Ġwanni Kriżostmu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Ġwanni Kriżostmu jew Ġwanni t'Antijokja (Antijokja, 344/354Comana Pontica, 14 ta' Settembru 407) kien reliġjuż Nisrani, patrijarka ta' Kostantinopli, u miżmum mill-Knisja Kattolika bħala wieħed mill-ikbar erba' Missirijiet tal-Knisja tal-Lvant.

Bijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Ġwanni Kriżostmu twieled f’Antijokja, madwar is-sena 347, minn familja Nisranija, nobbli u tat-tajjeb. Missieru Sekundu miet meta hu kien għad kellu sentejn jew inqas, u meta ommu Antusa kellha biss għoxrin sena. L-ewwel edukazzjoni, ħadha mingħand ommu. Imbagħad tgħallem il-filosofija fl-Iskola ta’ Andragazju, u studja r-retorika fl-iskola ta’ Libanju minn Antijokja, li kien mgħallem tar-rettorika u filosofu magħruf, u li kellu korrispondenza ma’ San Bażilju l-Kbir. Wara li għalaq tmintax-il sena, Melazju, l-Isqof ta’ Antijokja, magħruf bħala l-Konfessur, ħallih joqgħod fis-servizz tiegħu u għamlu Lettur. F’dan iż-żmien, Ġwanni tgħallem it-teoloġija mingħand Dijodoru ta’ Tarsu, li aktar ’il quddiem sar Isqof ta’ Tarsu.

Sa minn kmieni, San Ġwann Krisostmu beda jgħix ħajja ħarxa ta’ penitenza kbira. Sa fl-aħħar qata’ xewqtu li jgħix fl-eremitaġġ meta mar lejn il-muntanji tal-qrib u qagħad ġo għar ma’ eremit xiħ. Imma minħabba n-nuqqas ta’ rqad, u l-umdita’ saħħtu ċediet u kellu joħroġ jfittex il-kura medika meħtieġa.

Saċerdot[immodifika | immodifika s-sors]

Lura Antijokja, Melezju ordnah djaknu fis-sena 381. Imbagħad, fis-sena 386 l-Isqof Flavjanu ordnah saċerdot. Fuq talba tal-istess Isqof, Ġwanni pprietka fil-knejjes ewlenin tal-belt bejn is-snin 386-397. Kien f’dan iż-żmien li hu għamel l-aqwa priedki tiegħu.

Fis-27 ta’ Settembru tas-sena 397, miet l-Isqof Nettarju, Patrijarka ta’ Kostantinopli, u Ġwanni Krisostmu nħatar bħala suċċessur tiegħu. Min-naħa tiegħu, ma wera l-ebda ħeġġa biex jaċċetta, imma sab ruħu għall-għarrieda f’dik il-belt. B’ordni tal-Imperatur, Teofilu, Patrijarka ta’ Lixandra, ikkonsagrah Isqof fis-26 ta’ Frar tas-sena 398.

Tfixkil mill-Isqfijiet u mill-Imperatur[immodifika | immodifika s-sors]

Ġwanni ried jagħmel riforma kbira fil-kleru ta’ Kostantinopli, imma b’hekk għamel ħafna għedewwa fost il-kleru. Min-naħa l-oħra ma setax jadatta ruħu għall-ambjent imperjali, hekk li wasal biex ikkritika lill-Qorti Imperjali għall-gula u ż-żina bla lġiem.

Sas-sena 399, it-tmexxija tal-Imperu ta’ Kostantinopli kienet f’idejn Ewtropju, Kunsillier u Segretarju tal-Imperatur Arkadju. Ewtropju ma kienx jinqala’ biex imexxi l-Imperu għax kellu karattru beżżiegħi ħafna. Sa dan iż-żmien San Ġwann Krisostmu kien għad għandu l-istima tal-Qorti Imperjali. Imma meta Ewtropju tilef it-tmexxija, u l-awtorita’ għaddiet f’idejn l-Imperatriċi Ewdossja din ħassitha offiża bi kliem Ġwanni. U hekk Ġwanni tilef il-ħbiberija mal-Qorti Imperjali.

