Park ta' Maloti-Drakensberg
Il-Park ta' Maloti-Drakensberg huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġie stabbilit fil-11 ta' Ġunju 2001. Huwa magħmul minn żewġ komponenti: il-Park Nazzjonali ta' Sehlabathebe fir-Renju ta' Lesoto u l-Park ta' uKhahlamba Drakensberg f'KwaZulu-Natal, l-Afrika t'Isfel. L-ogħla quċċata hi dik ta' Thaba Ntlenyana f'għoli ta' 3,482 metru.[1]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Estensjonijiet proposti għall-komponenti prinċipali ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinkludu l-Park Nazzjonali tal-Artijiet Għoljin ta' Golden Gate, ir-Riżerva Naturali tad-Diga ta' Sterkfontein (Stat Ħieles) u l-Park Nazzjonali Rjali ta' Natal (KwaZulu-Natal) fl-Afrika t'Isfel; kif ukoll ir-Riżerva Naturali ta' Bokong u l-Park Nazzjonali ta' Ts'ehlanyane fil-Lesoto.
Il-park jinsab fil-Muntanji ta' Drakensberg li jiffurmaw l-ogħla żoni fis-sottoreġjun, u jsostni ekosistemi muntanjużi u subalpini uniċi. Dawn l-ekosistemi jħaddnu bijodiversità ta' pjanti u ta' annimali sinifikanti globalment, b'ħabitats uniċi u b'livelli għoljin ta' endemiżmu. Il-park jospita wkoll l-ikbar gallerija tal-arti fuq il-blat fid-dinja, b'mijiet ta' siti u b'bosta eluf ta' xbihat impittra mill-membri tal-poplu San.
Iż-Żona Transfruntiera ta' Konservazzjoni u ta' Żvilupp ta' Maloti-Drakensberg tnisslet bħala park tal-paċi, u tkopri madwar 8,113-il kilometru kwadru ta' art, b'5,170 kilometru kwadru (64 %) ta' art fil-Lesoto u b'2,943 kilometru kwadru (36 %) f'KwaZulu-Natal.[2]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park ta' Maloti-Drakensberg ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000 u ġie estiż fl-2013.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[3]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Dokument tan-nomina bħala sit indikattiv. p. 7" (PDF).
- ^ "ArcGIS Web Application". dffeportal.environment.gov.za. Miġbur 2024-01-18.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Maloti-Drakensberg Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-18.