Wirt tal-Foresti Tropikali ta' Sumatra
Il-Wirt tal-Foresti Tropikali ta' Sumatra fl-Indoneżja tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[1] Is-sit huwa magħmul minn tliet parks nazzjonali Indoneżjani fuq il-gżira ta' Sumatra: il-Park Nazzjonali ta' Gunung Leuser, il-Park Nazzjonali ta' Kerinci Seblat u l-Park Nazzjonali ta' Bukit Barisan Selatan. Is-sit tqiegħed fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu mill-2011 sabiex jingħelbu t-theddidiet tal-insib, tal-qtugħ tas-siġar illegali, tal-iżvilupp agrikola f'art protetta, u ta' pjanijiet biex jinbnew toroq li jgħaddu minn ġos-sit.[2]
Postijiet u daqs
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Wirt tal-Foresti Tropikali ta' Sumatra huwa magħmul minn tliet parks nazzjonali: il-Park Nazzjonali ta' Gunung Leuser b'erja ta' 8,629.75 km2, il-Park Nazzjonali ta' Kerinci Seblat b'erja ta' 13,753.5 km2 u l-Park Nazzjonali ta' Bukit Barisan Selatan b'erja ta' 3,568 km2. L-erja totali tal-foresti tropikali jammonta għal 25,000 km2. Il-Wirt tal-Foresti Tropikali ta' Sumatra ntgħażel għaliex jirrappreżenta żona sinifikanti ta' foresti fuq il-gżira ta' Sumatra, u minħabba l-bijodiversità tal-foresti fl-art baxxa u fil-muntanji. Din il-gżira li fl-imgħoddi kienet miksija foresti tropikali, fi żmien 50 sena spiċċat għandha biss ftit żoni mwarrbin ta' foresti.
Barra minn hekk, it-tliet parks nazzjonali kollha jinsabu fuq is-sinsla ewlenija magħrufa sew tal-muntanji Bukit Barisan, magħrufa bħala "l-Andes ta' Sumatra", u mad-dawra kollha tagħhom hemm veduti mill-isbaħ. Il-muntanji ta' kull park nazzjonali jirrappreżentaw sfondi muntanjużi importanti għall-artijiet baxxi stabbiliti u żviluppati ta' Sumatra. It-taħlita tal-Lag tal-għaġeb ta' Gunung Tujuh (l-ogħla lag fix-Xlokk tal-Asja) u s-sbuħija tal-vulkan enormi tal-muntanja Kerinci, toħloq kuntrast mal-bosta lagi vulkaniċi, kostali u glaċjali żgħar f'ambjenti forestali naturali.
It-tliet parks nazzjonali għandhom ħabitats varjati ħafna b'bijodiversità straordinarja. It-tliet parks f'daqqa jirrappreżentaw 50 % tal-varjetà ta' pjanti totali f'Sumatra. Mill-inqas 92 speċi komuni lokali ġew rikonoxxuti fil-Park Nazzjonali ta' Gunung Leuser. Barra minn hekk, fil-parks nazzjonali hemm l-ikbar fjura fid-dinja (Rafflesia arnoldi) u l-itwal fjura fid-dinja (Amorphophallus titanum).
Ġeografija u klima
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Gunung Leuser fit-Tramuntana tal-gżira ta' Sumatra għandu tul ta' 150 kilometru u wiesa' iktar minn 100 kilometru; fil-biċċa l-kbira huwa magħmul minn art muntanjuża. 40 % tal-park huwa wieqaf b'altitudni ta' iżjed minn 1,500 metru. 12 % tal-park biss, fin-nofs iktar baxx tan-Nofsinhar, għandu altitudni ta' inqas minn 600 metru, iżda għal 25 kilometru jibqa' nieżel sal-kosta. Ħdax-il quċċata jaqbżu l-2,700 metru u l-ogħla punt hija l-muntanja Leuser li tlaħħaq it-3,466 metru. Iż-żona madwar din il-muntanja hija magħrufa bħala l-Ekosistema tal-muntanja Leuser.
Il-Park Nazzjonali ta' Kerinci Seblat fiċ-ċentru tal-gżira ta' Sumatra jestendi għal 350 kilometru fuq ix-xaqlibiet ta' Bukit Barisan, b'wisa' medja ta' 45 kilometru u b'altitudni ta' 2,000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. In-nofs tat-Tramuntana fiha katina muntanjuża iktar baxxa tal-Lvant, b'altitudni ta' 800–1500 metru. Tliet kwarti tal-park huwa wieqaf. L-ogħla punt u l-ogħla vulkan fl-Indoneżja huwa l-Kerinci, b'altitudni ta' 3,805 metru.
Il-Park Nazzjonali ta' Bukit Barisan Selatan huwa twil 350 kilometru iżda b'wisa' medja ta' 45 kilometru biss. Iż-żewġ terzi fit-Tramuntana għandhom art bil-blat, b'altitudni medja ta' 1,500 metru, u bl-ogħla punt ta' 1,964 metru fil-quċċata tal-muntanja Pulung. In-nofs tan-Nofsinhar għandha art iktar baxxa; 90 kilometru minnhom huma kap u l-park imiss mal-baħar għal nofs it-tul tiegħu. Ħafna mix-xmajjar joriġinaw mill-parks u hemm diversi lagi u fawwariet termali.
