Enriku VIII tal-Ingilterra
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Enriku VIII (28 ta' Ġunju, 1491 - 28 ta' Jannar, 1547) kien intitolat bħala r-Re tal-Ingilterra mill-1509 sa mewtu. Huwa magħruf l-iżjed għax-xiżma mill-Papa, għall-Knisja Kattolika kif ukoll għad-diversi żwiġijiet li kellu ma' sitt nisa wara xulxin.
Enriku twieled fil-Palazz ta' Greenwich u kien it-tieni iben ta' Enriku VII tal-Ingilterra u Eliżabetta ta' York. Huwa kellu ħuh wieħed, Arturu, il-Prinċep ta' Wales, u żewġt aħwa bniet, Margerita u Marija. Arturu kellu jilħaq re wara l-mewt ta' missierhom, iżda Arturu miet qabel missieru, u għalhekk Enriku inħatar bħala l-ewwel wieħed fil-linja għat-tron. Imbagħad, Enriku żżewweġ lill-armla ta' Arturu, Katerina ta' Aragona.
Żgħożija
[immodifika | immodifika s-sors]Missier u omm, Enriku VII (7) u Eliżabetta ta' York, ma tantx kellhom x'jaqsmu ma' wliedhom. Enriku kellu l-impjegati u l-menestrelli tiegħu, kif ukoll buffu jismu John Goose. Kellu wkoll tifel li kien jissawwat minfloku meta kien jagħmel xi ħaġa ħażina. Il-Prinċep Enriku kien iħobb il-mużika u kien jinqala' ħafna fiha. Meta kellu 10 snin kien jaf idoqq ħafna strumenti, fosthom il-fifra, l-arpa, il-vjolin u t-tnabar. Enriku VIII kien ukoll studjuż, lingwista, mużiċista u atleta meta kien għadu żgħir. Huwa kien jaf jitkellem sewwa bil-Latin, bil-Franċiż u bl-Ispanjol. Kellu l-aħjar għalliema u tgħallem il-ġostra, il-qaws u snajja' militari oħra. Enriku kien reliġjuż ħafna. Ħuh il-kbir, Arturu, iżżewweġ lill-Prinċipessa Spanjola, Catalina de Aragon, meta kien għad kellu 15-il sena. Arturu miet ftit xhur wara t-tieġ tiegħu bit-tuberkulożi, iżda xi wħud jsostnu li kien miet bil-pesta.
Wara li miet ħuh, Enriku VIII (8) sar ħabib ħafna ma' Catalina de Aragon, ħbiberija li mbagħad ffjorixxiet fi żwieġ. Kellhom xi problemi biex jiżżewġu billi l-ktieb ta' Levitku 21, kien jgħid li "Min jiżżewweġ lill-mara ta' ħuh ikun qiegħed jagħmel xi ħaġa moqżieża, għax ikun kixef l-għera ta' ħuh, u jibqa' bla wlied." Għalhekk Katarina kellha taħlef li ż-żwieġ ma' Arturu ma kienx ikkonsomat.
Issa, ż-żagħżugħ Enriku VIII kien l-eredi għat-tron. Filwaqt li missieru kien ħaj kien mgħasses ħafna billi r-Re kien imħasseb fuq is-siġurtà tal-eredi maskili waħdieni tiegħu. Enriku seta' joħroġ barra minn bieb privat biss, u mbagħad kienu jarawh nies li kienu speċjalment appuntati. Ħadd ma seta' jkellem lil Enriku. Huwa kien iqatta' ħafna mill-ħin tiegħu f'kamartu, li d-dħul għaliha kien mill-kamra tas-sodda ta' missieru. Enriku qatt ma kellu l-opportunità li jitkellem fil-pubbliku, ħlief biex jirrispondi xi domanda li kien isaqsih missieru. Kien irażżan il-personalità entużjasta tiegħu fl-okkażjonijiet pubbliċi għax kien jibża' mill-għadab ta' missieru. Missieru ma tantx ħarrġu għar-rwol futur tiegħu bħala re, u kien jafda ħafna fil-kunsillieri tiegħu, partikolarment fl-ewwel snin tar-renju. Fl 1509, Enriku VII (7) miet bit-tuberkulożi u ibnu sar ir-Re Enriku VIII (8). Enriku kellu 18-il sena meta ġie nkurunat re u Katerina ġiet inkurunata reġina konsorti.
Ir-renju
[immodifika | immodifika s-sors]L-iktar ġrajja importanti fl-Ingilterra matul ir-renju ta' Enriku kienet il-bidla tar-reliġjon tal-pajjiż. Billi l-ewwel mara tiegħu, Katerina ta' Aragona, nisslet biss tifla waħda, u ma kellu l-ebda ulied subien bħala eredi tiegħu, Enriku talab lill-Papa biex jagħtihom il-permess mixtieq sabiex ikunu jistgħu jiddivorzjaw, iżda l-Papa ma riedx. Karlu V (5), l-Imperatur Ruman Imqaddes li kien qawwi ħafna kien in-neputi ta' Katerina. Barra minn hekk, il-familja ta' Katerina kienet taħkem fuq Spanja, li kienet l-ikbar pajjiż Kattoliku. Imbagħad Enriku,għażel lill-Arċisqof ġdid ta' Canterbury , raġel li kien jismu Thomas Cranmer. Enriku kien jaf li Cranmer kien ser jagħmel dak kollu li jgħidlu, infatti Cranmer kien qabel bis-sħiħ mad-deċiżjoni ta' Enriku, li jkun jista' jiddivorzja minn ma' Katerina. Malli sar jaf b'dan, il-papa tant irrabja li skomunika lil Enriku mill-knisja kattolika. Enriku pattihielu u għalhekk fl-1534 għadda l-"Att tas-Supremazija", li bih ir-Re, mhux il-Papa, kien meqjus bħala l-kap tal-knisja fl-Ingilterra. Imbagħad ġiegħel lill-qassisin u lill-isqfijiet kollha biex jaċċettawh bħala l-mexxej il-ġdid. Kull min irrifjuta ġie kkastigat.
