Aqbeż għall-kontentut

Albrecht Dürer

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Albrecht Dürer
Ħajja
Twelid Nuremberg, 21 Mejju 1471
Nazzjonalità Dukat tal-Bavarja
Residenza Venezja
Nuremberg
Grupp etniku Ġermaniżi
Mewt Nuremberg, 6 April 1528
Post tad-dfin Johannisfriedhof
Familja
Missier Albrecht Dürer the Elder
Omm Barbara Dürer
Konjuga/i Agnes Dürer (mul) Translate
Aħwa
Familja
Edukazzjoni
Lingwi Mittelhochdeutsch
Ġermaniż
Għalliema Albrecht Dürer the Elder (en) Translate
Michael Wolgemut (en) Translate
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
tipografu
matematiku
illuminatur
inċiżur fuq ir-ram
teoriku tal-arti
disinjatur
Illustratur
ekslibrista
Post tax-xogħol Nuremberg
Venezja
Bażel
Strasburgu
Colmar
Frankfurt
Mainz
Köln
Innsbruck
Bolonja
Milan
Firenze
's-Hertogenbosch (en) Translate
Arnemuiden (en) Translate
Baarle-Nassau (en) Translate
Bergen op Zoom (en) Translate
Goes (en) Translate
Heerewaarden (en) Translate
Middelburg (en) Translate
Nijmegen (en) Translate
Oisterwijk (en) Translate
Sittard (en) Translate
Stokkum (en) Translate
Tilburg (en) Translate
Veere (en) Translate
Zaltbommel (en) Translate
Zierikzee (en) Translate
Anversa
Mechelen
Ruma
Wittenberg
Xogħlijiet importanti Melencolia I (en) Translate
Adoration of the Magi (en) Translate
Influwenzat minn Michael Wolgemut (en) Translate
Jacopo de' Barbari (mul) Translate
Moviment Rinaxximent Ġermaniż
Moviment artistiku ritratt
pittura reliġjuża
allegorija
pittura storika
pittura mitoloġika
pittura tal-ġeneru
awtoritratt
pittura tal-annimali
arti pajsaġġistika

Albrecht Dürer (twieled fil-21 ta' Mejju 1471 – miet fis-6 ta' April 1528) kien pittur, inċiżur u teoriku Ġermaniż. Bin Undgeriż, sar meqjus bħala l-ikbar pittur Ġermaniż tar-Rinaxximent.

Awtoritratt bil-fjura tax-xewk, 1493, Pariġi, Louvre
Awtoritratt ta' Dürer meta kellu 13-il sena, 1484.

Albrecht Dürer, it-tielet minn tmintax-il wild, twieled fil-21 ta' Mejju 1471 f'Nuremberg, il-Ġermanja, mill-orafu tal-istess isem u martu Barbara mwielda Holper. Missieru kien mill-Ungerija; meta kellu erbgħin sena żżewweġ tfajla ta' ħmistax-il sena, bint l-imgħallem tiegħu Holper. Minn tfulitu Albrecht Dürer wera li kien mogħni b'talent kbir u għalhekk ma damx ma beda jaħdem fil-ħanut tax-xogħol ta' missieru.

L-ewwel xhieda tat-talent eċċezzjonali tiegħu hi l-awtoritratt tal-1484, disinn miżmum fl-Albertina ta' Vjenna. Dan ir-ritratt li Dürer pinġa quddiem il-mera meta kellu biss tlettax-il sena mhux nieqes mid-difetti. Is-saba' twil iż-żejjed li juri li mpinġi mill-mera, l-id moħbija żżomm l-istilu u l-għajnejn li għandhom ħarsa mhux realistika juru n-nuqqas ta' sengħa tal-pittur. Ma' dan kollu, din it-tpinġija bikrija hi mimlija faxxinu; u iżjed u iżjed billi hi l-ewwel awtoritratt tal-arti Ewropea li hu xogħol komplut fih innifsu u mhux parti minn pittura ikbar. Dan l-awtoritratt diġà juri d-direzzjoni essenzjali li kienet ħa tieħu l-ħidma ta' Dürer fil-ġejjieni: ix-xogħol ta' ritrattista. Għadu mhux apprezzat wisq il-fatt li Dürer mhux biss pinġa, iddisinja u inċiża bosta ritratti sal-aħħar ta' ħajtu, imma mill-bidu tal-għoxrinijiet tas-seklu XVI anki l-kwadri reliġjużi bdew juru dejjem iktar u iktar karattru ritrattistiku.

Ta' sbatax-il sena, meta bilkemm kienu għadu kemm temm l-apprentistat tiegħu bħala orafu, qal lil missieru li kien jippreferi jsir pittur. Billi missieru ma setax jibgħatu fil-belt imbiegħda ta' Colmar għand Martin Schongauer (magħruf u stmat fl-Ewropa kollha bħala pittur u inċiżur fir-ramm) biex jitħarreġ bħala pittur, bagħtu għand Michael Wolgemut u Wilhelm Pleydenwurff, li kellhom il-ħanut tax-xogħol tagħhom żewġ passi l-bogħod mid-dar.

L-ewwel vjaġġi

[immodifika | immodifika s-sors]

Lejn l-aħħar tal-1489 jew il-bidu tal-1490, iż-żagħżugħ Dürer beda jdur il-pajjiżi tal-Ewropa biex isaħħaħ dak li kien tgħallem. L-ewwel xogħlijiet tal-pittura tal-artista żagħżugħ li baqa' huma żewġ pitturi fuq twavel tal-injam bir-ritratti tal-ġenituri tiegħu (forsi ppreżentahom għall-aħħar eżami tal-apprentistat), x'aktarx mibdijin qabel ma telaq, madwar iż-żmien tal-Għid tal-1490.

Bejn l-1588 u l-1628 iż-żewġ twavel tfarrdu: ix-xbieha ta' missieru, iddatata 1490, spiċċat, mill-kollezzjoni tal-imperatur Ridolfu II, għand il-grandukijiet tat-Toscana u baqgħet sa issa Firenze. Ir-ritratt ta' ommu għadda minn ġrajja differenti. F'ċertu punt imbiegħ lill-familja Imhoff ta' Nurimberga; wara kien għand kollezzjonista Franċiż u fl-aħħar spiċċa fil-Mużew Nazzjonali Ġermaniku ta' Nurimberga fl-1925, imma ma ntgħarfax. Dam sal-1979, qabel ma ġie stabbilit bħala t-tavla mitlufa, il-par tal-pittura ta' missier Dürer miżmuma fl-Uffizi. Li ż-żewġ twavel kienu par hu konfermat mhux biss min-numru tal-inventarju tal-kollezzjoni Imhoff, imħażeż fuq wara, imma wkoll mix-xebh fit-taqsim tal-kwadru u l-istess għażla tal-kuluri għall-ħwejjeġ, lewn ħamrani skur, u sfond aħdar sħun. Tipiku wkoll għal Dürer hu l-kulur ċar tal-ġilda tal-mara komparat ma' dak tar-raġel. Il-kappel kważi iswed, li liebes dan, jagħti l-bilanċ meħtieġ mal-kappel tax-xoqqa bajda karti tal-omm. Il-bilanċ pittoriku tħassar xi ftit bit-telf ta' centimetru jew tnejn mit-tarf tax-xellug tar-ritratt tal-mara.

"Meta temmejt l-apprentistat, missieri bagħtni nivvjaġġja. Bqajt barra erba' snin sakemm missieri sejjaħli. Tlaqt wara l-Għid tal-1490 u erġajt lura d-dar fl-1494, wara l-Għid il-Ħamsin". Il-vjaġġ twil li għamel iż-żagħżugħ l-ewwel ħadu lejn it-tramuntana 'il fuq minn Kolonja, x'aktarx sa Haarlem. Ma setax iżur Gand u Bruges, iċ-ċentri l-iżjed importanti tal-pittura Fjamminga, billi hemm kienu jsaltnu l-gwerrer u r-rewwixti. L-effetti taż-żjara ta' Dürer f'dan ir-reġjun nistgħu narawhom biss fix-xogħlijiet ta’ wara fejn kultant nilmħu l-karatteristiċi ikonografiċi tal-pittura Fjamminga.

Ritratt ta' omm il-pittur, Barbara mwielda Holper, 1490/93
Ritratt ta' Albrecht Dürer, missier il-pittur, madwar 1490, Uffizi, Firenze

Minn hemm mar lejn in-nofsinhar ifittex lil Martin Schongauer, li mingħandu xtaq jitgħallem ir-raffinatezzi tat-teknika tal-inċiżjoni fuq ir-ramm. Imma meta Dürer wasal Colmar, matul l-1492, il-pittur famuż kien diġà ilu kważi sena mejjet. Ħut il-mejjet, il-pittur Ludwig u l-orafi Kaspar u Paul Schongauer, laqgħuh bil-qalb. Fuq il-parir tagħhom il-pittur żagħżugħ mar Basle, fejn qagħad għand l-orafu Georg Schoungauer.

F'Basle ħadem għal xi żmien bħala illustratur. X'aktarx kien il-parrinu tiegħu, Anton Koberger, li f'Nurimberga kellu l-ikbar stamperija u dar editriċi tal-Ewropa, li rrikomandah lill-edituri u stampaturi.

Fost il-ħafna inċiżjonijiet fl-injam li ddisinja għal bosta stampaturi tal-belt ta' min jiftakar l-illustrazzjoni tat-test Id-dagħjsa tal-boloħ, tal-umanista Sebastian Brant, li kien deher fl-1493. Kien fil-belt imperjali fuq ir-Renu ta' fuq li Dürer x’aktarx beda jitgħallem il-letteratura antika, meta ddisinja l-illustrazzjonijiet għal edizzjoni tal-kummiedji ta' Terenzju (din però ma ġietx stampata), li blokki tal-injam tagħhom għadhom jinżammu fi stat tajjeb ħafna fil-Mużew ta' Basle.

Id-dar ta' Dürer f'Nurimberga

Anki l-Awtoritratt bil-fjura tax-xewk, miżmum Pariġi u ddatat 1493, żgur li mbeda matul is-soġġorn f'Basle. F'din ix-xbieha, oriġinarjament impittra fuq il-parċmina, il-pittur żagħżugħ jidher liebes ħwejjeġ tal-moda lewn il-lavanja li jikkuntrastaw mal-burdura ħamra ċar tal-beritta. Il-fjura tax-xewk simbolika li jżomm f'idejh flimkien mal-iskrizzjoni li qiegħda fin-naħa ta' fuq tal-pittura "My sach die gat als es oben schtat". (l-affarijiet tiegħi imorru kif inhu deċiż hemm fuq), juru l-fidi tiegħu fi Kristu.

Waqt li kien qiegħed jaħdem fil-ħanut ta' Strasburgu, fl-għid tal-1494, missier Dürer sejjaħlu lura Nurimberga, biex iġiegħlu jiżżewweġ il-mara li kien għażillu, Agnes Frey, fil-festa tal-Pentekoste. Fix-xhur sajfin tal-istess sena mar idur u jpinġi l-inħawi ta' belt twelidu. Minn dawn il-passiġġati ħarġu bosta pitturi u akkwarelli, fosthom il-Mitħna tal-fildiferru (Trotszich Mull) li qiegħda Berlin.