Il-muntanji għandhom klima pjuttost simili s-sena kollha, b'temperaturi għoljin li ma tantx jinbidlu wisq, umdità għolja u ħafna xita għal disa' xhur f'ċertu żoni u għal seba' xhur f'oħrajn. Din il-klima ħeġġet l-għadd kbir ta' speċijiet u l-varjetà tal-ispeċijiet. Il-Park Nazzjonali ta' Gunung Leuser ikollu xi 3,000 mm ta' xita fis-sena fit-Tramuntana, u xi 4,657 mm ta' xita fin-Nofsinhar. It-temperaturi jvarjaw bejn 21°C u 28°C, u l-umdità dejjem tkun ogħla minn 60 %, speċjalment f'altitudnijiet ta' iktar minn 1,700 metru. Fil-Park Nazzjonali ta' Kerinci Seblat ix-xita medja li tinżel tlaħħaq l-2,990 mm, it-temperaturi jvarjaw bejn 16°C u 28°C, u l-umdità dejjem tkun għolja (77-90 %). Fil-Park Nazzjonali ta' Bukit Barisan Selatan, il-Punent tiegħu jkollu preċipitazzjoni kbira speċjalment matul il-monsoons ta' Novembru sa Mejju, li tlaħħaq it-3,000 u l-4,000 mm. Il-Lvant huwa iktar niexef, b'2,500–3,000 mm ta' xita, u t-temperaturi jvarjaw bejn between 20°C u 28°C.
Flora u fawna
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Gunung Leuser huwa wkoll parti mit-18-il reġjun Indoneżjan li ġew ikklassifikati mill-Fond Dinji għan-Natura (WWF) fost il-200 ekoreġjun globali ta' importanza għall-preservazzjoni tal-bijodiversità tad-dinja. 174 mammiferu, tlieta minnhom endemiċi, u 21 minnhom elenkati bħala mhedda fis-sena 2000. Ma tantx hemm tagħrif dwar il-mammiferi ż-żgħar. Hemm 380 speċi ta' għasafar, 13 minnhom endemiċi u 52 speċi mhedda. Uħud mill-ispeċijiet importanti huma: l-orangutan, ir-rinoċeront ta' Sumatra, u x-xadina b'denb ta' ħanżir. Fost il-pjanti importanti hemm: ir-Rafflesia arnoldi u l-Amorphophallus titanum, filwaqt li fost id-diversi speċijiet importanti ta' għasafar hemm: iż-żanżarell blu ta' Rueck u l-papra tal-boskijiet bil-ġwienaħ bojod.
Fil-Park Nazzjonali ta' Kerinci Seblat ġew irreġistrati 85 speċi ta' mammiferi, ħamsa minnhom endemiċi u 23 speċi mhedda. Hemm 370 speċi ta' għasafar, 13 minnhom endemiċi u 58 speċi mhedda. Uħud mill-ispeċijiet importanti ta' mammiferi huma: il-leopard tat-tikek tal-Borneo, it-tapir Asjatiku, u r-rinoċeront ta' Sumatra. Il-popolazzjoni ta' tigri ta' Sumatra fil-Park Nazzjonali ta' Kerinci Seblat hija l-ogħla waħda li qatt ġiet irreġistrata, u b'hekk huwa wieħed mit-12-il Pajsaġġ ta' Konservazzjoni tat-Tigri ta' Importanza Globali.[3] Hemm diversi speċijiet importanti ta' għasafar: il-papra tal-boskijiet bil-ġwienaħ bojod u d-daqquqa tal-art ta' Sumatra. Fost l-ispeċijiet importanti ta' pjanti hemm: il-Hopea beccariana u x-Shorea ovalis ssp. seicea.
Fil-Park Nazzjonali ta' Bukit Barisan Selatan ġew irreġistrati 98 speċi ta' mammiferi, bi speċi endemika u 25 speċi mhedda. Hemm 379 speċi ta' għasafar, seba' minnhom endemiċi u 58 mhedda. Ġew irreġistrati 59 speċi ta' rettili u ta' anfibji. Il-Park Nazzjonali ta' Bukit Barisan Selatan għandu l-istess speċijiet ta' għasafar bħall-Park Nazzjonali ta' Kerinci Seblat. L-iżjed speċi importanti ta' mammiferu fil-park huwa l-iljunfant ta' Sumatra.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Wirt tal-Foresti Tropikali ta' Sumatra ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004. 2.5 miljun ettaru ta' foresti tropikali ta' Sumatra ġew inklużi minħabba l-bijodiversità rikka u unika tagħhom.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Tropical Rainforest Heritage of Sumatra". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-02.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Danger listing for Indonesia's Tropical Rainforest Heritage of Sumatra". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-02.
- ^ Wibisono, Hariyo T.; Linkie, Matthew; Guillera-Arroita, Gurutzeta; Smith, Joseph A.; Sunarto (2011-11-02). "Population Status of a Cryptic Top Predator: An Island-Wide Assessment of Tigers in Sumatran Rainforests". PLoS ONE. 6 (11): e25931. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna)