Minjiera tal-Faħam ta' Ombilin
Il-Minjiera tal-Faħam ta' Ombilin (li qabel kienet magħrufa bħala PT Tambang Batubara Ombilin (TBO)) hija minjiera tal-faħam qrib Sawahlunto, il-Punent ta' Sumatra, l-Indoneżja. Tinsab f'wied dejjaq tul il-muntanji ta' Bukit Barisan, fost l-għoljiet ta' Polan, Pari, u Mato, bejn wieħed u ieħor 70 kilometru (43 mil) fil-Grigal ta' Padang. Il-faħam ġie skopert f'nofs is-seklu 19 minn Willem Hendrik de Greve, u l-estrazzjoni bdiet fl-inħawi fl-1876. Il-minjiera hija l-eqdem minjiera tal-faħam fix-Xlokk tal-Asja.[1][2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-inġinier Olandiż Willem Hendrik de Greve skopra l-faħam hawnhekk fl-1868. L-estrazzjoni bdiet f'foss fil-beraħ fl-1892 wara l-kostruzzjoni ta' linja ferrovjarja. Fil-perjodu ta' qabel l-indipendenza, il-produzzjoni tal-faħam laħqet il-qofol tagħha fl-1930, b'iktar minn 620,000 tunnellata fis-sena. Il-priġunieri jew il-Kettingganger (li bl-Olandiż tfisser nies bil-ktajjen) minn Ġava u minn Sumatra li ġew ittrasportati lejn il-minjiera b'saqajhom, b'idejhom u b'għonqhom bil-ktajjen, kienu l-minaturi prinċipali. Il-produzzjoni tal-faħam issodisfat 90 fil-mija tal-ħtiġijiet enerġetiċi tal-Indji tal-Lvant Olandiżi.
Fl-1942-1945, il-minjiera ġiet ikkontrollata mill-Ġappun, u qabdet it-triq tan-niżla. Mill-1945 sal-1958, il-minjiera ġiet ġestita mid-Direttorat tal-estrazzjoni u fl-1958-1968 ġiet ġestita mill-uffiċċju tal-kumpaniji statali tal-estrazzjoni. Fl-1968 saret l-unità tal-produzzjoni ta' Ombilin tal-kumpanija statali tal-estrazzjoni tal-faħam. Il-produzzjoni laħqet il-qofol tagħha fl-1976 b'1,201,846 tunnellata fis-sena.
Sal-2002 il-minjiera operat bħala foss fil-beraħ. Wara l-2002 baqgħet topera l-minjiera taħt l-art biss. Dan l-aħħar, is-CNTIC investiet $100 miljun fil-minjiera. Sal-2008, ġie stmat li l-minjiera kellha riżerva ta' madwar 90.3 miljun tunnellata ta' faħam tal-kokk, li minnhom setgħu jiġu estratti 43 miljun tunnellata. Is-sjieda tal-minjiera kienet f'idejn PT Tambang Batubara Bukit Asam (PTBA) u kienet tiġi operata mill-Korporazzjoni Nazzjonali tal-Importazzjoni u tal-Esportazzjoni tat-Teknoloġija taċ-Ċina (CNTIC).[3] Il-minjiera kienet tipproduċi madwar 500,000 tunnellata ta' faħam fis-sena.[4] Mill-2019, il-kumpanija tal-minjiera tal-faħam PT Bukit Asam waqfet l-operazzjonijiet kollha fil-minjiera tal-faħam ta' Ombilin.
Attrazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-inħawi tal-minjiera għadhom iwasslu benefiċċji lir-residenti lokali permezz tar-riforestazzjoni u l-konverżjoni f'destinazzjoni turistika. Foss b'manutenzjoni tajba u b'biżżejjed dawl u arja jattira lit-turisti lokali u barranin, l-iktar mill-Malażja u minn Singapore. Il-Mużew tal-Estrazzjoni tal-Faħam ta' Ombilin fil-Kumpless tal-Minjiera tal-Faħam ta' Ombilin jippreżenta l-istorja tal-kumpanija u l-għodod li kienu jintużaw għall-estrazzjoni. Relitti oriġinali bħall-mina ta' Mbah Soero, l-abitazzjonijiet tal-ħaddiema u tal-minaturi (Tangsi Baru u l-Art bl-Għelieqi), l-impjanti tal-iffiltrar tal-faħam, il-fabbriki tul il-linji ferrovjarji, l-uffiċċji tal-gvern, l-insedjamenti, u l-binja tal-gvern muniċipali ġew ippreservati. Is-sit tal-estrazzjoni ġie ttrasformat f'żu b'lag u mogħdija għall-irkib fuq iż-żwiemel.[5]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Wirt tal-Estrazzjoni tal-Faħam ta' Ombilin f'Sawahlunto ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[6]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[6]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Media, Kompas Cyber (2019-07-07). "8 Fakta Tambang Batubara Ombilin Sawahlunto yang Baru Jadi Warisan Dunia". KOMPAS.com (bl-Indoneżjan). Miġbur 2023-10-17.
- ^ antaranews.com. "Ombilin coal mine makes it into UNESCO World Heritage list". Antara News. Miġbur 2023-10-17.
- ^ "B-Inside" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2015-01-04. Miġbur 2023-10-18.
- ^ Post, The Jakarta. "From COAL MINE to tourist spot". The Jakarta Post (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-18.
- ^ Post, The Jakarta. "What to know about the Ombilin coal mine in Sawahlunto". The Jakarta Post (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-18.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Ombilin Coal Mining Heritage of Sawahlunto". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-17.