Eżilju u Mewt[immodifika | immodifika s-sors]

L-imperatur Arkadju ġiegħel lil Ġwanni biex jikkonsagra lil Teofilu ta’ Lixandra Isqof li dan ta’ aħħar aktar ’il quddiem, lil Ġwanni għamillu ħafna ħsara. Ġwanni Krisostmu, bħala Patrijarka ta’ Kostantinopli, sejjaħ lil Teofilu biex jieħu sehem f’Sinodu mmexxi minnu stess biex iwieġeb għal xi akkużi li għamlu xi rħieb li kienu jgħixu fid-deżert. Teofilu, akkuża lil Ġwanni, li kien hu l-awtur ta’ dawn l-akkużi, u bl-għajnuna tal-Imperatriċi dawwar din is-sitwazzjoni kontra Ġwanni. Għalhekk, Teofilu sejjaħ laqgħa ta’ 36 Isqof, kollha ġejjin mill-Eġittu, minbarra sebgħa li kienu huma wkoll għedewwa ta’ Ġwanni, u għamlu sinodu għal rashom. Dan is-sinodu beda jissejjaħ is-Sinodu tal-Balluta, - subborg ta’ Kalċedonja. Huma studjaw is-sitwazzjoni kollha, u akkużaw lil Ġwanni fuq 29 akkuża, (kollha kienu foloz). Huma sejħu għal tliet darbiet lil Ġwanni biex jidher quddiem il-‘Qorti Episkopali’, u meta raw li baqa’ jwebbes rasu, neħħewh minn Isqof. Dan seħħ f’Awissu tas-sena 403.

L-Imperatur Arkadju laqa’ s-sentenza u eżilja lil Ġwanni f’Bitinja. Ma damux ma reġgħu sejħulu lura minħabba li f’Kostantinopli seħħu xi terremoti u xi n-nies ta’ Kostantinopli qajmu rewwixta kontra din id-deċiżjoni. L-Imperatriċi beżgħet minn din is-sitwazzjoni, u sejħitlu lura wara ftit. Fir-ritorn tiegħu, Ġwanni kellu laqgħa kbira mill-poplu. Għamel diskors sabiħ fil-knisja tal-Appostli, u x’aktarx l-għada stess, għamel diskors ieħor u faħħar lill-Imperatriċi.

Bilkemm kienu laħqu għaddew xahrejn li Ġwanni Krisostmu ma reġax tilef il-kalma tiegħu. L-okkażjoni kienet il-kxif ta’ statwa tal-fidda ta’ Ewdossja, li tqiegħdet fuq pedestall qrib il-Kattidral. F’diskors li għamel hu kkritika l-indiċenza u ż-żfin li kien hemm bħala parti miċ-ċerimonji tal-okkażjoni. L-imperatriċi mill-ewwel uriet kemm kienet qed tħossha offiża b’dan id-diskors. Ġiet il-festa ta’ San Ġwann Battista, u Ġwanni Krisostmu, beda l-prietka tiegħu b’dan il-kliem: “Hawn hi mill-ġdid Erodijade; hawn hi bintha mill-ġdid għaddejja tiżfen; hawn hi mill-ġdid titlob ras Ġwanni fuq platt” (Socrate, Storia Eccl. 6, 18). L-għedewwa tiegħu fehmu li b’dan il-kliem hu ried jikkritika lill-Imperatriċi. L-Imperatur talab lil Ġwanni biex ma jkomplix jagħmel funzjoniet iżjed fil-knejjes, imma hu ma obdiex. F’lejlet l-Għid tas-sena 404, Ġwanni laqqa’ lill-katekumeni fil-banjijiet ta’ Kostante biex hemm jgħammidhom solennement. Imma ġara li l-funzjoni kellha tieqaf għaliex ġiet armata imperjali u keċċiet lill-fidili ’l barra mill-post, u l-ilma tal-magħmudija tħallat mad-demm. Fid-9 ta’ Ġunju 404, Ġwanni kien eżiljat għat-tieni darba f’Cucuso fl-Armenja t’Isfel, u baqa’ hemm tliet snin. Billi l-fidili tiegħu marru jżuruh hemm, Arkadju eżiljah f’Pizio, fil-Baħar Caucasu. Ġwanni ma felaħx aktar u miet fil-vjaġġ fl-14 ta’ Settembru 407 f’Comana tal-Pontu qabel ma wasal f’Pizjo.

Kitbiet[immodifika | immodifika s-sors]

Ix-xogħlijiet tiegħu jinqasmu fi tlieta:

  1. Il-Prietki li jinqasmu f’sitt kategoriji : (i) Omeliji Eseġetiċi; (ii) Omeliji Dommatiċi u Polemiċi; (iii) Diskorsi Morali; (iv) Priedki għall-Festi Liturġiċi; (v) Paneġierċi; u (vi) Diskorsi taċ-ċirkustanza.
  2. It-Trattati li jinqasmu f’sitta : (i) Is-Saċerdozju; (ii) Il-ħajja Monastika; (iii) Il-Verġinita’ u l-istat tar-romol; (iv) l-Edukazzjoni tal-ulied; (v) It-tbatija, (vi) kontra l-pagani u l-Lhud.
  3. L-Ittri.

Fost Missirijiet il-Knisja ta’ Antijokja, San Ġwann Krisostmu hu l-uniku wieħed li għandna x-xogħol tiegħu kollu, forsi minħabba l-isem kbir tiegħu, t-tbatijiet li ġarrab, is-sbuħija tal-kitba tiegħu, u d-duttrina tajba li għallem. Dan jixhdu l-istess titlu li tawh fis-sitt seklu, - Krisostmu - li ifisser ‘Fommu tad-deheb’, ħafna drabi dan ħa post l-istess ismu. Fil-Knisja tal-Punent hu biss Santu Wistin li jħabbatha miegħu, għall-fama ta’ oratur kbir.

Il-Prietki[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-prietki tiegħu jidher bħala tabib tal-erwieħ: minn banda jagħraf id-dgħufija tagħhom u mill-oħra jagħti d-duwa meħtieġa. Hu ġieli dam sagħtejn fi prietka waħda, imma xorta waħda kien jibqa’ jilqa’ ċ-ċapċip tal-fidili fil-knisja.

(i) Omeliji eseġetiċi

San Ġwann Krisostmu għamel l-eseġesi ta’ ħafna testi mit-Testment il-Qadim u mit-Testment il-Ġdid. Dawn għamel il-parti l-kbira tagħhom f’Antijokja bejn is-snin 386 u 397 meta kien għadu qassis sempliċi. Fittex ifiehem is-sens spiritwali tal-Bibbja u l-applikazzjoni prattika għall-fidili tiegħu. Forsi xi priedki ta’ din l-epoka kienu miktuba biss u mhux pridkati.

Hemm żewġ sensiliet ta’ omeliji dwar il-Ġenesi : (a) sensiela ta’ disgħa, ippridkati fis-sena 386 rigward l-ewwel 3 kapitli tal-Ġenesi u (b) it-tieni sensiela ta’ 67 omelija li jinterpretaw il-ktieb tal-Ġenesi silta wara l-oħra, kitba tas-sena 388.

Hemm omeliji dwar is-Salmi: 58 salm magħżula. Din l-antoloġija ġieli nsibuha taħt l-isem ‘Interpretazzjonijiet’ u mhux taħt dak ta’ ‘Omeliji u għalhekk forsi ma kinux ippridkati, imma miktuba biss.

Hemm sitt omeliji dwar Isaija li għadhom jeżistu fl-oriġinal Grieg. Xi siltiet minnhom saru f’Antijokja u xi siltiet oħra saru f’Kostantinopli. Jeżisti wkoll Kummentarju sħiħ dwar Isaija fi traduzzjoni Armena, u jidher li hu awtentiku.

San Ġwann Krisostmu għamel 44 omelija dwar l-ewwel Ittra lill-Korintin u 30 waħda dwar it-Tieni Ittra. Għamilhom f’Antijokja qabel is-sena 397. Xi wħud huma importanti għall-istorja tar-rit tal-magħmudija. Isemmu l-formula tal-istqarrija tal-fidi li kienu jgħidu qabel ma jinżlu fil-battisteru. Dan is-simbolu kellu l-artiklu tal-fidi: “u fil-maħfra tad-dnubiet, u fil-qawmien mill-mewt, u fil-ħajja ta’ dejjem.” Kiteb ukoll tlett omeliji dwar I Kor 7, 1, omelija waħda dwar I Kor 15,26, u tlett omeliji dwar it-2 Kor: 4,13.

Permezz ta’ sensiela ta’ omeliji li għamel f’Antijikja qabel is-sena 397 u kiteb kummentarju dwar l-ittra ta’ San Pawl lill-Galatin. Għamel ukoll 24 omelija dwar l-Ittra lill-Efesin f’Antijokja qabel is-sena 397. L-omelija 20 għandha importanza kbira għaliex fiha San Ġwann jitkellem dwar iż-żwieġ nisrani u fiha jagħti għamla ta’ kodiċi morali għall-użu tal-miżżewġin. San Ġwann għamel 15-il omelija dwar l-Ittra lill-Filippin wara li sar Isqof f’Kostantinopli. Hu jiddefendi d-duttrina kattolika tal-Inkarnazzjoni, jitkellem dwar id-divinita’ perfetta u l-umanita’ perfetta bir-ruħ u l-ġisem.

Madwar is-sena 440, meta kien diġa’ f’Konstantinopli għamel tnax-il omelija dwar l-Ittra lill-Kolossin. Hawn jsemmi diversi temi bħal ma huma l-interess Kristoloġiku, il-limitatezza tar-raġuni umana, il-ħidma ta’ grazzja u kliem aħrax kontra l-abbużi li kienu jsiru waqt l-ikla tat-tieġ.

San Ġwann għamel ħdax-il omelija fuq l-ewwel ittra u ħames omeliji dwar it-tieni ittra lit-Tessalonkin. Dawn għamilhom meta kien ġa Isqof f’Kostantinopli. Għamel tmintax-il omelija dwar l-ewwel Ittra lil Timotju, 10 omeliji dwar it-tieni ittra lil Timotju, sitt omeliji dwar l-ittra lil Titu, u tlett omeliji dwar l-Ittra lil Filemon. Dawn kollha għamilhom f’Antijokja qabel is-sena 397.

San Ġwann għamel 34 omelija dwar l-ittra lil-Lhud meta kien Isqof fl-ewwel sena tal-episkopat tiegħu f’Kostantinopli fis-sena 403-404. B’hekk il-Kristostmu ħallielna mal-250 omelija fuq l-Ittri ta’ San Pawl.

(ii) Omeliji Dommatiċi u Polemiċi

San Ġwann kiteb żewġ sensiliet ta’ omeliji dwar il-fatt li aħna ma nistgħux nifhmu lil Alla. Fl-ewwel sensiela jeħodha kontra l-fehma tal-Anomej li kienu jiffurmaw il-partit estrem tal-Arjaniżmu, u kienu jgħallmu li aħna nistgħu nifhmu ’l Alla bl-istess mod kif hu jifhem lilu nnifsu. San Ġwann saħaq ukoll fuq li l-Iben għandu l-istess natura divina tal-Missier, u li hu ugwali għalih. Saru f’Kostantinopli dwar is-snin 386-387 u fis-sena 397 wara li sar Isqof.

Għamel erba’ omeliji dwar il-Magħmudija meta kien għadu qassis f’Antijokja, x’aktarx fis-sena 388. Għamel ukoll seba’ omeliji oħra fuq il-Magħmudija wara s-sena 388.

Għamel tmien omeliji kontra l-Lhud meta kien għadu f’Antijokja fis-sena 386-387. Kienu diretti kontra l-Insara Ġudeo-Kristjani li minn banda kienu jmorru jisimgħu lilu u mill-oħra kienu jmorru fis-sinagogi Lhud billi kienu miġbuda mis-sħarijiet u mill-amuleti li kienu komuni fost il-Lhud tal-klassijiet inferjuri. (Hom. 3)

(iii) Id-Diskorsi Morali ta’ San Ġwann Krisostmu

Biex l-Insara jgħixu ħajja tassew nisranija San Ġwann għamel id-Diskorsi Morali għalkemm kien tkellem fuq dan is-suġġett f’omeliji oħra. }adha kontra l-gula, is-superstizzjonijiet li kien hemm dwar il-Festa tal-Ewwel tas-Sena, il-logħob taċ-ċirku, it-tiġrijiet bil-karrettuni nhar il-Ġimgħa l-Kbira, u l-ispettakli fit-teatru nhar Sibt il-Għid. L-Insara kellhom jgħinu lill-fqar li f’Kostantinopli kien hemm madwar ħamsin elf foqra bejn insara u mhumiex. Insara kienu jgħoddu madwar 100,000.

