Aramajk ta' Ġesù
Ġeneralment l-istudjużi jaqblu li Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu jitkellmu bl- Aramajk, l-ilsien komuni tal- Palestina fl-ewwel seklu WK, x’aktarx djalett Galilew differenti minn dak ta’ Ġerusalemm.[1]
Sfond kulturali u lingwistiku
[immodifika | immodifika s-sors]L-Aramajk kien l-ilsien komuni tal-Mediterran tal-Lvant matul u wara l-imperu Neo-Assirjan, l-imperu Neo-Babilonjani u l-imperu Akemenid (722 QK – 330 QK) u baqgħet lingwa komuni fir-reġjun fl-ewwel seklu WK. Minkejja li l-importanza tal-Grieg kienet qiegħda tikber, l-użu tal- Aramajk kien ukoll qiegħed jinfirex, u kellu jsir dominanti fost il-Lhud tal- Art Imqaddsa u l-artijiet l-oħra tal- Lvant Nofsani madwar il-200 WK[2] u kellu jibqa’ hekk sal-Konkwista Għarbija fis-seklu 7.
Frażijiet Aramajċi fit-Testment il-Ġdid Grieg
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-Testment il-Ġdid Grieg insibu xi kliem Semitiku trażliterat. Meta t-test stess jirreferi għall-lingwa ta' glossi Semitiċi bħal dawn, juża kelma li tfisser "Ebrajk"/"Lhudi",[3] imma dan it-terminu sikwit jiġi applikat għal kliem u frażijiet li żgur huma bl-Aramajk;[4][5] għal din ir-raġuni, f'traduzzjonijiet riċenti ġie spiss interpretat li jfisser "il-vernakular (Aramajk) tal-lhud".[6] Is-"Semitiżmi" huma prinċipalment kliem attribwit lil Ġesù minn Mark, u forsi għalhekk għandu sinjifikat speċjali.
Hemm minoranza żgħira ħafna li jemmnu li t-Testment il-Ġdid kollu jew fil-parti l-kbira oriġinarjament inkiteb bl-Aramajk. Il-parti l-kbira tal-istudjużi moderni ma jaqblux ma' din il-pożizzjoni. Minflok, il-kunsens fost il-maġġoranza tal-akkademiċi hu li għalkemm x'aktarx ħafna hemm saffi Aramajċi jew materjal ta' nisel Aramajk li jservu bħala sisien ta' xi partijiet tat-Testment il-Ġdid, il-kotba kif nafuhom illum ġew kompilati u redatti bl-ilsien Grieg.
Talitha kum (Ταλιθα κουμ)
[immodifika | immodifika s-sors]Mark 5:41
- Qabdilha idha, u qalilha: "Talitha, kum!" jiġifieri: "Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!"
Dan il-vers jagħti frażi bl-Aramajk, attribwit li Ġesù meta qajjem tfajla mill-mewt, b'trażliterazzjoni bil-Grieg, bħala, ταλιθα κουμ.
Xi manuskritti Griegi (Codex Sinaiticus, Vaticanus) tal-Evanġelju ta' Mark jagħtu din il-forma, imma oħrajn (Codex Alexandrinus, it-test magħruf bħala t-Test Maġġoritarju u l-Vulgata Latina) jagħtu kumi minflok.
L-Aramajk hu ţlīthā qūm. Il-kelma ţlīthā hi l-forma femminili tal-kelma ţlē, li tfisser "żagħżugħ". Qūm bl-Aramajk hi l-istess bħall-Malti Qum. Fl-Imperattiv femminil singulari, kienet oriġinarjament 'qūmī'. Però, hemm xhieda li fl-ilsien mitkellem l-ī tal-aħħar kienet taqa' u ma kienx hemm differenza bejn il-maskil u l-femminil. Allura l-eqdem manuskritti użaw ortografija Griega li timxi mal-pronunzja, waqt li ż-żieda ta' kienet saret minn kopjatur akkademiku ż-żejjed.
Miktuba bl-Aramajk, tista' tkun טליתא קומי jew טלתא קומי.