L-akkaerell juri veduta bit-tarf tal-punent ta' Nurimberga fuq ix-xellug u bix-xmajra Pegnitz, li taqsam il-belt. Il-pittur kien fuq ix-xatt tax-xmara tat-tramuntana u jħares lejn in-nofsinhar in-naħa l-oħra tal-Pegnitz, fejn il-quċċati tal-muntanji ta' Schwabach jagħmlu l-orizzont. Id-djar bit-travi msallbin fuq iż-żewġ xtut tax-xmara, impinġijin b'preċiżjoni kbira kienu jiffurmaw il-qalba tal-"kwartier industrijali" u fihom il-ħwienet fejn kienu jaħdmu l-metall billi jinqdew mill-Pegnitz bħala għajn ta' enerġija. Qabel, Nurimberga kienet iċ-ċentru tax-xogħol tal-metall fil-Ġermanja. Kull ma kien jista' jsir bil-ħadid u r-ramm, minn labar, ħoloq u strumenti ta' preċiżjoni apprezzati fl-Ewropa kollha, sa armaturi, kanuni u monumenti tal-bronż, kollha kienu magħmulin hawn.

Dan l-akkwarell hu wieħed mill-ewwel immaġni tal-arti Ewropea dedikat għal kollox għal veduta, imma għadu fit-tradizzjoni medjevali; infatti, l-bini u l-gruppi ta' siġar m'humiex disinjati bil-prospettiva tajba. Iż-żagħżugħ Dürer dak iż-żmien kien għadu ma semagħx bil-liġijiet tal-prospettiva.

Forsi fl-istess perijodu, Dürer għamel l-ewwel provi bħala inċiżur fir-ramm. Snin aktar tard kien ħa joħloq il-mottu: "Pittur tajjeb, ġewwa, mimli bil-figuri". Din l-abbundanza ta' ideat għall-istampi x'aktarx kienet li ħajritu jintefa' fuq il-grafika: hekk biss, infatti, seta' joħloq il-fantasiji tiegħu mingħajr it-tfikil tax-xewqat tal-klijenti. U, mill-mument li din il-ħidma ħielsa mill-irbit saret ukoll suċċess finanzjarju, li kien utli u li kien jogħġbu saru ħaġa waħda.

Il-vjaġġ fl-Italja

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-bitħa tal-kastell ta' Innsbruck, 1494, akkwarell, Vjenna, Albertina

F'Basle, fiċ-ċirku tal-umanisti u tal-edituri fejn sab ruħu, iż-żagħżugħ Dürer, intelliġenti u ħerqan li jitgħallem, sema' għall-ewwel darba bid-dinja intellettwali Taljana u fuq il-klima kulturali li fuqha s-sejbien mill-ġdid tad-dinja antika kellu influwenza qawwija kemm fil-letteratura u kemm fl-arti għal diġà iżjed minn seklu.

Ħafna snin wara, Dürer ittraduċa l-kunċett ta' "rinaxximent", msawwar minn Petrarca, bit-terminu Ġermaniż "wiedererwachung". Minn dan jidher ċar li kien jaf sewwa bl-importanza ta' dan il-proċess storiku.

Tard fis-sajf tal-1494, Nurimberga tfaċċat waħda minn dawk l-epidemji komuni ħafna f’dak iż-zmien, li ġeneralment jissejħu bl-isem ta' "pesti". L-aħjar mod u l-iżjed żgur biex ma titiħidx b'din il-marda kien li titlaq mill-inħawi milquta. Dürer ħa din l-okkażżjoni biex imur jitkixxef fuq l-"arti l-ġdida" fl-art fejn tnisslet. Hekk ħalla l-martu żagħżugħa d-dar u telaq lejn in-nofsinhar. It-tir tiegħu kien Venezja,

It-triq li ħa lejn l-Italja ta' fuq nistgħu nimxu magħha b'ċerta preċiżjoni billi nsegwu l-veduti bl-akkwarell li jiddokumentawha. Innsbruck, pereżempju, pinġa akkwarell li jirrapreżenta l-bitħa tal-kastell, ir-reżidenza preferita tal-imperatur Massimiljanu. Miż-żewg veduti illum miżmumin Vjenna, l-iżjed importanti hi dik bis-sema msaħħba li tintrigana bir-riproduzzjoni preċiża tad-dettalji tal-bini madwar il-bitħa, waqt li għad fiha żbalji fil-prospettiva.

Venezja, Dürer kien bi ħsiebu jitgħallem il-prinċipji tal-metodi tal-kostruzzjoni tal-prospettiva. Imma jidher li laqtuh ukoll affarijiet oħra, bħal pereżempju l-ilbies tan-nisa Venezjani, ġdid ħafna għalih (muri fid-disinn tal-1495), jew ħlejqa li ma kienx jaf biha il-Granċ tal-baħar. Minn naħa artistika, ġibduh l-iżjed ix-xogħlijiet tal-pitturi ta' żmienu li juru temi mitoloġiċi, bħall-pittura mitlufa ta' Mantegna Il-mewt ta' Orfeju, li fl-1494 Dürer għamel kopja tagħha b’kura kbira, iffirmata bl-ittri "A" u "d".

Il-mewt ta' Orfeju, 1494, pinna u fidda fuq il-parċmina, Ħamburg, Kunsthalle

Kemm il-pittur żagħżugħ tramuntani baqa' affaxxinat bil-pittura Venezjana, l-iżjed b'dik ta' Gentile u Giovanni Bellini, jidher mid-disinji ta' dan il-perijodu u mill-kwadri li pinġa meta mar lura pajjiżu. Imma l-ewwel impatt ta' dan nindunaw bih fl-akkwarelli li wettaq matul il-vjaġġ lura lejn pajjiżu. Din id-darba, mid-dawrien li għamel, jidher li Dürer x'aktarx ivvjaġġa waħdu.

Hekk il-vjaġġ fir-rebbiegħa tal-1495 ħadu l-ewwel għal-lag ta' Garda u lejn Arco, li dak iż-żmien kienet belt fit-tarf tar-reġjun Venezjan. L-akkwarell ta' dan il-post li pinġa, bil-blata imponenti bis-swar fuqha, juri mod ġdid għall kollox kif jittratta l-ispazzju u l-kulur: mill-velu griż kaħlani tas-siġar taż-żebbuġ joħroġ il-kuntrast mal-griż ħamrani tal-blat, u dan l-eku lewni jerġa' jidwi fiż-żoni ta' aħdar ċar u s-soqfa ħomor. Dan kollu juri l-progress artistiku enormi li Dürer kien għamel fil-ftit xhur li qatta' Venezja.

Ħdejn Trentu, Dürer daħal mill-ġdid fit-territorju Ġermaniż. Fl-akkwarell li juri l-belt isqfija min-naħa tat-tramuntana ma jillimitax ruħu sempliċiment għad-dettalji topografiċi. Il-kompożizzjoni tissuġġerixxi l-profondità spazjali, bil-belt maqsuma mill-Adige li tifirex ma' kważi l-wisa' kollha tal-kwadru, u bil-ktajjen tal-muntanji ħa jegħbu fiċ-ċpar.

Wara dawra fil-wied ta' Cembra u fl-inħawi ta' Segonzano, Dürer kompla t-triq tiegħu lejn it-tramuntana mingħajr waqfien kbir. Bħala xhieda ta' dil-fażi tal-vjaġġ għandna Mitħna bl-ilma fil-muntanji li qiegħda Berlin. Waqt li suġġett tal-akkwarelli l-oħra kollha hi ġabra ta' bini fil-bogħod, din il-folja kwadra b'ġenb ta' 13-il ċentimetru biss, turi mill-qrib żurżieqa fil-blat bl-ilma niżel minna ġol-kanali tal-għuda għal fuq ir-roti tal-mitħna u jfittex triq qalb iċ-ċagħaq biex jinġabar fl-aħħar f'għadira ramlija fl-ewwel pjan.

Anki l-veduta taċ-ċittadina ta' Chiusa sull'Isarco, li tidher fl-inċiżjoni fuq ir-ramm Nemeżi (Ix-xorti t-tajba), bilfors kienet meħuda minn akkwarell ta' matul il-vjaġġ. Kif ninutaw minn dan l-eżempju, l-akkwarelli ta' Dürer ma kinux bil-ħsieb li jkunu xogħlijiet tal-arti indipendenti: kienu materjal ta' studju biex jerġa' jiġi maħdum u mdaħħal fil-pitturi u l-inċiżjonijiet.

L-ewwel inċiżjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
Sagra familja bil-mazzsrell, 1495, inċiżjoni fuq ir-ramm, Berlin, Staatliche Museen

Meta mar lura Nurimberga, Dürer rama ħanut tax-xogħol apposta. Biex iħallas l-ispejjeż għalih sakemm ikollu dħul biżżejjed mill-kummissjionijiet għall-pittura, intefa' b'ruħu u ġismu fuq il-grafika.

Fost l-ewwel inċiżjonijiet insibu s-Sagra Familja bil-mazzarell li t-tema tagħha aktarx kien inspirat minn inċiżjoni tal-pittur magħruf bl-isem tal-"Mastru tal-ktieb tad-dar" jew "Mastru tal-gabinett ta' Amsterdam". L-isem tradizzjonali ta' din l-istampa, li ġej mill-insett qisu mazzarell li jidher fil-lemin fil-baxx, forsi mhux korrett għax l-insett jista' jkun ukoll farfett jew xi ħlejqa oħra.

Marija qiegħda fi spazju mdawwar minn ħajt (simbolu marjan medjovali tal-"hortus conclusus"), bil-qiegħda fuq bank bil-ħaxix, waqt li Ġużeppi hu rieqed mindud fl-art, hi terfa' l-bambin Ġesù u tħares lejh bil-ħlewwa. Fis-sema fuq Marija hemm Alla l-Missier bil-ħamiema tal-iSpirtu s-Santu. L'hemm miċ-ċint bix-xatba magħluqa hemm veduta tal-baħar bil-muntanji bħala gwarniċ. Ir-rabta profonda bejn il-figuri u l-veduta fl-isfond kien l-element li mill-bidu għamel ix-xogħol grafiku ta' Dürer famuż barra mill-Ġermanja. Minn naħa l-oħra l-logħob fit-tikmix tal-ilbies għani għall-aħħar ta' Marija juri kemm l-arti tiegħu kienet għadha influwenzata mit-tradizzjoni Ġermaniża tal-gotiku tard, waqt li m'hemm l-ebda traċċ tal-esperjenza ta' meta kien l-Italja. Dürer mexa mal-eżempju ta' Schongauer, li kien għażel bħala l-mudell tiegħu, u ffirma l-folja fil-marġni t'isfel bl-ewwel verżjoni tal-monogramma tiegħu li wara saret hekk famuża, hawn miktuba b'ittri li jidhru Gotiċi.

Ix-xogħol tiegħu bħala inċiżur fir-ramm għall-ewwel baqa' limitat; inċiża f'format nofsani xi rappreżentazzjonijiet tal-qaddisin u f'format żgħir xi figuri tan-nies. Min-naħa l-oħra, bħala disinjatur tal-inċiżjonijiet fl-injam, Dürer malajr beda jiftaħ toroq ġodda, imma jidher li ma kienx sodisfatt bir-riżultat mill-punto di vista tat-teknika tal-inċiżjoni, u għalhekk minn dak iż-żmien beda jinqeda bl-ikbar format ta' nofs folja ta' stampatura.

Infatti, intefa' bil-ħerqa fuq l-ippjanar ta' sensiela ta' inċiżjonijiet fuq is-suġġett tal-passjoni u, mhux iżjed minn sena wara li kien ġie lura minn Venezja, beda jħejji d-disinji għax-xogħol l-iżjed impenjattiv tiegħu: il-ħmistax-l inċiżjoni fuq l-injam ta' l-Apokalissi, li dehret fl-1498 f'żewġ edizzjonijiet, waħda bil-Latin u l-oħra bil-Ġermaniż.

