Petroglifiċi tal-Lag ta' Onega u l-Baħar Abjad
Il-Petroglifiċi tal-Lag ta' Onega u l-Baħar Abjad huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fir-Repubblika ta' Karelja, ir-Russja, li tniżżel fit-28 ta' Lulju 2021.[1] Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huwa magħmul minn 33 sit ta' petroglifiċi (tinqix fil-blat) miġbura f'żewġ gruppi.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]It-tinqix fuq il-blat sar bejn 7 sa 4 millenji ilu u jagħti ħjiel dwar il-ħajja tal-kulturi Neolitiċi tal-Fenno-Skandinavja.
Il-grupp tal-Lag ta' Onega, fid-Distrett ta' Pudozhsky, fih 22 sit bit-tinqix fuq il-blat b'iktar minn 1,200 figura. Fil-biċċa l-kbira huma figuri ta' għasafar, annimali, nofs bnedmin u nofs annimali, kif ukoll għamliet ġeometriċi li x'aktarx jirrappreżentaw il-Qamar u x-Xemx. Wieħed mill-iżjed siti magħrufa jinsab fil-Kap ta' Besov Nos.
Il-grupp tal-Baħar l-Abjad, fid-Distrett ta' Belomorsky, fih 11-il sit bit-tinqix fuq il-blat b'iktar minn 3,400 figura. Skont id-Delegazzjoni Permanenti tal-Federazzjoni Russa tal-UNESCO, dawn huma allinjati b'mod ċar lejn il-kaċċa u spiss juru l-kaċċatur innifsu. Barra minn hekk, juru wkoll xeni ta' dgħajjes tat-tbaħħir, kif ukoll għodod tal-kaċċa u tax-xogħol, u impronti tal-annimali u tal-bnedmin.[3]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Petroglifiċi tal-Lag ta' Onega u l-Baħar Abjad ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Petroglyphs of Lake Onega and the White Sea". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-05-02.
- ^ "UNESCO recognition of Karelia's petroglyphs shows Russia is a cultural center - ministry". TASS. Miġbur 2024-05-02.
- ^ Hays, Jeffrey. "NORTHERN KARELIA: THE WHITE SEA, VAST FORESTS AND PETROGLYPHS | Facts and Details". factsanddetails.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-05-02.