Bonaparte à Malte (ktieb)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Bonaparte à Malte)
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Bonaparte à Malte huwa ktieb bil-Franċiż dwar l-okkupazzjoni ta' Malta mill-Franċiżi miktub minn Frans Sammut fl-2008.[1]

Il-ktieb huwa msejjes fuq dokumenti tal-epoka mill-arkivji ta' Malta, u jagħti rendikont dettaljat tas-sitt ijiem li Napuljun Bonaparti qatta' f'Malta fl-1798, kif ukoll analiżi politika tas-sitwazzjoni taħt l-Ordni ta' San Ġwann u l-konsegwenzi politiċi u kulturali tal-kisba ta' Malta minn Bonaparti.

Fi kliem il-kittieb u politiku Alfred Sant, Bonaparti u l-impatt tiegħu fuq Malta kienu "suġġetti dejjiema fl-interessi u fir-riċerka [ta' Sammut]".[2]

Din hi l-ewwel darba li dawk is-sitt ijiem qed jiġu rrakkuntati bil-Franċiż. Fit-tmien kungress tas-Soċjetà Napoleonika Internazzjonali,[3] Sammut ippreżenta saġġ jismu "The Enlightenment in Malta and the Coming of Bonaparte"[4] imsejjes fuq ir-riċerka li kien għamel għal Bonaparte à Malte.

Sammut ressaq it-teżi li minkejja li qatta' żmien tant qasir f'Malta, Bonaparti ttanta jdaħħal lill-pajjiż fid-dinja moderna. Ħareġ għadd ta' digrieti bit-tir li joħloq riorganizzazzjoni sħiħa tal-gvern u s-soċjetà f'Malta, u pprova jirrevedi l-liġijiet ta' Malta. It-tneħħija tat-titli nobiljari u l-abolizzjoni tal-jasar kienu l-ewwel provvedimenti li ħa. Ordna li jkun imkeċċi l-Inkwiżitur u r-rilaxx tal-priġunieri politiċi tal-Ordni, fosthom il-patrijott Malti Mikiel Anton Vassalli, li kellu l-istess ideali Illuministi ta' Bonaparti u li Bonaparti ddeskrivieh bħala "l-aktar priġunier intelliġenti li qatt eżista."[5][6] Filwaqt li fisser ruħu sorpriż li fl-Università ta' Malta ma kienx hemm it-tagħlim tal-matematika, il-fiżika u l-astronomija, Bonaparti wettaq ukoll sensiela ta' riformi fil-qasam tal-edukazzjoni.[5]

Għal Sammut Napuljun Bonaparti kien "tip differenti ta' mexxej... kien aktar bħala stratega intellettwali u filosfu",[5] kwalità li tqiegħdu fl-ogħla rang tal-kmand, flimkien ma' Ġulju Ċesri u Alessandru Manju.[6]

Parti mir-riċerka għal Bonaparte à Malte, marret fir-rumanz storiku ta' Sammut tal-1994 dwar Vassalli, Il-Ħolma Maltija, li Alfred Sant iddeskrivieh bħala l-"kapolavur tiegħu"[2] u l-poetessa Esperantista Ingliża Marjorie Boulton bħala "xogħol monumentali".[7]

Referenzi[editja]

  1. ^ L-edizzjoni tal-2008 għandha daħla minn Dr Paul Borg Olivier (Argo, Malta, 153 pp, ISBN 9789993288060). L-oriġinali bil-Malti jismu, Bonaparti f'Malta, u kien ħareġ fl-1997.
  2. ^ a b (Ingliż) Frans Sammut: A Man of Courage. Maltastar.com, 4 ta' Mejju 2011
  3. ^ (Ingliż) Report on the Malta Congress. Soċjetà Napoleonika Internazzjonali
  4. ^ (Ingliż) Eighth International Napoleonic Congress: Napoleon and the Transition to the Modern World. Soċjetà Napoleonika Internazzjonali
  5. ^ a b c Scott Grech. (Ingliż) Napoleon Bonaparte: The first to instigate a divorce debate in Malta. The Malta Independent, 13-07-2010
  6. ^ a b Scott Grech. (Ingliż) Interview with Frans Sammut. The Malta Independent, 13 ta' Lulju 2010
  7. ^ (Ingliż) Maltese works in Esperanto. The Malta Independent, 2 ta' Settembru 2007