Il-ktieb, ta' format kbir, juri l-istampi faċċata tat-test. L-istampar ħa ħsiebu Dürer stess u uża karattri messigli li kellu l-parrinu tiegħu Anton Koberger. Nistgħu nissoponu wkoll li kien l-istess Koberger li ħajru jìeħu din l-inizjattiva billi Dürer uża bħala riferenza l-istampi fid-disa' Bibbja Ġermaniża, stampata għall-ewwel darba f'Kolonja fl-1482, imbagħad ippubblikata minn Koberger fl-1483.

Dürer però, minflok l-inċiżjonijiet fl-injam ta' format orizzontali, għażel format grandjuż vertikali, u nqata' mill-istil b'bosta figuri żgħar tal-mudell tiegħu. Il-figuri tal-kompożizzjonijiet tiegħu kienu minflok ftit u kbar. Il-viżjonijiet ta' San Ġwann qatt qabel ma kienu rappreżentati b'mod iżjed drammatiku minn f'dawn l-inċiżjonijiet fl-injam, ikkonċepiti b'mod singulari b'kuntrast qawwi bejn abjad u iswed. Il-fatt hu li ta s-solidità lill-figuri b'sistema gradwali ta' taħżiż paralleli. B'ħeffa tal-għaġeb l-Apokalissi (u miegħu l-isem Abrecht Dürer) infirex mal-pajjiżi kollha tal-Ewropa u kiseb lill-awtur tiegħu l-ewwel suċċess kbir.

Madwar l-1497, waqt li kien għadu jaħdem fuq l-Apokalissi, Dürer beda jaħseb fuq il-progett ta' sensiela oħra bl-istess format. Kienet tittratta tema li kien ħadem fuqha u li ħadem fuqha sal-aħħar snin ta' ħajtu: il-Passjoni ta' Kristu.

Kristu jġorr is-salib, 1498-1499, inċiżjoni fl-injam mill-Passjoni l-kbira.

Fl-ewwel fażi lesta seba' folji miċ-ċiklu, li fosthom il-"Ġarr tas-Salib" hi l-kompożizzjoni l-iżjed matura. Ix-xbieha tal-corteo tielaq mill-belt u Kristu jaqa' taħt il-piż tas-salib, jgħaqqad żewġ mottivi ġejjin mill-inċiżjoniet fir-ramm ta' Martin Schongauer, li l-forom tagħhom fl-istil tal-gotiku tard tagħhom huma enfatizzati minn Dürer; fl-istess ħin, però, il-bini anatomiku tal-ġisem muskuluż tas-suldat bil-lanza fuq il-lemin iffakkarna fix-xbiehat tal-arti Taljana li Dürer sar jaf Venezja. L-istil hu hekk personali li ma tidher l-ebda firda bejn il-forom differenti minn żewġ dinjiet.

Dürer lesta din il-Passjoni l-Kbira biss fl-1510 b'erba' xeni oħra u frontispizju u ppublikaha f'forma ta' ktieb biż-żieda ta' test bil-Latin.

Xiehda oħra tal-istil ġdid li daħħal fl-inċiżjoni fl-injam hi s-Sagra Familja bi tlett ifniek. It-tema hu kważi identiku ma' dak tas-Sagra Familja bil-mazzarell, imma m'għandniex ninsew il-progress artistiku fiha. Minkejja li jidher ċar li kien jogħġbu l-muviment esaġerat fit-tikmix tal-ħwejjeġ, il-figuri għandhom monumentalità żgura. L-idea tal-anġli jżommu l-kuruna fuq Marija ġejja minn Mantegna u Giovanni Bellini. Dak li hu veru ġdid fl-arti tal-inċiżjoni fl-injam hu l-isfond għani bil-veduta u x-xtieli madwar u fuq il-bank.

F' Il-banju tal-irġiel, kompożizzjoni li ġejja mill-istess perijodu, insibu 'l Dürer jesperimenta f'suġġett mhux reliġjuż bil-metodi stilistiċi li kien żviluppa. Din il-kompożizzjoni (li l-par tagħha, Il-banju tan-nisa, baqgħet biss disinn preparatorju) għandha tema mhux tas-soltu, xhieda tal-interess tiegħu fin-nud maskili. Jacopo de' Barbari ma kienx ħallieh jeżamina l-metodu tiegħu għall-kostruzzjoni tal-figura, ibbażat fuq skema ta' proporzjonijiet, imma Dürer beda sensiela ta' esperimenti bl-għajnuna ta' xi ħjilijiet antiki ta' Vitruvju. Kien f'din l-inċiżjoni li wera l-ewwel riżultati tal-istudji tiegħu. Ippruvaw ħafna drabi jsibu tifsira għall-banju tal-irġiel'. Xi nies ħasbu li setgħu jagħrfu l-personifikazzjoni tal-erba’ temperamenti, magħquda mal-inkarnazzjoni tal-ħames sensi. Però din l-interpretazzjoni ma tagħmilx sens għax hemm biss ħamest irġiel. Mhumiex konvinċenti lanqas dawk li jippruvaw jagħrfu l-Dürer u dawk ta' madwaru: l-ebda waħda mill-figuri ma taqbel fil-fattizzi u l-età mal-pittur li dak iż-żmien kellu xi 26 sena.

L-aħħar tas-seklu XV

[immodifika | immodifika s-sors]
Awtoritratt bl-ingwanti, 1498, Madrid, Museo del Prado

Fl-1498, l-istess sena li fiha ġiet pubblikata l-Apokalissi, Dürer pinġa l-Awtoritratt bl-ingwanti, li issa jinsab fil-Prado ta' Madrid.

Il-lwien ċari u kalmi tal-pittura jirriflettu l-istat interjuri tal-artista. Dürer pinġa lilu nnifsu maġenb tieqa li tiftaħ fuq veduta alpina mdawla bix-xemx. Liebes ilbies eleganti tal-aħħar moda u ingwanti ta' ġilda ratba jgħattu jdejh li jżomm waħda fl-oħra b'ċertu telqa. Anki x-xagħar bjond, twil u bin-nokkli juri l-moda tal-epoka; il-leħja biss hi naqra mhux tas-soltu għal dak iż-żmien.

Dak li jidher ċar minn dal-kwadru hu l-opinjoni għolja li kellu tiegħu innifsu. Imma ma rridux ninsew li l-pittur ta' sitta u għoxrin sena kien għadu kif sar midħla taċ-ċirklu tal-umanisti ta' Nurimberga fejn kienu jiltaqgħu l-élite intellettwali tal-belt. Fl-istess ħin il-konsiderazzjonijiet min-naħa psikoloġika u soġjoloġika m’għandhomx inessewna li Dürer kien irnexxielu joħloq wieħed mir-ritratti l-iżjed effikaċi u fl-istess ħin l-iżjed sbieħ ta' dak is-seklu.

Fiż-żmien li pinġa dan l-awtoritratt, Dürer kien pittur imfittex u kien diġà pitter xi titulari tal-altari, imma kien imsemmi l-iżjed għat-talent tiegħu għar-ritratti. Hemm par ritratti, mill-1497, fuq it-tila tal-aħwa Fürleger interessanti ħafna, (li issa jinsabu Frankfurt u Berlin). It-tfajla Fürlegerin b'xagħra miġbur qiegħda bil-qiegħda ħdejn tieqa li minnha tidher veduta. L-armi araldiċi li jidhru fuq iż-żewġ ritratti jikkaratterizzaw ix-xbiehat taż-żewġ tfajliet: waqt li waħda It-tfajla Fürlegerin b'xagħra maħlul fiha salib żgħir bejn żewġ ħutiet biex turi li t-tfajla kienet dieħla f'ordni reliġjużà, l-arma l-oħra f' It-tfajla Fürlegerin b'xagħra miġbur fiha ġilju bejn il-ħut biex turi li t-tfajla fir-ritratt kienet ta' familja tal-borgeżija. Iż-żewġ tfajliet kienu impinġijin qrib iż-żwieġ: waħda meta kienet dieħla novizza u l-oħra meta kienet ħa tiżżewweġ. U Dürer irnexxielu juri ż-żewġ għanijiet differenti mhux biss bix-xeħta tan-nisa imma wkoll bil-kuntrast fil-kuluri.

Ritratt ta' Oswolt Krel, 1499, panew tan-nofs, Münich, Alte Pinakothek

Imma ir-ritratt l-iżjed effikaċi li pinġa Dürer qabel l-aħħar tas-seklu kien dak ta' Oswolt Krel fl-1499 (illum qiegħed Münich). Ir-rappreżentant tas-socjetà kommerċjali ta' Ravensburg f'Nurimberga liebes ta' aristokratiku bi lbies iswed. B’idejh il-leminija jżomm il-mantell miftuħ, miksi minn ġewwa bil-pelliċċja, u mqiegħed fuq spalltu x-xellugija. Ir-raġel żagħżugħ b'espressjoni qawwija fuq wiċċu għandu ħarsa serja u akuta u l-aħmar jgħajjat tal-isfond jenfatizza l-aggressività tiegħu.

Iż-żewġ purtelli tal-ġnub, li oriġinarjament kienu jingħalqu fuq il-panew tan-nofs, juru l-armi araldiċi ta' Oswolt Krel u tal-mara tiegħu. Iżommu ż-żewġ armi hemm "Irġiel tal-bosk" armati bl-għesieġel u b'baldakkin tal-friegħi fuqhom. Fl-istrixxa tal-veduta, li tidher mit-tieqa li qiegħed ħdejha Oswolt Krel, il-friegħi tas-siġar ma tantx għandhom dehra naturali: m'ghandhomx is-sbuħija u l-akkuratezza li nsibu fil-veduti fl-akkwarelli li pinġa Dürer fis-snin ta' wara meta ġie lura mill-Italja.

Fost ix-xogħlijiet tal-ewwel nett ta' dal-grupp hemm Il-gżejra fl-għadira bid-dwejra li tinsab Londra u turi wieħed minn dawk il-padiljuni ċkejknin f'forma ta' torri li nbnew il-Ġermanja mis-seklu XIV bi preferenza fuq gżejjer żgħar: Il-gżejra fl-għadira bid-dwejra tinsab fil-punent tas-swar ta' Nurimberga, f'għadira mqabbda max-xmara Pegnitz.

Madwar l-1497, Dürer daħħal ix-xbieha tal-bini bit-torri fl-isfond tal-inċiżjoni il-Madonna bix-xadina. Tal-għaġeb b'liema preċiżjoni irnexxielu jaqleb għall-iswed u abjad tal-inċiżjoni l-isfumaturi fil-kulur tal-akkwarelli. U nteressanti li ninutaw li, waqt li Dürer fix-xbieha tal-Madonna bil-bambin uża ideat minn xi mudelli Taljani, il-passaġġ pittoresk bil-bini ċkejken fl-isfond, mhux tas-soltu għat-Taljani, ħajjar artisti bħal Giulio Campagnola u Cristoforo Robetta li jikkupjaw fl-inċizjonijiet tagħhom id-dar fl-għadira: eżempju tipiku ta' fekondazzjoni artistika reċiproka.

Wied ħdejn Kalchreuth, 1500, Berlin

Matul dawk is-snin, Dürer uża f'każijiet oħra l-istudji tiegħu bl-akkwarell fil-kompożizzjoni tal-inċiżjonijiet. Pereżempju, fil-Mostru tal-baħar, fuq ix-xatt taħt il-fortizza, daħħal veduta tan-naħa tat-tramuntana tal-kastell imperjali ta' Nurimberga. Hemm dibattitu jekk il-Mostru tal-baħar jirrappreżentax leġġenda Ġermanika jew l-istorja ta' Anna Perenna mill-Fasti ta' Ovidju.