Effatha (Εφφαθα)
[immodifika | immodifika s-sors]Mark 7:34
- Imbagħad refa' għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: "Effatha?" jiġifieri,"Infetaħ!"
Għal darba oħra. il-kelma Aramajka hi mogħtija f'trażlittazzjoni, imma dil-kelma hi iżjed ikkomplikata. Bil-Grieg, il-kelma Aramajka hi miktuba εφφαθα. Din tista' tkun mill-Aramajk 'ethpthaḥ', l-imperattiv passiv tal-verb 'pthaḥ', 'fetaħ', billi it-'th' tista' tassimila fl-Aramajk tal-Punent. il-'ḥ' gutturali sikwit kienet titħalla barra f'trażlitterazzjonijiet Griegi fis-Septwaġinta u fid-djalett tal-Galilea kienet tiħfif.[7]
Miktuba bl-Aramajk, tista' tkun אתפתח jew אפתח.
Abbà (Αββα)
[immodifika | immodifika s-sors]Mark 14:36
- U qal: "Abbà, Missier, kollox jista' jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int."
Abbà ('abbā) hi kelma Aramajka li daħlet fit-Testment il-Qadim Grieg bħala isem (2Chr 29:1). Din il-kelma hi komuni fil-Lhudi Mixnajk u għadha tintuża fl-Ebrajk modern. [8] fit-test tal-evanġelju warajha eżatt hemm il-kelma bil-Grieg li tfisser l-istess, Πατηρ mingħajr ma jingħad li din traduzzjoni. Il-kliem Abbà, Missier jerġgħu jidhru fl-Ittra lir-Rumani 8:15 u fl-Ittra lill-Galatin 4:6.
Miktuba bl-Aramajk tiġi אבא.
Ta' min jinnota li Barabbas hi l-forma ellenizzata tal-Aramajk Bar Abba (בר אבא), letteralment, "Iben il-Missier".
Raka (Ρακα)
[immodifika | immodifika s-sors]Mattew 5:22
- Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu, 'Raka', ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu, 'Iblah', ikun ħaqqu n-nar ta' l-infern.
Raka, bl-Aramajk jew l-Ebrajk tat-Talmud tfisser ġifa.
Miktuba bl-Aramajk tista' tkun ריקא jew ריקה.
Mammona (Μαμωνας)
[immodifika | immodifika s-sors]Mattew 6:24
- "Ħadd ma jista' jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma' wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-mammona.
Luqa 16:9-13
- U jiena ngħidilkom, agħmlu għalikom infuskom ħbieb tal-mammona tal-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta' dejjem. Min hu fidil f'ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f'ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna. Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-mammona ħażina, min se jafdalkom il-ġid veru? U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f'dak li hu ta' ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom? Ebda qaddej ma jista' jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma' wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-mammona.
Bl-Aramajk tista' tkun ממון jew ממונא(it-tmiem tal-kema bil-Grieg jissuġġerixxi l-istat "enfatiku" tipiku fl-Aramajk). Din il-kelma li oriġinarjament kienet Aramajka, imbagħad daħlet fil-Lhudi rabbinku,[9] imma l-fatt li tidher fil-Lhudi Bibliku tat-tard, u, kif jgħidu xi wħud, fil-Puniku tas-seklu 4, jista' jindika li ġejja mill-"isfond Semitiku komuni".[10]
Fit-Testment il-Ġdid, il-kelma Μαμωνᾶς — Mamōnâs — hi deklinata bħalli kieku kienet kelma Griega, waqt li ħafna mill-kliem Aramajk u Lhudi ieħor jiġi trattat bħala kliem barrani u mhuwiex deklinat.
Rabbuni (Ραββουνει)
[immodifika | immodifika s-sors]Ġwanni 20:16}
- Ġesù sejjħilha: "Marjam!" Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: 'Rabbuni!' jiġifieri Mgħallem.
Ukoll f'Mark 10:51. Il-forma Lhudija rabbi hi użata bħala t-titlu ta' Ġesù f'Mattew 26:25,49; Mark 9:5, 11:21, 14:45; Ġwanni 1:49, 4:31, 6:25, 9:2, 11:8.
Bl-Aramajk tiġi רבוני.