Wara li Enriku kien irnexxielu jġiegħel lill-patrijiet u lis-sorijiet iħallu l-monasterji,il-kunventi, ta l-ġid u l-art tagħhom lil dawk li kienu jappoġġjawh. Il-parti l-kbira minn dawk li ngħataw l-art u l-flus kienu Protestanti. Din il-ġrajja hija magħrufa bħala d-"Dissoluzzjoni tal-monasterji" fl-istorja tal-Ingilterra.
Wara li rnexxa d-divorzju minn ma' Katerina ta' Aragona, ir-re Enriku VIII(8) iżżewweġ lil Anne Boleyn, li kienet iżgħar minn Katerina , tattika inġenjali għax dan kien ifisser li hi seta' jkollha t-tfal. Meta Anne, bħal Katerina, kellha tifla biss u l-ebda tifel, Enriku ried jeħles minnha. Thomas Cromwell,li kien l-iktar ministru fidil lejh, għenu biex jagħmel hekk billi sab xi nies li xehdu li kellha maħbubin oħra u li kienet saħħara. Anne ittellgħet quddiem il-qorti fejn instabet ħatja u ġiet ġie ordnat li għandha tmut billi tinqataghlha rasha. Wara mewtha Enriku reġa' beda jfittex mara oħra, sabiex jipprova jkollu tifel li jkun jista' jieħu t-tron tiegħu wara mewtu.
It-tielet mara ta' Enriku kien jisimha Jane Seymour. Ma damitx ma wellditlu tifel li semmew Edwardu. Enriku kien ferħan ħafna imma, Jane mietet wara ftit jiem mit-twelid tal-uniku tifel tiegħu. Enriku kien iħobbha ħafna u ħass it-telfa tagħha għal kollox, in-niket tiegħu kien kollu mdawwar mal-mewt inaspettata taghħa. Tilef l-interess f'kollox u ħxien. Irrabja ma' Thomas Cromwell meta dan issuġġerixxa li għandu jerġa' jiżżewweġ mara oħra wara l-mewt ta' Jane.
Wara li kien għadda ftit taż-żmien, Enriku bidel il-fehmtu. Billi kellu iben biss, deherlu li aħjar jerġa' jiżżewweġ, u qabel li jiżżewweġ lil Anne ta' Cleves, prinċipessa Ġermaniża. Meta Anne waslet l-Ingilterra, Enriku ma rahiex sabiħa daqs kemm kient fir-ritratti li kien ra, u ma kienx kuntent biha. Anne ukoll ma kinitx kuntenta, u qablet li kellhom jiddivorzjaw wara ftit xhur biss. Sadattant Enriku tefa' għajnejh fil-qorti bl-isem ta' Catherine Howard, u ħaseb li hi tista' tkun mara tajba. Catherine Howard kienet il-kuġina tat-tieni mara ta' Enriku, Anne Boleyn. Enriku u Catherine iżżewwġu fl-1540, iżda Catherine kienet ħafna iżgħar minn Enriku u ma damitx ma xebgħet u bdiet tifflirtja ma' rġiel oħra. Meta kienu miżżewġin għal ftit aktar minn sena, Enriku sab li Catherine kellha affari ma' xi ħadd ieħor. Instabet ħatja ta' tradiment u ġiet esegwita, bħalma kienet ġiet maqtula Anne Boleyn ftit snin qabel.
Is-sitt u l-aħħar mara ta' Enriku kien jisimha Catherine Parr. Kienet mara li kellha bejn it-tletin u l-erbgħin sena, hi kienet diġà żżewġet darbtejn. L-ewwel żewġt irġiel tagħha kienu ħafna ikbar minnha, u t-tnejn kienu mejtin. Enriku ħaseb li hi tkun iżjed bil-għaqal u leali min-nisa l-oħra li kellu, u ġara li kellu raġun. Catherine Parr baqgħet marbuta ma' Enerkiu għal iżjed minn tlett isnin, sakemm miet, huma ma kellhomx tfal.
Wara li ddivorzja minn ma' Katerina ta' Aragona, Enriku beda jbati minn ħafna mard, u qatt ma ġie f'tiegħu għal kollox. Miet fit-28 ta' Jannar tal-1547 u ndifen fil-Kastell ta' Windsor. Enriku kien il-missier ta' żewġ reġini u ta' re. Dawn kienu Marija I tal-Ingilterra, Eliżabetta I tal-Ingilterra, u Edwardu VI tal-Ingilterra. Ħadd minnhom ma kellu wlied.
Iżjed Informazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]- Ives, E. W. "Henry VIII (1491–1547)", f' The Oxford Dictionary of National Biography (2004).
- Pollard, A. F. Henry VIII (1905) 470 pp; edizzjoni online
- Rex, Richard. Henry VIII and the English Reformation. (1993). 205 pp.
- Ridley, Jasper. Henry VIII. (1985). 473 pp.