(iv) Priedki għall-festi liturġiċi

Fid-diskors li għamel fil-25 ta’ Diċembru 386, San Ġwann sostna li l-Milied beda jsir fil-25 ta’ Diċembru f’Antijokja fl-għaxar snin ta’ qabel. Għamel diskorsi oħra fuq il-Milied, il-Magħmudija ta’ Kristu u l-Epifanija, tliet diskorsi għall-Ġimgħa l-Kbira u tnejn oħra għall-Għid il-Kbir, ieħor għat-Tlugħ ta’ Ġesu’ fis-Sema u tnejn dwar Għid il-}amsin.

(v) Paneġierċi

San Ġwann għamel ħafna paneġierċi fuq qaddisin tat-Testment il-Qadim, fuq ħafna martri, fuq Isqfijiet qaddisa ta’ Antijokja u fuq San Pawl li lejh kellu ammirazzjoni kbira.

(vi) Diskorsi taċ-ċirkustanza

San Ġwann għamel diskors fl-okkażjoni tal-ordinazzjoni saċerdotali, fil-bidu tas-sena 386. Hu rringrazzja lil Alla li tah id-don tal-kelma. Radd ħajr lill-Isqof Flavjanu li ordnah, u talab lill-poplu preżenti biex jitolbu għalih ħalli jkun saċerdot tajjeb.

Għamel 21 omelija dwar l-Istatwi. L-istatwi tal-Imperatur Teodosju u tal-familja tiegħu kienu mġarrfin waqt irvell li qam f’Antijokja fis-sena 387 minħabba li daħlet taxxa li kienet meqjusa bħala esaġerata fuq il-popolazzjoni. Teodosju kien ħaseb li jibgħat armata sħiħa ħalli teqred il-popolazzjoni tal-belt kollha. Flavjanu, l-Isqof ta’ Antijokja, beda vjaġġ bil-ħsieb li jmur Kostantinopli ħalli jitlob il-ħniena tal-Imperatur. Kien dan iż-żmien li San Ġwann għamel dawn l-omeliji bil-ħsieb li jimla n-nies bil-kalma u fl-istess ħin jissewwew ħafna vizzji komuni. Fl-aħħar diskors ħabbar lill-poplu li l-Isqof Flavjanu kien qala’ mingħand l-Imperatur il-maħfra ġenerali.

San Ġwann għamel żewġ omeliji dwar Ewtropju. Fil-bidu tas-sena 399, Ewtropju, kunsillier u segretarju tal-Imperatur Arkadju, tneħħa mill-uffiċċji doppji tiegħu, u ħarab mill-mewt billi staħba malajr fil-knisja fejn kien jipprietka San Ġwann Krisostmu. Fil-Ħadd ta’ wara, is-17 ta’ Jannar, 399, waqt li Ewtropju kien imqabbad mal-artal, San Ġwann għamel omelija fuq it-test bibliku: ‘Frugħa tal-frugħat u kollox frugħa’, u bħala eżempju semma l-waqgħa ta’ Ewtropju. Ftit jiem wara Ewtropju ħalla l-knisja u ġie eżiljat f’Ċipru. San Ġwann għamel omelija oħra fuq is-suġġett u ċaħad ix-xniegħa li kienet ġriet li l-Knisja kienet tat lil Ewtropju f’idejn l-istat.

San Ġwann Krisostmu għamel diskors lejlet l-ewwel eżilju tiegħu u ieħor l-għada wara li reġa’ lura. Fl-ewwel wieħed ikkalma l-poplu għax il-Knisja ma tkun qatt mirbuħa. Ir-ras ma tistax tkun mifruda mill-membri l-oħra. Fit-tieni diskors radd ħajr lill-poplu li baqa’ fidil lejh. Radd il-ħajr lill-Knisja li waqfet kontra kull min ried iqarraq bih fl-assenza tiegħu.

It-Trattati[immodifika | immodifika s-sors]

Dwar is-Saċerdozju San Ġwann kiteb sitt kotba f’għamla ta’ djalogu bejnu u bejn il-ħabib tiegħu Bażilju, li jidher li hu isem fittizju.

Dwar il-Ħajja Monastika San Ġwann kiteb diversi trattati biex iħajjar għaliha u jiddefendiha.

Dwar il-Verġinita’ u l-istat ta’ romol San Ġwann kiteb trattat biex jinterpreta dettaljatament l-ewwel ittra lill-Korintin Kap 7, vers 38, fejn San Pawl jgħid li ż-żwieġ hu tajjeb, imma l-verġinita’ hi aħjar. It-trattat L-armla żagħżugħa, miktub qrib is-sena 380, San Ġwann kitibha sabiex isabbar lil waħda armla żagħżugħa minħabba t-telfa tar-raġel tagħha Terasju. Fit-trattat dwar Li ma jerġax isir iż-żwieġ San Ġwann iħajjar ir-romol biex jibqgħu kif inhuma, u ma jerġgħux jippruvaw jiżżewġu. Inkiteb qrib is-sena 380.

Dwar l-edukazzjoni tal-ulied San Ġwann kiteb dwar Il-vanaglorja u l-edukazzjoni tal-ulied sabiex jitkellem dwar il-vizzji ewlenin ta’ Antijokja, jiġifieri ż-żina u l-ħajja mtajra, u kemm dwar l-edukazzjoni tal-ġenituri biex ikunu jafu kif irabbu sewwa ’l uliedhom.

Meta kien għadu djaknu, San Ġwann kiteb tliet kotba bit-titlu Lil Staġirju mħabbat mix-xitan sabiex isabbar lill-ħabib tiegħu patri li kien għaddej minn kriżi ta’ skoraġġiment. Jgħidlu li fit-taħbit tidher ukoll l-id tal-Providenza fl-ewwel ktieb. Fit-tieni u t-tielet ktieb wera l-istorja tat-tbatija minn Adam sa San Pawl: il-ħbieb ta’ Alla kollha jgħaddu mill-prova tat-tbatija.

San Ġwann kiteb ukoll trattat Dwar San Babila kontra Ġuljanu u l-Pagani qrib is-sena 382. Fih juri r-rebħa tar-reliġjon nisranija u t-telfa tal-paganeżmu fl-istorja tal-Isqof Martri Babila ta’ Antijokja li miet fil-persekuzzjoni ta’ Deċju. Ġuljanu li jissemma fit-titlu hu Ġuljanu l-Apostata li fis-sena 362 kien neħħa l-fdalijiet ta’ San Babila mill-buskett ta’ Dafne, qrib Antijokja, ħalli jerġa’ jqajjem fih il-kult qadim ta’ Apollu. Fl-istess sena t-tempju ta’ Dafne ħa n-nar u nqered għal kollox. F’Ġunju 363, Ġuljanu kien megħlub.

San Ġwann kiteb trattat Kontra l-Lhud u l-Pagani fuq il-fatt li Kristu hu tassew Alla u fih jiddefendi d-divinita’ ta’ Kristu mill-profeti tat-Testment il-Qadim u mill-profeziji ta’ Kristu stess.

L-Ittri[immodifika | immodifika s-sors]

Jeżistu 236 ittra kollha marbutin mat-tieni eżilju tiegħu, (404-407) miktubin lil iżjed minn mitt persuna importanti destinatarju. Fihom isemmi s-sabar li ried inissel lid-destinatarji. L-aktar żewġ ittri importanti kienu dawk indirizzati lill-Papa Innoċenz I.


San Ġwann Krisostmu kien oratur kbir, wera bilanċ fl-ideat, u kien missier mimli sabar u mogħdrija. Jispikka fl-istqarrija tiegħu fil-preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija, u minħabba f’hekk li fi żmienu San Ġwann jissejjaħ bit-titlu: ‘Duttur tal-Ewkaristija’. Fil-Lvant hu kkunsidrat l-akbar Duttur Ekumeniku.