Aqbeż għall-kontentut

Qalhat

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Mawżolew Bibi Maryam

Qalhat (bl-Għarbi: قلهات‎) huwa isem belt antika li tinsab ftit iktar minn 20 kilometru fit-Tramuntana tar-raħal kostali ta' Sur, fir-Reġjun ta' Ash Sharqiyah fil-Grigal tal-Oman. Fil-mappa ta' Abraham Ortelius kienet imniżżla bħala Calha. Illum il-ġurnata, biswit il-belt antika, hemm raħal portwali żgħir u modern fejn hemm ukoll terminal tal-gass naturali likwifikat (LNG).[1]

Qalhat hija marbuta mal-istorja tar-Renju/tal-Imperu ta' Hormuz, belt u stat antik pjuttost mhux magħruf li fl-antik kienet qisha d-Dubai ta' llum il-ġurnata fl-Emirati Għarab Magħquda. Ir-Renju kien jikkontrolla l-iStrett ta' Hormuz bejn is-seklu 10 u s-seklu 17. Qalhat ġiet żviluppata tul il-kosta tal-Oman bħala belt sekondarja biex ikunu jistgħu jiġu kkontrollati ż-żewġ naħat tad-daħla fil-Golf tal-Persja.

Marco Polo żar il-belt antika ta' Qalhat fis-seklu 13 u rrefera għaliha bħala Calatu. Ibn Battuta żar il-belt antika fis-seklu 14 u kiteb li kellha "l-aqwa bażaars u waħda mill-isbaħ moskej". Barra minn hekk, kiteb li l-moskea kienet mibnija minn Bibi Maryam u kellha ħitan bil-qashani, arti dekorattiva tal-Persja. Bibi Maryam kienet il-mara ta' Baha al-Din, is-suċċessur ta' Ahmad al-Qusi al-Qalhati, il-fundatur tal-Imperu ta' Hormuz. Peress li bniet mawżolew għar-raġel tagħha wara mewtu, l-isem tal-mawżolew baqa' magħruf bħala Mawżolew Bibi Maryam u huwa wieħed mill-ftit binjiet monumentali li għadhom jeżistu, anke jekk f'qagħda mwiegħra u bil-koppla nofsha mwaqqa'. Minbarra l-mawżolew u l-moskea, hemm il-fdalijiet tal-ħitan tal-ġebel u tal-qroll li kienu jintużaw bħala fortifikazzjonijiet mad-dawra tal-belt antika, il-pedamenti u l-madum ta' xi djar residenzjali u gabbani tal-ħaddiema tas-sengħa, kif ukoll nekropoli u oqbra b'tinqix bil-kalligrafija Għarbija.[2]

Bibi Maryam kompliet tmexxi l-belt antika ta' Qalhat u r-Renju ta' Hormuz wara li r-raġel tagħha miet fl-1311-12.[3]

Zheng żar il-belt fis-seklu 15 u rrefera għaliha bħala 加剌哈 (bil-Mandarin: jia-la-ha; bil-Kantoniż: gaa-laat-haa).[4]

Ir-rikkezzi tal-belt antika ġew misruqa mill-Portugiżi fl-1507 u l-belt kważi nqerdet għalkollox minħabba terremot fl-aħħar tas-seklu 15. Fil-fatt, xi studji ġeoarkeoloġiċi li saru mill-Università ta' Bonn ħarġu fid-dieher li l-belt antika kienet inbniet fuq il-qasma sismoloġika ta' Qalhat.

Qalhat kienet waqfa importanti fin-network kummerċjali usa' fl-Oċean Indjan, fejn kienet tgawdi ferm mill-kummerċ bejn il-Persja u ċ-Ċina, u kienet l-ewwel belt kapitali tal-Oman. Sal-1507, meta nħakmet minn Afonso de Albuquerque f'isem l-Imperu Portugiż, il-belt kienet diġà qabdet it-triq tan-niżla peress il-belt kapitali saret Muscat u l-kummerċ (u l-ġid li kien jiġi miegħu) beda jsir minn hemm.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-mawżolew, tan-nekropoli u tal-ħitan ta' Qalhat

Qalhat ġiet imniżżla fil-Lista Indikattiva tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-4 ta' Lulju 1988 u ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-2018.[5] Il-belt antika ta' Qalhat ġiet meqjusa li għandha valur straordinarju universali abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ", ladarba Qalhat kienet tirrappreżenta l-interskambju kulturali u kummerċjali ta' valuri fi żmien l-Imperu ta' Hormuz, li kien estiż sal-Indja u saħansitra saċ-Ċina u sax-Xlokk tal-Asja. Is-sit arkeoloġiku ta' Qalhat jipprovdi evidenza fiżika ta' dawn l-interskambji fil-fdalijiet tal-monumenti li kienu jservu bħala referenza fil-ġrajjiet ta' vjaġġaturi storiċi; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet", ladarba Qalhat hija xhieda unika tal-Imperu ta' Hormuz.[5]

  1. ^ ""Gas Media Releases". Arkivjat 26-02-2012". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-02-26. Miġbur 2021-02-28. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  2. ^ a b "Mausoleum of Bibi Maryam at Qalhat". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-05-05. Miġbur 2021-02-28. Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |opra= u |aċċess= (għajnuna)
  3. ^ Battutah, Ibn (2002). The Travels of Ibn Battutah. London: Picador. pp. 96–98, 308. ISBN 9780330418799.
  4. ^ 向, 達 (1961). 鄭和航海圖. 北京: 中華書局.
  5. ^ a b UNESCO World Heritage Centre. "Ancient City of Qalhat" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |opra= u |aċċess= (għajnuna)