Sant’Anġlu ta’ Sqallija

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Sant’Anġlu ta’ Sqallija (ta’ Ġerusalemm), Saċerdot u Martri (Ġerusalemm, 2 ta' Marzu, 1185, Licata, 5 ta' Mejju,1220).

Anġlu kien wieħed mill-ewwel Karmelitani li waslu Sqallija mill-Għolja tal-Karmel. Skond għejjun tradizzjonali ta’ min joqgħod fuqhom, xi infidili qatluh f’Licata fl-ewwel nofs tas-seklu tlettax. Kien mill-ewwel meqjum bħala martri u f’post mewtu ma damitx ma nbniet knisja tal-Karmelitani. Il-qima lejn Sant’Anġlu xterdet ħafna, kemm fl-Ordni Karmelitan u kemm fost il-poplu. Hu meqjum bħala patrun ta’ għadd ta’ mkejjen fi Sqallija fejn sal-lum id-devoti tiegħu għadhom jitolbuh fi ħtigijiethom u jdawwruh b’imħabba u qima. F’Malta għal dan il-qaddis Karmelitan għandna msemmijin il-Forti Sant’Anġlu u kappella fiż-Żejtun.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Anġlu, qaddis u martri li twieled fl-1185 f'Ġerusalemm minn familja ta' Lhud Insara. Wara l-mewt tal-ġenituri Anġlu, flimkien ma ħuh it-tewmi Ġwanni, issieħbu mal-Eremiti Karmelitani li kienu jgħixu fuq l-Għolja tal-Karmelu qirb l-Għajn imsejħa tal-Profeta Elija.

Ta' 26 sena, Anġlu ġie ordnat saċerdot u ftit snin wara jingħad li ntbagħat Ruma flimkien ma' Karmelitani oħra biex jitlob mill-Papa Onorju III il-konferma tar-Regola li l-Karmelitani rċevew mingħand Albertu, il-Patrijarka ta’ Ġerusalemm. Kien mogħti din il-missjoni minħabba li l-Konċilju Lateran fl-1215 qatgħaha li fil-Knisja ma kenux se jiġu magħrufa aktar regoli għal Ordnijiet Reliġjużi ġodda. Minn dik id-data 'il quddiem Ordnijiet Reliġjużi ġodda kellhom jadottaw xi waħda mir-Reġuli l-Kbar tal-Ħajja Reliġjuża. Infatti r-Regola Karmelitana, għalkemm ma kenitx għadha approvata mill-Knisja, kienet diġà' teżisti qabel dan id-digriet tal-Konċilju Lateran. Fil-fatt il-Papa Onorju III aċċetta r-Regola Karmelitana u approvaha fl-1226.

Sant'Anglu kien magħruf għall-predikazzjoni u kellu wkoll id-don tal-fejqan. Minħabba f'hekk kien predikatur u tawmaturgu imfittex ħafna. Matul iż-żjara tiegħu f’Ruma ħafna ndunaw bil-kapaċitajiet u l-qdusija t’Anġlu. Għalhekk intbagħat fi Sqallija biex jippriedka kontra t-tagħlim qarrieq tal-Katari. F’Licata (Agrigento), fl-1220 Anġlu ltaqa’ ma’ ċertu Berengarju, li kien Kataru u kien qed jgħix ma' oħtu bħallikieku kienet martu. Anġlu fittex li jipperswadi lil dan Berengarju biex idur mill-erezija, u jikkonverti. Wara li Anġlu rnexxielu jikkonverti lil oħt Berengarju, dan tal-aħħar imqanqal mill-korla ħebb għall-qaddis li kien qed jippriedka fil-knisja ta’ San Filippu u San Ġakbu, darbu b'ħames daqqiet ta’ stallett. Midrub kif kien Anġlu miet erbat'ijiem wara, jaħfer lil dak li kien ħebb għalih.

Sant'Anġlu huwa meqjum Martri fl-Ordni Karmelitan u meqjus bħala Missier (Pater Ordinis) flimkien ma' San Albert ta' Trapani. Il-festa tiegħu tiġi ċċelebrata nhar il-5 ta' Mejju

Ħoloq Oħra[immodifika | immodifika s-sors]