F'dal-waqt, il-veduti bl-akkwarell għal Dürer ma baqgħux biss reġistrazzjoni eżatta ta' post; minflok saru dejjem iżjed jinteressawh il-logħob tal-kuluri u l-varjazzjonijiet tagħhom mat-tibdil tad-dawl. Waħda mill-folji l-iżjed importanti f'dan is-sens hu l-akkwarell Għadira f'bosk (miżmum Londra). Hawn il-wiċċ tal-għadira żgħira tidher sewda kaħlanija u taqbel f'lewna mas-sħab sewdieni, li minnhom id-dawl tax-xemx nieżla jiddi b'kuluri sofor u oranġjo u jlewwen b'aħdar brillanti ix-xtieli mat-tarf tal-għadira.

Iżjed ċar hu l-mod kif id-dawl jinbidel fl-Imtieħen fuq xmara, l-akkwarell f'format kbir miżmum Pariġi. Il-binjiet f'dan huma l-istess li nsibu fl-isfond tal-Mitħna li hemm Berlin, imbarra li Dürer din id-darba poġġihom fuq ix-xatt tal-Pegnitz. Id-dawl ta' nżul ix-xemx wara maltempata jagħti lis-soqfa tal-binjiet kulur fiddi u kannella, u l-pont żgħir imxarrab jidher qisu għadu jqattar bix-xita li għadha kemm waqfet. Il-logħob bl-ilwien tax-xemx, fit-tlugħ u l-inżul, kontra s-sħab skur dejjem affaxxina l-pitturi, il-fuq u l-isfel mill-Alpi, imma l-effetti pittoriċi li kiseb Dürer ma nerġgħux narawhom ħlief fil-pittura tas-seklu XVII jew fl-Impressjoniżmu tas-seklu XIX.

Fil-folja Wied ħdejn Kalchreuth ta' madwar l-1500, tal-kollezzjoni ta' Berlin, Dürer kważi laħaq l-"impressjoniżmu" tal-akkwarelli ta' Cézanne. Il-grupp ta' studji li Dürer ħoloq f'barriera tal-ġebel fl-inħawi ta' Nurimberga għandu post partikulari fost il-veduti bl-akkwarell. Juru l-iżjed żoni bil-blat (bħal pereżempju l-folja fil-"Biblioteca Ambrosiana"), imma l-karattru frammentarju ta' dawn l-folji ma jħalli l-ebda dubju li għall-artista ma kinux ħlief materjal ta' studju.

Altar Paumgartner, 1498, Münich, Alte Pinakothek

Madwar l-1498 il-familja nobbli Paumagartner ikkommissjonaw minn għand Dürer altar bil-purtelli għal Katharinenkirche ta' Nurimberga. Kienet l-ikbar titular tal-altar tiegħu (miżmum sħiħ fil-Alte Pinakothek ta' Münich), u juri fil-parti nofsanija it-twelid ta' Kristu u fil-ġnub il-figuri monumentali ta' San Ġorġ u Sant'Ewstakju. Il-faċċati ta' barra ta' dawn il-purtelli tal-ġenb, li juru l-figuri ta' Marija u tal-arkanġlu Gabriel, huma xogħol tal-lavranti.

Ix-xewqat ta' dawk li kkommissjonaw il-pittura żgur ikkontribuxxew għall-iżbilanċ formali li għandu t-titular meta jinfetaħ. Infatti ż-żewġ figuri tal-qaddisin impinġijin b'kobor kważi naturali m’humiex proporzjonati mal-figuri tat-tavla ċentrali li huma fuq skala iżgħar. Imqabblin mal-impressjoni qawwija tal-Altar Paumagartner, in-nuqqasijiet fil-prospettiva tal-binjiet fit-tavla tan-nofs ma jagħtux fil-għajn. Però, dawn juru li fis-snin madwar l-1500, Dürer kin jaf biss ir-regola tal-bażi tal-prospettiva, li skontha il-linji kolha li jiġru perpendikulari mal-wiċċ tal-kwadru jidhru jikkonverġu f'punt fiċ-centru tal-kwadru stess.

Dürer f'dan il-każ ħa f'idejh ix-xogħol diffiċli tal-fetħiet bil-ħnejja li jidhru li jispiċċaw fiż-żewġ naħat tax-xenarju, li jieħu d-dehra ta' triq dejqa fl-belt. F'pass kuraġġuż bħal dan kien impossibbli li jevita xi ftit żbalji li però kważi jgħebu fil-kompożizzjoni eċċellenti totali, li fiha mdaħħlin is-seba' figuri żgħar tad-donaturi. L-istruttura tal-kompożizzjoni hi magħmula minn diversi pjani inklinati li jmorru mix-xellug fil-baxx għal-lemin fl-għoli: l-iżjed baxx immarkat bil-bastun ta' Ġużeppi u bit-tliet figuri żgħar tan-nisa donaturi; ras Ġużeppi u dik ta' Marija jiffurmaw il-linja li jmiss; is-saqaf tal-injam li taħthom Marija qiegħda rkobbtejha u t-twavel fl-għoli jieħdu din id-direzzjoni.

Skont tradizzjoni antika l-uċuħ taż-żewġ qaddisin fuq il-purtelli tal-ġenb huma tal-aħwa Stephan u Lukas Paumgartner. X'aktarx li x-xewqa li dawn jintgħarfu tispjega l-isproporzjon tal-figuri. Jekk din it-tradizzjoni hi eżatta, iż-żewġ qaddisin bil-wieqfa jistgħu jitqiesu bħala l-eqdem ritratti b'figura sħiħa.

Il-bidu tas-sena 1500

[immodifika | immodifika s-sors]
Awtoritratt bil-pelliċċja, 1500, München, Alte Pinakothek.

Fl-1500 Dürer kien bilkemm rifes, skond kif kienu jaħsbu ta' żmienu, l-għadba tal-irġulija. Permezz tal-attività fil-grafika kien diġà kiseb fama Ewropea. L-inċiżjonijiet tiegħu malajr qabżu 'l dawk ta' Schongauer fil-preċiżjoni u l-akkuratezza fit-twettiq. X’aktarx imħajjar minn ħbiebu ta' xeħta umanistika, beda b'rappreżentazzjonijiet li jfakkru l-kunċetti antiki tal-filosofija neoplatonika ta' Marsilju Fiċinu u ta' madwaru.

Iffaċċja wkoll fl-inċiżjonijiet tiegħu fir-ramm iż-żewġ problemi artistiċi li kienu ħabbtu l-artisti Taljani għal madwar seklu sħih: il-proporzjonijiet tal-ġisem uman u l-prospettiva. Filwaqt li Dürer ma damx ma sar kapaċi jirrappreżenta l-ġisem għarwien maskili b'mod qrib l-ideal tal-antiki, dam ma tgħallem sewwa l-prospettiva.

L-"Awtoritratt" tal-1500, miżmum, Munich, hu xhieda li Dürer kien jaf bir-rwol tiegħu fil-proċess tal-evoluzzjoni tal-arti. Fih għażel pożizzjoni dritta minn quddiem, qagħda li kienet tintuża fil-Medjuevu għax-xbieha ta' Kristu. Biha qiegħed jirreferi għall-kliem tal-ħolqien fit-"Testment il-Qadim", fejn Alla ħalaq il-bniedem fix-xbieha tiegħu. Din l-idea kienet mifruxa b'mod partikulari fost in-neoplatoniċi Fjorentini qrib Ficino, u kienet tirreferi mhux biss għad-dehra minn barra imma għall-kapacità kreattiva tal-bniedem. Għalhekk Dürer poġġa iskrizzjoni maġenb ir-ritratt tiegħu, li maqluba mill-Latin tgħid: "Jiena Albrecht Dürer minn Nurimberga, fl'età ta' 28 sena, bil-kuluri eterni ħloqt jien stess il-xbieha tiegħì". Il-kelma "ħloqt" minflok "pinġejt", kif wieħed kien jistenna minn pittur, kienet magħżula bil-ħsieb.

L-Awtoritratt tal-1500, però ma twelidx mill-preżunzjoni żejda, imma juri l-opinjoni tagħhom infishom li kellhom l-artisti Ewropej ta' dak iż-żmien. Dak li l-artisti kbar Taljani, bħal pereżempju Leonardo da Vinci, espressimew bil-kliem biss, Albrecht Dürer esprimieh fil-forma ta' awtoritratt.

L-oppost eżatt ta' din il-pittura hu d-disinn bil-pinzell (miżmum Weimar) fuq karta preparata b'kulur aħdar li fih l-artista pinġa lilu nfisu għarwien b'realiżmu spjetat. Din il-folja impinġija bejn l-1500 u l-1505, tipprova il-kobor enormi ta' Dürer bħala bniedem u artista. Irridu nieħdu kont tal-fatt li dawn iż-żewġ xihdiet ta' osservazzjoni u valutazzjoni tiegħu innifsu, sakemm Dürer kien għadu ħaj, kienu ftit magħrufin mill-pubbliku bħal ma ġara fil-każ tal-kitba letterarja ta' Leonardo.

Adam u Eva, 1504, inċiżjoni fir-ramm, Karlsruhe, Staatliche Kunsthalle.

Dan kiseb sinjifikat importanti f'sens ieħor ukoll, dak tal-istudju tal-proporzjon li l-ewwel riżultati tiegħu dehru fis-snin ta' wara l-1500. Jacopo de' Barbari, dik is-sena mar jogħqod Nurimberga bħala pittur tal-imperatur Massimiljanu, imma la Venezja fl-1494 u lanqas Nurimberga ma ried juri 'l Dürer il-prinċipji tal-bini tal-figuri umani skont regoli ta' proporzjon, li kien jippretendi li ma jaf xejn fuqhom u kien jipproteġihom bħala sigriet tal-ħanut. Għalhekk Dürer ipprova jistabillixxi mill-qisien dawn ir-regoli fundamentali hu stess. L-uniku punt ta' riferiment li kellu fuq il-proporzjonijiet tal-ġisem tal-bniedem kienu xi ftiet ħjilijiet fix-xogħol tat-teoriku antik tal-arkitettura Vitruvju. Dürer applika dawn il-ħjilijiet fil-bini tal-ġisem femminili. Ir-riżultat kien il-forma ma tantx sabiħa tan-Nemeżi fl-inċiżjoni tal-istess isem.

Bħala mudell letterarju għan-Nemeżi, ħa l-veres tal-poeta Fjorentin, Angelo Poliziano, bit-titlu Manto, li dehru fl-istampa Milan fl-1499. L-alla tad-destin, kif iddeskriviha Poliziano, hi taħlita bejn il-Fortuna Rumana u n-Nemeżi Griega. Fl-inċiżjoni ta' Dürer din hi figura ta' mara qawwija, għarwiena u bil-ġwienaħ li qiegħda fuq globu timxi fl-arja qalb is-sħab. Għal din ir-rappreżentazzjoni tqila m'għandniex inwaħħlu biss fil-fatt li Dürer ma kienx jaf biżżejjed il-proporzjonijiet femminili: in-nudi femminili tiegħu l-oħra juru li l-għażla ta' dal-ġisem tqil u mhux sabiħ kienet bil-ħsieb, biex jirrifletti l-gravità tas-suġgett u għalhekk it-truf tas-sħab jidhru jċedu taħt il-piż.

L-infuwenza li kellha l-arti ta' Jacopo de' Barbari fuq l-istudji tal-proporzjon ta' Dürer tintgħaraf fid-disinn bil-pinna ta' Apollo li hu miżmum Londra. Imma ir-riżultat artistiku l-iżjed komplut ta' din il-fażi tiegħu tal-istudji tal-proporzjon Dürer urieħ fl-inċiżjoni fir-ramm Adam u Eva, iddatata 1504. Għall-figura ta' Adam x'aktarx irrifera (bħal għad-disinn ta' Apollo li semmejna) għall-istatwa tal-Apollo del Belvedere, li kienet instabet fit snin qabel fi skavi ħdejn Ruma. Fost l-annimali li jgħixu flimkien mal-koppja fil-ġenna tal-art hemm liebru, qattus, barri u alċi, li xi wħud jinterpretawhom bħala simboli tal-erba' temperamenti umani; il-kamoxxa fuq il-blat fil-quċċata fil-bogħod hi simbolu tal-għajn t'Alla li mill-għoli jara kollox, u l-pappagall it-tifħir lill-Ħallieq.

Qabel ma kien lesta Il-Passjoni l-kbira li kien qiegħed jaħdem fuqha ftit ftit, Dürer kien diġà beda jaħdem fuq proġett ġdid: is-sensiela ta' inċiżjonijiet fl-injam ta' Il-Ħajja ta' Marija. Din bilfors kien diġà bdiha ftit wara l-1500; sal-1504 kien lesta sittax-il folja u spiċċa s-sensiela sħiħa biss fl-1510-1511.

Ix-xbieha ta' It-Twelid tal-Madonna hi forsi l-isbaħ folja mis-sensiela kollha. Dürer jagħti deskrizzjoni realistika ta' x'kien jiġri fil-kamra tal-ħlas fil-Ġermanja ta' żmienu. Il-mara li ħelset, sant'Anna, megħjuna minn żewġ nisa hi minduda f’sodda lussuża wara nett tal-kamra. Fil-waqt li l-imwielda ġdida qiegħda titħejja għall-ħasil minn qaddejja oħra. In-nisa li baqa' qegħdin jitrejqu wara li temmew xogħlhom kif kienet l-użanza ta' dak iż-żmien.

L-istudji u d-disinji fi sbieħ is-seklu

[immodifika | immodifika s-sors]

F'dak iż-żmien Albrecht Dürer kien imħajjar mid-devozzjoni, li kienet mifruxa ħafna, lejn il-Madonna li jagħmel ħafna xbiehat ġodda tagħha. Xi wħud minnhom ma kontx tistennihom, bħal pereżempju id-disinn bil-pinna u l-akkwarell tal-1503, tal-Madonna tal-annimali. Il-figura ta' Marija bil-bambin fiha hi mnissla minn dik fl-inċiżjoni tal-Madonna bix-xadina; anki fil-Madonna tal-annimali, Marija qiegħda bil-qiegħda qisha fit-tron fuq bank bil-ħaxix; madwarha hemm impinġijin għadd kbir ta' xtieli u annimali; fl-isfond fuq il-lemin hemm l-anġli jagħtu l-aħbar lir-ragħja, waqt li fill-boghod ħafna fuq ix-xellug jidher joqrob il-corteo tat-tliet Maġi.

it-Tuba tal-ħamrija, 1503, akkwarell u gwazz (Albertina, Vjenna)
Liebru ferħ, 1502, akkwarell u gwazz (Albertina, Vjenna)

Kristu hu hekk rappreżentat bħala Mulej mhux biss tal-bnedmin imma wkoll tal-annimali u x-xtieli. Il-volpi marbut b'ħabel jirrappreżenta l-ħażen mrażżan. X'aktarx dan id-disinn bil-pinna u l-akkwarell hu xogħol ta' tħejjija għal pittura jew inċiżjoni kbira fir-ramm. Imma dik li verament tolqotna f’din il-folja hi l-ikonografija, li m’hemmx paragun magħha.

Li Dürer kellu interess kbir fir-rappreżentazzjoni tal-flora u fawna jidher mill-għadd kbir ta' studji u inċiżjonijiet fir-ramm.

Il-Liebru ferħ iġib id-data tal-1502, u it-Tuba tal-ħamrija għandha d-data, li bilkemm għadha tinqara, tal-1503. Iż-żewġ folji (li jappartienu għall-fond tal-Albertina ta' Vjenna), li Dürer pinġa bl-akkwarell u l-gwazz, huma fost l-ogħla xogħlijiet tal-arti Ewropea. In-natura stess tal-annimali u xtieli qatt ma tpinġiet f'forma iżjed kompluta minn f'dawn l-istudji realistiċi, allavolja l-pittur f'xi postijiet baqa' lura fir-riproduzzjoni eżatta tad-dettalji. Fix-xbieha tal-liebru, ninnutaw li maġenb xi punti fejn is-suf hu mpinġi eżatt ħafna, hemm oħrajn fejn m'hemm l-ebda ħjiel tiegħu; anki fit-tuba tal-ħamrija, fejn qegħdin jinbtu l-fjuri, il-ħaxix hu mpinġi ħafif ħafif.

Ma nafux is-sinjifikat li kellhom għall-artista stess ix-xogħlijiet ta' dan it-tip; infatti, kontra l-veduti u l-akkwarelli, jitfaċċaw rari ħafna f'kontesti oħra. Madankollu, la Dürer għamel ftit ħafna minn dawn l-istudji tan-natura fuq il-parċmina, nistgħu nissoponu li kien jagħtihom valur intrinseku bbażat bl-istess miżura fuq ir-realiżmu u fuq il-virtwożita fit-twettiq tagħhom.

Il-kavalier, il-mewt u x-xitan, 1513

Id-disinji taż-żwiemel għandhom post partikulari fost l-istudji tal-annimali. Huma juru li Dürer żgur li kien jaf bl-istudji minn Leonardo taż-żwiemel tal-istalel ta' Galeazzo Sanseverino ta' Milano. Sanseverino żar bosta drabi f'Nurimberga wieħed mill-ħbieb tal-qalb ta' Dürer, Willibald Pirckheimer, li żgur għarrfu bl-inċiżjonijiet tad-disinji taż-żwiemel li kien għamel Leonardo. L-influwenza tal-studji ta' Leonardo (bi tħejjija għall-monument Sforza) tidher ċara fl-inċiżjoni fir-ramm Iż-żiemel żgħir tal-1505, l-iżjed fir-ras tal-bhima.

B'paragun mal-istudji famużi tal-annimali u tax-xtieli jew mal-veduti bl-akkwarell, ħafna inqas attenzjoni ingħatat lil is-studji tal-kostum bil-pinzell. Fost dawn ta' min isemmi d-disinn ta' Il-Kavalier tal-1498 (issa qiegħed Vjenna), li fuqu fil-marġni ta' fuq Dürer ħażeż dawn il-kliem: "Din hi l-armatura tal-epoka fil-Germanja". L-iżbalji fid-disinn fir-ras u s-saqajn ta' wara taż-żiemel, kif ukoll il-kuluri limitati għall-ikħal u l-kannella, iġegħluna nissuspettaw li l-folja kienet maħsuba biss bħala studju tan-natura. Dan id-disinn dam sal-1513 qabel ma sab użu ġdid flimkien ma studju iżjed qadim ta' veduta, fl-inċiżjoni famuża Il-kavalier, il-mewt u x-xitan.

Wara l-Altar Paumgartner, Dürer għamel progress notevoli fil-pittura. Fost in-numru limitat ta' pitturi li wettaq fl-ewwel snin tas-seklu XVI, l-iżjed eċċezzjonali hi l-Adorazzjoni tal-Maġi (1504), miżmuma fl-Uffizi ta' Firenze.

Fiha, il-kompożizzjoni tidher sempliċi, u r-rabta bejn l-istruttura arkitettonika tar-rovini u l-veduta hi kontinwa. Min-naħa tal-kuluri, tlett ilwien jikkaratterizzaw il-kwadru: aħmar, aħdar u griż skur. Arkitettonikament il-ħnejjiet jiddominaw il-kostruzzjoni u l-prospettiva ċentrali (li nistgħu narawha mit-tarġa fuq in-naħa tal-lemin). X'aktarx l-artista ma kellux ħsieb idaħħalhom mill-bidu, imma bnihom għalihom u wara daħħalhom fil-kompożizzjoni. Imbagħad daħħal l-istudji min-natura tal-farfett u taċ-ċerf itir, simboli tal-fidwa tal-bniedem miksuba permezz tas-sagrifiċċju ta' Kristu.

It-tieni vjaġġ fl-Italja

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-aħħar tas-sajf jew fil-bidu tal-ħarifa tal-1505, Dürer waqaf mix-xogħol u telaq għal darba oħra fuq vjaġġ lejn l-Italja, x’aktarx bix-xewqa li jispiċċa l-istudju tal-prospettiva. Bit-tir li jmur Venezja, din id-darba għadda minn Augusta, Carinzia u Friuli.

Il-festa tar-Rużarju" (1506), 162 × 194,5 ċm

Is-soġġorn fil-belt fuq il-laguna, li dam sena u nofs, insibu aħbarijiet fuqu mill-ittri li kiteb lil ħabibu Willibald Pirckheimer, tal-familja nobbli ta' Nurimberga. Fihom jirrakkonta li f'Augusta, matul il-vjaġġ lejn Venezja, inkarigawh li jpinġi titular ta' altar għall-komunità Ġermaniża f'Venezja, fil-knisja ta' San Bartilmew, biex jitlesta sa nofs Mejju tal-1506. X'aktarx ħallsu għalih il-familja Fugger ta' Augusta, li kellhom rabtiet kummerċjali qawwija ma' Venezja u Ruma. Fil-bidu nett tas-soġġorn, qabel ma ntefa' jaħdem fuq din il-kummissjoni importanti, pinġa ir-Ritratt ta' sinjura żagħżugħa. Allavolja l-kwadru, li jġib id-data tal-1505 u li issa jinsab Vjenna, ma kienx lestieh għal kollox, jista' jitqis bħala l-iżjed affaxxinanti fost ir-ritratt femminili li ħarġu minn taħt idejh.

Dürer dan it-titular ħejja għalih bl-ikbar ħsieb. Fost il-waħdiet ta' studji li baqa', ir-Ritratt ta' perit (issa qiegħed Berlin, bħall-parti kbira tal-folji imwettqa Venezja) hu esegwit fuq karta kaħla bl-akkwarell abjad u iswed, bit-teknika tad-disinn bil-pinzell li tgħallem mill-pitturi tal-post. Fost ix-xogħlijiet ta' tħejjija L-istudju għall-mantell tal-papa (miżmum Vjenna), hu eċċezzjoni; dan disinn sempliċi mpinġi bil-pinzell fuq karta bajda li fih però il-mantell hu enfatizzat ħafif bil-kuluri okra u vjola.

Din il-pittura msejħa Il-festa tar-Rużarju (das Rosenkranzfest) Dürer ma lestihiex malajr daqs kemm ittama. Dam sal-aħħar ta' Settembru 1506 biex seta' jħabbar lil Pirckheimer li x-xogħol kien lest u li d-Doge u l-patriarka ta' Venezja kienu ħa jmorru l-ħanut tiegħu biex jarawha. Fiċ-ċentru tal-pittura hemm il-Madonna fit-tron li, flimkien mal-bambin Ġesù u San Duminku, iqassam il-girlandi tal-ward lir-rappreżentanti tal-Kristjanità, li r-ras tagħha huma l-imperatur u l-Papa. Fuq ix-xellug, ħdejn l-ordinijiet ekkleżjastiċi, fit-tarf tal-kwadru, hemm il-patriarka; fuq in-naħa l-oħra hemm x'aktarx il-benefattur li ħallas għalih. Iżjed tard il-pittura akkwistaha l-imperatur Rodolfu II u ttieħdet Praga u kienet murija fil-kunvent ta' Strahov. Issa tinsab fil-gallerija nazzjonali Národní.

Minkejja li f'Venezja kellhom rispett kbir għalih u minkejja li s-senat tas-Serenissima offrielu ħlas ta' 200 dukat jekk jiddeċiedi li jogħqod fil-belt għal dejjem, tard fil-ħarifa tal-1506 Dürer beda triqtu lura lejn beltu. Qabel ma telaq kiteb 'l Pirckheimer dawn il-kelmiet: "O, wie wird mich nach der Sonne frieren! Hier bin ich ein Herr, daheim ein Schmarotzer." (Traduzzjoni: O, kemm ħa nħoss kesħa, wara x-xemx! Hawn (Venezja) qisni sinjur, f'pajjiżi parassita). Matul il-vjaġġ lura lejn pajjiżu, pinġa bl-akkwarell bosta veduti, bħall-Kastell Alpin issa qiegħed Braunschweig – li forsi hu dak ta' Segonzano – il-Kastell ta' Trentu issa fil-British Museum, il-Veduta ta' Arco issa fil-Louvre, u dik ta' Innsbruck li qiegħda Oxford; Jekk inqabblu dawn il-veduti ma' dawk li kien pinġa qabel mar l-Italja insibu li huma mwettqin b'id ħafna iżjed merħija u ħielsa.

Lura f'pajjiżu

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-melankolija (Melencolia I) (1514)

Meta mar lura l-Ġermanja żviluppa ħila tremenda fis-sengħa tal-bulin [1] u wettaq sensiela ta' pitturi li huma kapulavuri kemm min-naħa tat-teknika u kemm minn dik ta' konċentrazzjoni tal-għaġeb. Il-quċċata ta' dan il-perijodu kienu tliet xogħlijiet allegoriċi, Il-kavalier, il-mewt u x-xitan, San Ġlormu fiċ-cella u Il-melankolija (Melencolia I) (1514). [2] Fl-1512 inħatar pittur tal-qorti ta' Massimiljanu I u fl-1520 żar il-Pajjiżi l-Baxxi biex jiġi kkonfermat bħala pittur tal-qorti tas-suċċessur Karlu V. Hawn waqa' taħt l-influwenza ta' Lucas Hugenszoon, imsejjaħ Lucas van Leyden u għamel kuntatt ma' pitturi fjammingi li x’aktarx ħajruh jintefa' iżjed fuq ix-xogħol ta' ritrattista, billi l-borgeżija tal-bliet, li f'dal perijodu kienet laħqet l-ogħla prosperità, kienet trid ir-ritratti u kienet lesta li tħallas għalihom. Bejn l-1521u l-1526 wettaq il-kapulavuri tas-snin tal-maturità tiegħu, ritratti u kwadri ta' suġġett reliġjuż. Fost tal-ewwel l-ikbar huma dawk ta' Bernhard von Rasten, Hieronymus Holzschuler, Jakob Muffel u Johann Kleberger. Fost tat-tieni l-Erba' Appostli, huma xhieda tal-ispiritwalità li mmaturat bil-miġja tar-riforma luterana u huma wkoll il-quċċata tat-tfittix tiegħu għas-sbuħija tal-espressjoni u għall-preċiżjoni fir-rappreżentazzjoni tal-bniedem u tal-prospettiva tal-ispazju.

Waqt is-soġgorn fil-Pajjiżi l-Baxxi, Dürer mar Zeeland biex jara b’għajnejh skeletru ta' baliena li kien daħħal il-baħar. Meta wasal ma sabux għax il-baħar kien diġà karkru l-barra. Li ħa minn dan il-vjaġġ kien tip gravi ta' malarja li billi ma ħax ħsiebha qatt ma fieq minnha.

Dürer, wara li kien ilu marid għal xi żmien, miet fis-6 ta' April 1528 u ndifen fiċ-ċimiterju tal-knisja ta' San Ġwann f'Nurimberga, fejn għadhom jistrieħu l-fdalijiet tiegħu. Fuq il-lapida hemm minquxa l-iskrizzjoni bil-Latin iddettata mill-ħabib tiegħu, l-umanista Willibald Pirckheimer, li tgħid: "Dak li kien mortali f'Albrecht Dürer qiegħed jistrieħ f'dan il-qabar".

Billi ma kellux ulied, il-mara ħallielha d-dar u somma sewwa ta' flus (kien wieħed minn l-għaxar ċittadini l-iżjed għonja ta' Nurimberga).

Dürer it-teorista

[immodifika | immodifika s-sors]

Fix-xogħlijiet teoretiċi kollha tiegħu biex jesprimi t-teoriji tiegħu bl-ilsien Ġermaniż minflok bil-Latin, Dürer kien juża espressjonijiet grafiċi meħudin mil-lingwa ordinarja tan-nies tas-sengħa. Pereżempju, 'Schneckenlinie' ('linja ta' bebbuxu') kien it-terminu li uża għall-forma ta' spiral. Hekk Dürer ikkontribwixxa għall-espansjoni tal-proża Ġermaniża li inbdiet minn Martin Luteru bit-traduzzjoni tiegħu tal-Bibbja.[3]

L-Erba' kotba fuq il-Kejl

[immodifika | immodifika s-sors]

Ix-xogħol ta' Dürer fuq il-ġeometrija jissejjaħ l-Erba' Kotba fuq it-Kejl (Underweysung der Messung mit dem Zirckel und Richtscheyt). L-ewwel ktieb jikkonċentra fuq il-ġeometrija linjari. Fost il-kostruzzjonijiet ġeometriċi ta' Dürer hemm eliċi, konkojdi u epiċiklojdi. Kien ispirat minn Apollonju, u l-ktieb ta' Johannes Werner li deher fl-1522, 'Libellus super viginti duobus elementis conicis'. It-tieni ktieb jgħaddi għall-ġeometrija f’żewġ dimensjonijiet, jiġifieri, l-kostruzzjoni ta' poligoni regolari. Hawn Dürer iffavorixxa l-metodi ta' Tolemew iżjed minn ta' Ewklide. It-tielet ktieb japplika dawn il-prinċipji fl-arkitettura, enġinerija u t-tipografija.

Fl-arkitettura Dürer jiċċita 'l Vitruvju imma fl-istess ħin jiżvilluppa id-disinji u kolonni klassiċi tiegħu. Fit-tipografija jiddeskrivi il-kostrużżjoni ġeometrika tal-alfabet Latin ibbażata fuq it-Taljani ta' qabel. Però, il-kostruzzjoni tal-alfabet Gotiku ibbażaha fuq sistema modulari differenti għal kollox. Ir-raba' ktieb ikompli mal-ewwel u t-tieni billi jmur għal forom fi tliet dimensjonijiet u l-kostruzzjoni tal-poliedri. Hawn Dürer jiddiskuti l-ħames solidi Platoniċi kif ukoll is-seba' solidi semi-regolari ta' Arkimede u xi ftit li kien ivvinta hu. F’dawn kollha, Dürer juri l-oġġetti fl-iżvilupp fil-pjan. Fl-aħħar, Dürer jiddiskuti l-Problema Deljan u jimxi għall-'construzione legittima', metodu tat-tpinġija tal-kubu f'żewġ dimensjonijiet bill-prospettiva linjari. Kien f'Bolonja li Dürer tgħallem (jista' jkun minn Luca Pacioli jew minn Bramante) il-prinċipji tal-prospettiva linjari, u hu ċar li sar jaf bil-'costruzione legittima' minn deskrizzjoni ta' dawn prinċipji li, dak iż-żmien, kienet tinsab biss fit-trattat mhux ippublikat ta' Piero della Francesca. Kien jaf ukoll bill-'kostruzzjoni abbrevjata' kif iddeskriviha Alberti u l-kostruzzjoni ġeometrika tad-dell, teknika ta' Leonardo da Vinci. Minkejja li Dürer m’għamilx innovazzjonijiet f'dawn l-oqsma, hu importanti bħala l-ewwel Ewropew tat-tramuntana li ttratta r-rapprezentazzjoni viżwali b'mod xjentifiku, waqt li fehem il-prinċipji Ewklidej. Barra dawn il-kostruzzjonijiet ġeometriċi, Dürer fl-aħħar ktieb Underweysung der Messung jiddiskuti għadd ta' mekkaniżmi għat-tpinġija bil-prospettiva mill-mudelli, bħall-camera lucida u bl-inċiżoniet fl-injam jagħti stampi ta' dawn il-metodi, sikwit riprodotti f'diskussjonijiet fuq il-prospettiva.

L-Erba' Kotba fuq il-Proporzjonijiet Umani

[immodifika | immodifika s-sors]
Paġna titulari ta' Vier Bücher von menschlicher Proportion fejn tidher il-monogramma ta' Albrecht Dürer

Ix-xogħol ta' Dürer fuq il-proporzjonijiet tal-ġisem tal-bniedem jissejjaħ L-Erba' Kotba fuq il-Proporzjonijiet Umani ('Vier Bücher von Menschlicher Proportion) tal-1528. L-ewwel ktieb, li l-parti l-kbira tiegħu kienet komposta sal-1512/13 u li tlesta fl-1523, juri ħames tipi ta' figuri maskili u feminili mibnijin b'mod differenti, il-partijiet kollha tal-ġisem espressi fi frazzjonijiet tat-tul sħiħ. Dürer ibbaża dawn il-kostruzzjonijiet fuq Vitruvju u kejl empiriku ta' "bejn mittejn u tliet mitt bniedem ħaj,"[3] fi kliemu stess. It-tieni ktieb fih tmien tipi oħra, mhux maqsumin fi frazzjonijiet imma f'sistema Albertina, li Dürer x'aktarx kien tgħallem mill-ktieb ta' Francesco di Giorgio, De harmonica mundi totius tal-1525. Fit-tielet ktieb, Dürer jagħti l-prinċipji li bihom il-figuri jistgħu jiġu modifikati, fosthom is-simulazzjoni matematika ta' mirja konvessi u konkavi; hawn Dürer jittratta wkoll il-fiżjonomija umana. Ir-raba' ktieb hu dedikat għat-teorija tal-muviment.

Miżjud mat-tielet ktieb, però, hemm saġġju komplut fih innifsu fuq l-estetika, li Dürer ħadem fuqu bejn l-1512 u l-1528, u fih insiru nafu bit-teoriji tiegħu fuq is-‘sbuħija ideali'. Dürer ċaħad il-kunċett ta' sbuħija oġġettiva ta' Alberti, u ppropona idea relativista ta' sbuħija bażata fuq il-varjetà. Madan kollu, Dürer baqa jemmen li l-verità hi moħbija fin-natura, u li hemm regoli li jordnaw is-sbuħija, allavolja sabha diffiċli li jiddefinixxi kriterji għalihom. Fl-1512/13 it-tliet kriterji tiegħu kienu l-utilità ('Nutz'), il-pjaċir ('Wohlgefallen') u l-medju hieni ('Mittelmass'). Però, kontra Alberti u Leonardo, dak li Dürer kien jinkwieta l-iżjed fuqu ma kienx li jifhem il-kunċett astratt tas-sbuħija imma kif artista jista' joħloq xbiehat sbieħ. Bejn l-1512 u l-verżjoni finali fl-1528, l-opinjoni ta' Dürer żviluppat milli jaħseb li l-kreatività umana hi spontanja jew ispirata għal kunċett ta' 'sinteżi interna selettiva'.[3] Fi kliem ieħor, li artista jibni fuq l-għana u r-rikkezza tal-esperjenzi viżwali biex jimmaġina oġġetti sbieħ.