Eli Eli lema sabakthani (Ηλει Ηλει λεμα σαβαχθανει)
[immodifika | immodifika s-sors]Mattew 27:46
- U madwar id-disa' siegħa Ġesù għajjat b'leħen qawwi u qal: "Eli, Eli, lema sabakthani?" Jiġifieri, "Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?"
Mark 15:34
- U fid-disa' siegħa Ġesù għajjat b'leħen qawwi: "Eloî, Eloî, lema sabakthani!", li jfisser: "Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?"
L-għajta ta' Ġesuù mis-salib hi mogħtija f'żewġ verżjonijiet. Il-verżjoni ta' Mattew hi trażlitterata fil-Grieg bħala ηλι ηλι λιμα σαβαχθανει. Il-verżjoni ta' Mark hi ελωι ελωι λιμα σαβαχθανει (Eloî minflok Eli).
Iż-żewġ verżjonijiet jidhru li huma Aramajċi iktar minn Ebrajċi minħabba l- verb שבק (šbq) "telaq" jew "abbanduna" li hu oriġinarjament Aramajk.[8][11] Il-kelma ekwivalenti "pura" fl-Ebrajk Bibliku hi עזב (`zb) tidher fl-ewwel vers ta' Salm 22, li l-għajta ta' Ġesu tidher li qiegħda tikkwota.[12] Mela, Ġesù mhux qiegħed jikkwota l-verżjoni Ebrajka (êlî êlî lâmâ `azabtânî); seta' kien qiegħed jikkwota l-verżjoni f'Targum Aramajk (Targum Aramajċi li baqa' jużaw šbq fit-traduzzjoni ta' Salm 22[13]).
Il-kelma ta' Mark għal "Alla tiegħi", ελωι, żgur tikkorrispondi mal-forma Aramajka אלהי, elāhî. Dik ta' Mattew ηλι, taqbel aħjar ma' אלי tas-salm oriġinai bl-Ebrajk, kif ġie spjegat fil-letteratura; però, tista' tkun ukoll Aramajka, għaliex tidher spiss fl-Aramajk ukoll.[11][14]
Fiż-żewġ rakkonti fil-vers li jmiss, xi wħud li jisimgħu l-għajta ta' Ġesù jaħsbu li qiegħed jitlob l-għajnuna lil Elija (Ēlīyā bl-Aramajk).
Kważi l-manuskritti Griegi antiki kollha jidhru li qegħdin jippruvaw jinnormaizzaw it-test. Pereżempju, il-Codex Bezae li hu naqra stramb jagħti ż-żewġ verżjonijiet bħala ηλι ηλι λαμα ζαφθανι (ēli ēli lama żafthani). Il-familji testwali Alessandrini, Tal-Punent u Ċesarji kollha jagħmlu xi armonizzazzjoni tat-test bejn Matthew u Mark. It-tradizzjoni testwali Biżantina biss iżomm id-distinzjoni.
Bl-Aramajk tista' tkun אלהי אלהי למא שבקתני.
Iota u t-tikka fuq l-"i" (Ἰῶτα ἓν ἢ μία κεραία)
[immodifika | immodifika s-sors]Mattew 5:18
- Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox.
Dawn ifissru dettalji żgħar ħafna. Fit-test Grieg, tradott bil-Malti bħala "l-iżgħar ittra jew tikka", insibu iota u keraia. Iota hi l-iżgħar ittra tal-alfabett Grieg (ι), imma billi l-ittri kapitali biss kienu jintużaw fi żmien it-Testment il-Ġdid Grieg din kienet tinkiteb (Ι), u x'aktarx iota tirrapreżenta l-ittra Aramajka yodh (י) li hi l-iżgħar ittra tal-alfabett Aramajk. Keraia hi ganċ jew serif.
Korban (Κορβαν)
[immodifika | immodifika s-sors]Mattew 27:6
- Imbagħad il-qassisin il-kbar ġabru l-flus minn hemm u qalu: "Dawn ma nistgħux inqegħduhom mal-offerti, għax huma prezz tad-demm."
