frida |
1935 | Ftit barxiet żgħar | 1951 | Natura mejta b'pappagall u bandiera Ritratt ta' missieri Natura mejta b'pappagall u frott Lewża tal-kokko tibki Lewża tal-kokko Awtoritratt bir-ritratt ta' Dr Farill |
1936 | Nannieti, ommi u missieri u jien | 1952 | Natura mejta dedikata lil Samuel Fastlicht Natura ħajja |
1937 | Ritratt ta' Diego Rivera Jien u l-pupa tiegħi Tifkira Dimas mejjet Awtoritratt dedikat lil Léon Trotsky Fulang-Chang u jien Ir-raddiegħa tiegħi u jien |
1953 | Frott tal-ħajja |
1938 | Awtoritratt mal-kelb Itzcuintli Awtoritratt ma' żewġ għasafar, żejt fuq l-aluminju, 59 x 37ċm Awtoritratt ma' xadina Awtoritratt - Il-gwarniċ Dak li jtini l-ilma, 38 x 30ċm Tifla bil-maskra ta' mewt Il-frott tal-art Talbuhom l-ajruplani u tawhom ġwienaħ tat-tiben Pitahayas Meta jkolli lilek, hajja, kemm inħobbok[10] Erba' abitanti tal-Messiku Tifkira ta' ferita miftuħa Is-suwiċidju ta' Dorothy Hale |
1954 | Awtoritratt ma' Stalin Viva l-Ħajja, dullieh Forn tal-brikek Natura mejta bil-bandiera Il-Marxiżmu jagħti s-saħħa lill-marid Awtoritratt ma' ritratt ta' Diego fuq is-sider u ta' Maria bejn il-ħuġbejn |
1939 | Żewġ nudi fil-foresta (L-art infisha)[11] Iż-żewġ Fridi |
||
1940 | Awtoritratt bil-kullar tax-xewk Awtoritratt bix-xadina Awtoritratt dedikat lil Dr Eloesser Il-mejda feruta Retablo Il-ħolma (is-sodda) Awtoritratt bix-xagħar imqaxxar Awtoritratt dedikat lil Sigmund Firestone |
Mixxellanji
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-karta ta' 500 pesos Messikani li ħarġet fit-30 ta' Awissu, 2010 fiha r-ritratt ta' Frida Kahlo u ta' Diego Rivera [12].
- Frida : film bijografiku, ta' Julie Taymor fl- 2002, b'Salma Hayek fil-parti ta' Frida Kahlo u Alfred Molina fil-parti ta' Diego Rivera kien spirat mill-ktieb ta' Hayden Herrera[13].
Noti u Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Joseph C. Tardiff u L. Mpho Mabunda (edituri), Dictionary of Hispanic Biography, Gale Group, New York 1996
- ^ a b Andrea Kettenmann, Kahlo 1907-1954 : Souffrance et passion, Taschen, Köln, 2008, p.7
- ^ "Die Ausstellung Frida Kahlo "Leid und Leidenschaft"". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-12-04. Miġbur 2011-06-07.
- ^ Din il-verżjoni, b'xi tiżjin tawha Diego, Frida u oħrajn f'bosta verżjonijiet differenti. Hayden Herrera, awtur ta' bijografija jikkwotaha wkoll, però qal: "Huwa kważi ċert li Frida u Diego ltaqgħu xi darba fil-għaxija għand Tina Modotti kif irrakkontat Frida fl-1954 lil Aurora Reyes" Bijografija, Le Livre de Poche, pp. 128-129
- ^ a b ċ d Le journal de Frida Kahlo, b'introduzzjoni ta' Carlos Fuentes, du Chêne, 1995
- ^ André Breton (1986 – 1966) kien kittieb, poeta, teoriku tas-surrealiżmu u saġġista Franċiż.
- ^ André Breton, Le Surréalisme et la peinture, Gallimard, 1965, ISBN 10: 2070100847 / 2-07-010084-7 ISBN 13: 9782070100842
- ^ Georgiana Colvile, Scandaleusement d'elles. Trente-quatre femmes surréalistes, Jean-Michel Place, Pariġi, 1999, p. 146
- ^ a b ċ J.M.G. Le Clézio, Diego et Frida, Pariġi, Stock, 1993 ISBN 2-234-02617-2, pp.168-169
- ^ X'aktarx falza
- ^ żejt fuq il-metall, 25,1 x 30,2 ċm, Gabriele Crepaldi "L-Arti moderna 1900-1945", Gründ, 2006 p. 285
- ^ La dépêche 31/08/2010
- ^ Herrera Hayden, Frida: A Biography of Frida Kahlo, Harper Perennial, 2002, ISBN-10: 0060085894, ISBN-13: 978-0060085896
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Frida Kahlo |
- (EN, ES) Sit uffiċjali ta' Frida Kahlo, storja, filosofija, il--familja Kahlo, fotografiji, xogħlijiet
- (EN) Frida Kahlo fl-Artcyclopedia
- (EN, ES) Bijografija, pitturi, kronoloġija, disinji, skizzi