  • Il-Madonna bil-Bambin, Metropolitain Museum of Arts, New-York
  • Albrecht Dürer il-missier, 1490, Uffizi, Firenze
  • Barbara Dürer, imwielda Holper, c. 1490-1493, Germanisches Nationalmuseum, Nurimberga
  • Awtoritratt fl-età ta' 22 sena jew Awtoritratt bil-fjura tax-xewk, 1493, Musée du Louvre, Pariġi
  • Frederiku l-Għaref , 1496, Staatliche Museen Berlin
  • Missier il-pittur, 1497, National Gallery, Londra
  • Awtoritratt fl-età ta' 26 sena, 1498, Musew tal-Prado, Madrid
  • It-titular Paumgartner 1498, Alte Pinakothek, Münich
  • Oswald Krell, 1499, Alte Pinakothek, München
  • Elsbeth Tucher, 1499, Staatliche Kunstsammlungen, Kassel
  • It-Tniżżil mis-Salib, c. 1500-1503, Alte Pinakothek, München
  • Awtoritratt fl-età ta' 28 sena jew Awtoritratt bil-pelliċċja, 1500, Alte Pinakothek, München (iġġib l-iskrizzjoni: Albertus Durerus Noricus ipsum me propriis sic effingebam coloribus œtatis anno XXVIII)
  • Erkole joqtol l-għasafar tal-lag ta' Stinfalja, 1500, Germanisches Nationalmuseum, Nurimberga
  • L-Artal ta' Baumgärtner, 1503, Alte Pinakothek, München
  • L-Adorazzjoni tal-maġi, 1504, Uffizi, Firenze
  • Ritratt ta' mara żagħżugħa Venezjana, 1505, Kunsthistorisches Museum, Vjenna
  • Burkard von Speyer, 1506, Windsor Castle
  • Kristu fost l-Għorrief, 1506, Fundacion Coleccion Thyssen-Bornemisza, Madrid
  • Ritratt ta' mara żagħżugħa Venezjana, c. 1506, Staatliche Museen zu Berlin
  • Madonna bl-ekru[4], 1506, Staatliche Museen zu Berlin
  • Il-Madonna tal-festa tar-Rużarju, 1506, Gallerija Nazzjonali ta' Praga,
  • Adam u Eva, 1507, Uffizi, Firenze
  • Il-Martirju ta' għaxart elef insara, 1508, Kunsthistorisches Museum, Vjenna
  • It-Trinità Mqaddsa, 1511, Kunsthistorisches Museum, Vjenna
  • Ritratt ta' Raġel, 1512-1514, Szepmuveseti Muzeum, Budapest
  • L-Imperatur Karlumanju et L-Imperatur Siġiżmondu, 1513, Germanisches Nationalmuseum, Nurimberga
  • Mikiel Wolgemut, 1516, Germanisches Nationalmuseum, Nurimberga
  • L-Appostlu Filippu, 1516, Uffizi, Firenze (iġġib l-iskrizzjoni: SANCTE PHILIPPE ORATE PRO NOBIS 1516)
  • Sant'Anna u l-Madonna bil-Bambin, 1519, Metropolitan Museum of Art, New York
  • Jakob Fugger, Staatsgalerie, Städtische Kunstsammlungen, Augsburg, 1519
  • L-Imperatur Massimilljanu I, Kunsthistorisches Museum, Vjenna, 1519
  • Bernard von Reesen, 1521, Dresden Gallery, Dresden
  • Ritratt ta' Raġel, 1524, Musew tal-Prado, Madrid
  • Hieronymus Holzschuher, 1526, Staatliche Museen zu Berlin
  • Jakob Muffel, 1526, Staatliche Museen zu Berlin
  • Johannes Kleberger, 1526, Kunsthistorisches Museum, Vjenna
  • Sant Ġwann l-Evanġelista u San Pietru u San Pawl u San Mark, 1526, Alte Pinakothek, München (magħruf ukoll bħala L-Erba' appostli jew L-Erba' temperamenti)

Inċiżjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Inċiżjonijiet fl-injam

[immodifika | immodifika s-sors]
Inċiżjonijiet waħdiet
[immodifika | immodifika s-sors]
  • 1493-1495 : Il-Madonna fuq it-tron, c.1493 ; Il-martirju ta' San Bastjan, c.1495 ; San Kristoferu, c. 1495 ; Il-kruċifissjoni ta' Kristu l-kbira, c.1495 ; Il-bikja l-kbira, c.1495.
  • 1496-1498 : Il-ġlieda ta' Erkole u Kaku, c.1496 ; Is-Sifilide, c.1496 ; Il-banju tal-irġiel, c.1496 ; Kavalieri u merċenarji, c.1496-1497 ; Is-Sagra Familja, c. 1496-1497 ; Sansun jegħleb l-iljun, c.1496-1497 ; Il-martirju ta' Santa Katarina, c.1497-1498 ; Is-Sagra Familja bi tlett ifniek, c. 1497 ; Il-martirju ta' San Ġwann l-Evanġelista, c. 1497-1498 ; Il-viżżjoni tas-seba' gandlieri, c. 1497-1498 ; San Ġwann jitlob 'lis-smewwiet, c. 1497-1498 ; L-erba' kavalieri, c. 1497-1498 ; Il-waqa' tal-kwiekeb, c. 1497-1498 ; L-erba' anġli jżommu r-riħ u d-dlik tal magħżulin, c. 1497-1498 ; Is-seba' daqqiet tat-trumbetti tal-anġli, c. 1497-1498 ; L-erba anġli tal-Ewfrate, c. 1497-1498 ; San Ġwann jibla' l-ktieb, c. 1497-1498 ; Il-mara liebsa x-xemx u d-dragun b'seba' rjus, c. 1497-1498 ; Il-ġlieda ta' San Mikiel kontra d-dragun, c. 1497-1498 ; Id-dragun b'seba' rjus u l-bhima bil-qrun ta' muntun, c. 1497-1498 ; L-adorazzjoni tal-ħaruf - L-għanja tal-magħżulin, c. 1497-1498 ; Il-qaħba tal-Babilonja, c. 1497-1498 ; Koppja żagħżugħa u l-mewt jew Il-passiġġata, c. 1497-1498 ; Il-Mostru tal-baħar jew Ir-rapiment ta' Amimone, c. 1498 ; L-għaxart elef maqtula ta' Nikodemja, c.1497-98.
  • 1500-1502 : San Sibaud fuq kolonna, c.1500 ; Is-Sagra familja taħt il-portiku, c.1500-1501 ; San Kristofru u l-qatgħa għasafar , c.1500-1502 ; San Franġisk jirċievi l-istigmata , c.1500-1502 ; Ex-libris ta' Willibald Pirckheimer, c.1500-1503 ; Nemeżi jew Ix-xorti t-tajba, c. 1501 ; San Ewstaċju, c. 1501 ; San Ġwann l-għammied u Onufriju bil-kuruna tal-luppolu, c.1502 ;San Antnin u San Pawl, c.1502 ;San Ġorġ fuq iż-żiemel , c. 1502-1503 ; Kalvarju (Il-kruċifissjoni ta' Kristu ż-żgħira), c. 1502-1503.
  • 1503-1508 : Is-Sagra Familja u l-ħames anġli , c.1503 ; San Nikola, San Erażmu u San Ulriku, c.1503-1505 ; San Stiefnu, San Sistu u San Lawrenz , c. 1503-1505 ; San Ġlormu jagħmel il-penitenza, c. 1506 ; It-tqarbina ta' kuljum ta' Marija-Maddalena , c.1503-1508.
  • 1510-1511 : Il-Mewt u l-merċenarju, 1510 ; L-għalliem, 1510 ; Kristu fuq is-salib ma' Marija u Ġwanni 1510 ; In-niedem (Ir-re David jagħmel il-penitenza), c.1510 ; San Ġwann l-Għammied b'rasu maqtugħa, 1510 ; San Ġlormu fiċ-ċella tiegħu, 1511 ; San Ġwann quddiem il-Madonna, c. 1511 ; Il-quddiesa ta' San Girgor , 1511 ; San Kristofru , 1511 ; L-adorazzjoni tal-maġi, 1511 ; Is-Sagra Familja u żewġ anġli jdoqqu, 1511 ; Is-Sagra Familja taħt is-sigra, 1511 ; Kain joqtol lil Abel, 1511 ; Salomè iġġib ras San-Ġwann lil Erodi, 1511 ; It-Trinità Mqaddsa, 1511.
  • 1512-1518 : San Ġlormu fil-grotta, 1512 ; Armarji għal Kristuoph Scheurl, c.1512-1514 ; Armarji tal-astronomu tal-qorti, Johannes Stabius, c.1512-1517 ; San Keloman , 1513 ; Ġardinar b'xitla tad-dielja, c. 1515 ; Il-Qaddisin protetturi tal-Awstrija, 1515 ; Marija ma' San Ġwann l-Għammied, San Bruno u xi Kartużjani, 1515 ; Ir-rinoċeronte, 1515 ; Kokka tiġġieled mal-għasafar, c. 1515-1516 ; Ex-libris ta' Hieronymus Ebner membru tal-kunsill ta' Nurimberga, 1516 ; Kristu fuq is-salib b’burdura ta' anġli , 1516 ; Kristu fuq is-salib ma' tliet anġli, c.1516 ; Kristu fuq is-salib, c. 1516-1520 ; Marija reġina tal-anġli, 1518 ;San Sibaud , 1518 ; ritratt tal-imperatur Massimiljanu I, c.1519.
  • 1520-1526 : Pressa tal-istamperija, 1520 ; Ulrich Varnbühler, kunsillier ta' l-imperatur, 1522 ; Iċ-ċena, 1523 ; Is-Sagra familja fuq il-bank tal-ħaxix, 1526 ; Il-poeta Latin Eobanus Hessus, 1526.
Inċiżjoniet f'sensiela
[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-passjoni Albertina, c.1495 ; sensiela ta' erba' folji. "Qabel sewwa ma kien sab l-istil grandjuż tal-Apokalissi, Dürer kien iddisinja fuq il-blokok dik li tissejjaħ il-passjoni Albertina (...). L-influwenza Taljana hawn titħallat ma' dik ta' Schongauer." Musper.
    Il-flagellazzjoni du Kristu, L-inkurunazzjoni bix-xewk, Kristu jġorr is-salib, Kristu fuq is-salib.
  • L-Apokalissi, 1496-1498 : L-unika sensiela li Dürer għamel f'daqqa. "Dan kien l-ewwel ktieb maħluq u ppublikat esklużivament minn artista", [3] p. 53.
    San Ġwann quddiem Il-Madonna, Il-martirju ta' San Ġwann , San Ġwann jara seba' gandlieri, San Ġwann quddiem Alla u x-Xjuħ, L-erba' kavalieri tal-Apokalissi, Is-sitt siġill, Erba' anġli jżommu l-erba' rjieħ tad-dinja, Is-seba' anġli jdoqqu t-trumbetti, L-erba' anġli tal-Ewfrate, San Ġwann jibla' l-ktieb tal-Ħajja, Mara liebsa x-xemx u d-dragun b'seba' rjus, San Mikiel jitfa' fl-art id-dragun, Il-dragun b'seba' rjus u l-bhima bil-qrun ta' muntun, L-innu tal-magħżulin, Il-qaħba tal- Babilonja, L-anġlu u l-muftieħ tal-għammieq.
  • Il-Passjoni l-kbira, 1511 : "Matul il-vjaġġ tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, għal dan ix-xogħol important li kien ħa jiġi kkupjat kullimkien, Dürer talab sommom ta' flus konsiderevoli" [5]
    Iċ-Ċena, Kristu fil-ġnien taż-żebbuġ, L-arrest ta' Kristu, Il-flagellazzjoni ta' Kristu, Kristu quddiem il-poplu, Ecce homo, Kristu jġorr is-salib, Kristu fuq is-salib, Il-lamentazzjoni, Il-dfin ta' Kristu", "Kristu jinżel l-infern, Il-qawmien mill-mewt.
  • Il-Ħajja tal-Madonna , 1511 : sensiela ta' għoxrin folja. Kien fuq dan is-sett li Vasari qal : "Il-Ħajja tal-Madonna hi tant sabiħa li hu impossibbli li jsir xi ħaġa aħjar, fil-pjan tal-kompożizzjoni, l-prospettiva u l-arkitettura, fl-ilbies u l-uċuħ, tal-iżjed xjuħ u l-iżjed żagħżagħ".
    Is-sagrifiċċju ta' Ġwakkin, Ġwakkin jieħu l-aħbar, Ġwakkin u Anna fil-portiku ndurat, It-twelid tal-Madonna, Preżentazzjoni tal-Madonna fit-tempju, Iż-żwieġ tal-Madonna, L-annunzjazzjoni, Iż-żjara, It-twelid ta' Kristu, Il-ċirkonċizzjoni ta' Kristu, L-adorazzjoni tal-maġi, Il-preżentazzjoni fit-tempju, Il-ħarba lejn l-Eġittu, Is-serħa fil-ħarba lejn l-Eġittu (Is-Sagra Familja f’bitħa), Kristu u l-għorrief, Kristu jitlaq lil ommu, Il-Mewt tal-Madonna, L-Assunzjoni, Il-qima tal-Madonna.
  • Il-Passjoni ż-żgħira fuq l-injam, 1509-1511 : sebgħa u tletin inċiżżjoni bil-veres bil-Latin ta' Benedikt Chelidonius. Wieħed jista' jara l-blokok tal-injam fil-British Museum ta' Londra .
    Adam u Eva fil-ġenna tal-art, It-tkeċċija mill-ġenna tal-art, L-annunzjazzjoni, It-twelid ta' Kristu, Id-dħul ta' Kristu f'Ġerusalemm, It-tkeċċija tal-bejjigħa mit-tempju, Kristu jitlaq lil ommu, Iċ-Ċena, Il-ħasil tas-saqajn, Kristu fil-ġnien taż-żebbuġ, L-arrest ta' Kristu, Kristu quddiem Anna, Kristu quddiem Qajfa, Kristu mkasbar, Kristu quddiem Pilatu, Kristu quddiem Erodi, Il-flagellazzjoni, L-inkurazzjoni bix-xewk, Ecce Homo, Pilatu jaħsel idejh, Kristu jġorr is-salib, Santa Veronika bejn Pietru u Pawlu, Il-kruċifissjoni, Kristu fuq is-salib, Kristu fil-limbu, It-tniżżil mis-salib, Il-lamentazzjoni, Id-dfin ta' Kristu, L-irxoxt, Kristu jidher lil ommu, Kristu ġardinar, Kristu u l-pellegrini ta' Emmaws, Tumas ma jemminx, It-tlugħ is-sema, Il-Pentekoste, L-aħħar Ġudizzju .
  • L-ark tat-trijonf tal-imperatur Massimiljanu I, 1515 : din inċiżżjoni ġganta fl-injam, magħmula minn 192 blokka . Stabius ħoloq il-pjan, Kölderer ipprovda d-disinn arkitettoniku, Andreae ħa ħsieb l-inċizzjoni u Dürer kien id-disinjatur tal-opra sħiħa.
    L-ark tat-trijonf , L-għerusija tal-Imperatur Massimiljanu ma' Marija ta' Borgonja, Kungress u l-għerusija doppja fi Vjenna, Il-laqa' Massimiljanu I u Neriku VIII tal-Ingilterra, San Rokku ta' Treviri, L-għerusija ta' Filippu ta' Asburgu, msejjaħ is-sabiħ, u Ġovanna ta' Kastilja, L-imperaturi Teodożju, Arcadju u Onorat.
  • Il-Biga trijonfali ż-żgħira jew "It-tieġ Borgondjan", 1516-1518.
  • Il-Biga trijonfali l-kbira tal-Imperatur Massimiljanu I, 1518.