Bl-Aramajk (קרבנא) tirreferi għat-teżor fit-Tempju ta' Ġerusalemm. Din ġejja mill-Ebrajk Korban (קרבן) li fisser "offerta" u li nsibu f' Mark 7:11 u fis-Septwaġinta (b'trażlitterazzjoni Griega).
Il-kelma Griega κορβανᾶς hi deklinata bħala nom Grieg, bħal eżempji oħra.
Sikera (Σικερα)
[immodifika | immodifika s-sors]Luqa 1:15
- Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej; ma jkun jixrob ebda inbid jew xorb qawwi, u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.
Hosanna (Ὡσαννά)
[immodifika | immodifika s-sors]Mark 11:9
- U kemm dawk li kienu miexja quddiem u kemm dawk li kienu miexja wara, bdew jgħajjtu: Hosanna! Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej!.
Din il-kelma ġejja minn הושע נא. Hi ġeneralment meqjusa li hi kwotazzjoni mis-Salmi 118:25 "Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana!", imma l-forma oriġinali bl-Ebrajk Bibliku kienet הושיעה נא. Il-forma mqassra הושע tista' tkun Aramajka jew Ebrajka.[15][16]
L-ismijiet personali Aramajċi fit-Testment il-Ġdid
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-Testment il-Ġdid insibu ismijiet personali li ġejjin minn għadd ta' lingwi, l-iżjed komuni l-Ebrajk u l-Grieg. Però, hemm numru mhux ħażin ta' ismijiet Aramajċi wkoll. Il-karatteristika l-iżjed prominenti fl-ismijiet Aramajċi hi 'bar' (trażlitterazzjoni Griega βαρ, Aramajk bar), li tfisser 'bin', prefiss patronomiku komuni. L-ekwivalenti Ebrajk hu, 'ben', li ma jidher imkien. Dawn huma fit eżempji:
- Mattew 10:3 — Bartilmew (Βαρθολομαιος, Bartholomais, minn bar-Tôlmay, forsi 'bin ir-raded' jew 'ħarrat').
- Mattew 16:17 — Xmun bin Ġona Simon (Σιμων Βαριωνας, Barionas, minn Šim`ôn bar-Yônâ, 'Simon bin Jona').
- Ġwanni 1:42 — Xmun bin Ġwanni (Simon bar-Jochanan, 'Simon bin Jochanan').
- Mattew 27:16 — Barabba (Βαραββας, Barabbas, minn bar-Abbâ, 'bin il-missier').
- Mark 10:46 — Bartimew (Βαρτιμαιος, Bartimaios, forsi minn kombinazzjoni tal-Aramajk bar u l-Grieg timaios li tfisser 'tal-ġieħ', forsi 'iben tal-ġieħ').
- Atti 1:23 — Ġużeppi msejjaħ Barsaba (Βαρσαββας, Barsabbas, minn bar-Šabbâ, 'bin is-sibt').
- Atti 4:36 — Ġużeppi, minn Ċipru, li l-appostli kienu jsejjħulu Barnaba, jiġifieri bin il-faraġ (Βαρναβας, Barnabas, minn bar-Navâ li tfisser 'bin il-profezija, il-profeta', imma t-traduzzjoni Griega hi υιος παρακλησεως; is-soltu tiġi tradotta bħala 'bin il-faraġ').
- Atti 13:6 — Barjesu (Βαριησους, Bariesous, minn bar-Yêšû`, 'bin Jesu').
Boanerges (Βοανηργες)
[immodifika | immodifika s-sors]Mark 3:17
- U Ġakbu ta' Żebedew, u Ġwanni, ħu Ġakbu, li tahom ukoll l-isem ta' Boanerges, jiġifieri wlied ir-ragħad.
Ġesu, lill-aħwa Ġakbu u Ġwanni tahom laqam li jirrifletti kemm kienu jisħnu malajr. Il-laqam bil-Grieg hu Βοανηργες (Boanērges).