Inċiżjonijiet fir-ramm, inċiżjonijiet bil-ponta niexfa, akkwaforti

[immodifika | immodifika s-sors]
  • 1494-1500 : Ir-raġel vjolenti, c.1494 ; Il-konverżjoni ta' San Pawl, c.1494 ; Il-messaġġier il-kbir, c.1494-1495 Is-Sagra familja u l-mazzarell, c. 1495 ; L-istqarrija ta' mħabba, c. 1495 ; Il-kavalier u l-merċenarji, c. 1495 ; San Ġlormu fid-deżert, c.1496 ; Il-kok u l-mara , c. 1496 ; Il-majjal mostru ta' Landster, c. 1496 ; Il-penitenza ta' San Kriżostmu, c.1496 ; L-iben il-ħali, c.1496 ; It-tliet raħħala, c. 1496-1497 ; Xbejba fuq iż-żiemel u merċenarju, c.1496-1497 ; Il-familja Torka, c. 1496-1497 ; Ir-raħħal u l-mara, c.1496-1497 ; Il-passiġġata, c. 1496-1498 ; Il-Madonna bix-xadina, c. 1497-1498 ; Erba' nisa għarwenin (L-erba' sħaħar), 1497 ; Il-ħolma (It-tentazzjoni), c. 1497-1498 ; Il-Levjatan, c. 1498 ; San Bastjan mal-kolonna, c. 1498-1499 ; Erkole (l-għira), c. 1498-1499 ; Ix-xemx tal-ġustizzja (Sol Justitiae), c.1498-1499 ; Il-Madonna bid-dija tal-glorja, c. 1498-1500.
  • 1500-1510 : Kristu b'dirajgħ miftuħa, c.1500 ; San Ewstakju, c. 1500-1502 ; San Bastjan mas-siġra, c. 1500-1502 ; Sant'Anna, il-Madonna u l-bambin, c. 1500-1502 ; Spirtu bit-targa u l-elmu (Il-glorja), c. 1501-1502 ; Is-saħħara, c.1501-1502 ; Nemeżi (Ix-xorti tajba), c. 1501-1502 ; San Ġorġ miexi, c. 1502-1503 ; Apollo u Dijana, c. 1502-1503 ;Tal-istandard, c. 1502-1503 ;Il-Madonna fuq il-bank tal-ħaxix, 1503 ; Adam u Eva, 1504 ; It-twelid ta' Kristu, 1504 ; Il-familja ta' satiri, 1505 ; Iż-żiemel żgħir, 1505 ; Iż-żiemel kbir, 1505 ;San Ġorġ fuq iż-żiemel, 1508 ; Il-Madonna bid-dija tal-glorja, 1508 ; L-arrest ta' Kristu, 1508 ; Kristu fuq is-salib, 1508 ; Kristu mejjet quddiem Marija u Ġwanni , 1509 ; Kristu fuq l-għolja taż-żebbuġ , 1509.
  • 1511-1515 : Il-Madonna bil-lanġasa, 1511 ; Kristu fuq is-salib , 1511 ; Kristu b'idejh marbutin, 1512 San Ġlormu hdejn is-salċi, 1512 ; Kristu quddiem Qajfa, 1512 ; Kristu quddiem Pilatu, 1512 ; Il-flaġellazzjoni ta' Kristu, 1512 ; L-inkurunazzjoni bix-xewk, 1512 ;Kristu quddiem il-poplu (Ecce Homo), 1512 ; Pilatu jaħsel idejh, 1512 ; Kristu jġorr is-salib, 1512 ; Il-lamentazzjoni, 1512 ; Id-dfin ta' Kristu, 1512 ; Kristu jinżel il-limbu, 1512 ; Il-Qawmien mill-mewt; Pietru u Ġwanni jfejqu l-mifluġin, 1513 ; Il-maktur ta' Veronika miżmum minn żewġ anġli, 1513 ; Il-kavalier, il-Mewt u x-xitan, 1513 ; Il-melankolija (Melencolia I), 1514 ;Id-daqqaq taż-żaqq, 1514 ; Żewġ raħħala jiżfnu, 1514 ; San Ġlormu fiċ-ċella, 1514 ; Il-Madonna bil-Bambin quddiem ħajt, 1514 ; Madonna bid-dija tal-glorja fuq il-qamar felli, 1514 ; L-appostlu Pawlu, 1514 ; L-appostlu Tumas, 1514.
  • 1515-1525 : Kristu bilqegħda, 1515 ; Id-disperazzjoni, 1515 ; Kristu fuq l-għolja taż-żebbuġ, 1515 ; Il-maktur ta' Veronika muri minn anġlu, 1516 ; Ir-rapiment fuq unikornu, 1516 ;Il-Madonna bid-dija tal-glorja, 1516 ; Il-Madonna nkurunata minn żewġ anġli, 1518 ; Il-kanun, 1518 ; Sant Antnin quddiem il-belt, 1519 ; Albrecht von Brandenburg, 1519 ; Raħhal jimxi mal-mara, 1519 ; Il-Madonna nkurunata minn anġlu, 1520 ; Madonna bil-Bambin fil-fisqija, 1520 ; San Kristofru u l-eremita, 1521 ; San Kristofru, 1521 ; Il-kruċifissjoni, c.1523 ; Albrecht von Brandenburg, 1523 ; L-appostlu Xmun, 1523 ; San Bartilmew, 1523 ; Frederiku l-Għaref, 1524 ; Willibald Pirckheimer, 1524 ; Filippu Melanchton, 1526 ; Erażmu ta' Rotterdam, 1526 [6] ; L-appostlu Filippu, 1526.


  1. ^ Għodda tal-inċiżur
  2. ^ F’din l-inċiżjoni jidher "kwadrat maġiku" famuż. "Kwadrat maġiku" hu arranġament ta' numri sħaħ distinti f'tabella kwadrata b'mod li s-somom tan-numri f'kull ringiela, f'kull kolonna u fiż-żewġ djagonali huma kollha l-istess numru; dan in-numru jissejjaħ il-kostanti maġika jew is-somma maġika tal-kwadrat.
  3. ^ a b ċ d Erwin Panofsky, "The Life and Art of Albrecht Dürer", Princeton, 1945, ISBN 0-691-00303-3
  4. ^ a b Tip ta' għasfur, Carduelis spinus
  5. ^ Alain Borer: l'oeuvre gravé de Albrecht Dürer, Booking International, Pariġi
  6. ^ iġġib din l-iskrizzjoni: Imago Erasmi Roterodami ab Alberto Durero ad vivam effigiem deliniata u ΤΗΝ ΚΡΕΙΤΤΩ ΤΑ ΣΥΓΓΡΑΜ ΜΑΤΑ ΔΙΞΕΙ li tista’ tinqaleb "Il-kitba tiegħu tagħti xbieha tal-bniedem aħjar minn dan ir-ritratt."


Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]