Kien hemm ħafna argumenti fuq dan il-laqam. It-traduzzjoni Griega li tiġi miegħu hi "Ulied ir-ragħad". L-ewwel element hu 'bnê', 'Ulied' (il-plural ta' 'bar'), Aramajk (בני). Fit-trażlitterazzjoni Griega din ġiet βοανη (boanê), b'vokali żejda. Wieħed jista' jiddeduċi minn dan, li t-trażlitterazzjoni Griega mhux ta' min joqgħod fuqha. It-tieni parti "rges", is-soltu jgħidu li hi 'rğaš' ('storbju') Aramajk (רגיש), jew 'rğaz' ('għadab') Aramajk (רגז). Però, Maurice Casey jirraġuna li dan sempliċiment żball fill-qari tal-kelma 'r`am' li tfisser "ragħad" (minħabba x-xebħ bejn l-m tal-aħħar u l-s). Dan tikkonfermah it-traduzzjoni Sirjaka tal-laqam bħala 'bnay ra`mâ'. Il-Peshitta tagħti "bnay rğešy," li taqbel ma kompożizzjoni tagħha ta' iżjed tard, imsejsa fuq qari Biżantin tat-test oriġinali bil-Grieg.
Kefas (Κηφας)
[immodifika | immodifika s-sors]Ġwanni 1:42
- U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: "Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa" - jew Pietru.
1 Korintin 1:12
- Irrid ngħid jien, li kull wieħed minnkom qiegħed jgħid,"Jiena ta' Pawlu?""U jiena ta' Apollo?" "U jiena ta' Kefa?" "U jiena ta' Kristu."
Galatin 1:18
- Imbagħad, tliet snin wara, tlajt Ġerusalemm inżur lil Kefa, u bqajt miegħu ħmistax-il ġurnata.
Dawn is-siltiet jagħtu 'Kefa' bħala l-laqam tal-appostlu li hu magħruf iżjed bħala Xmun Pietru. Bil-Grieg il-laqam ġie trażlitterat bħala Κηφᾶς (Kēphâs).
Isem l-appostlu kien Xmun u ngħata il-laqam bl-Aramajk, kêfâ, li tfisser 'blata'. L-s tal-aħħar ġiet miżjuda fil-Grieg biex tagħmel l-isem maskil u mhux femminil. Xi jfisser l-isem hu iżjed importanti milll-isem stess kif jidher ċar minn kief ġiet aċċettata universalment it-traduzzjoni Griega Πέτρος (Petros). Ma nafux għaliex Pawlu juża l-laqam bl-Aramajk minflok bil-Grieg meta jikteb lill-knejjes fil-Galatja u Korintu.[17] Għandu mnejn kien qiegħed jikteb qabel kulħadd beda jsejjaħlu Pietru. Skont Klement ta' Lixandra, kien hemm tnejn minn-nies jisimhom Kefas: wieħed kien l-appostlu Xmun Pietru, u l-ieħor wieħed mis-Sebgħin Dixxipli ta' Ġesù.[18] Klement ikompli jgħid li kien Kefas tas-Sebgħin li kiem ikkundannat minn Pawlu f'Galatin 2 għax ma kienx jiekol mal-Ġentili, imma forsi hawn Klement qiegħed jipprova jiddefletti l-kundanna minn fuq Xmun Pietru. Hi kif inhi, l-agument dwar ir-relazzjoni bejn Pawlu minn Tarsu u l-Ġudaiżmu (u kollox li jidħol fiha) għadu sejjer.
Bl-Aramajk tista' tkun כיפא.
Tumas (Θωμας)
[immodifika | immodifika s-sors]Ġwanni 11:16
- Tumas, imlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: "Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu."
Tumas Θωμᾶς (Thōmâs) hu mniżżel mad-dixxipli ta' Ġesù fl-erba' evanġelji u fl-Atti tal-Appostli. Però, l-evanġelju ta' Ġwanni biss jagħtina iżjed informazzjoni fuqu. Fi tliet postijiet (Ġwanni 11:16, 20:24 u 21:2) jingħata l-isem Didymos (Δίδυμος), li bil-Grieg tfisser "tewmi". Infatti, "it-Tewmi" hi traduzzjoni ta' "Thōmâs". Il-kelma Griega Θωμᾶς — Thōmâs — ġejja mil-Aramajk tômâ, "tewmi". Allura Thōmâs u Didymos it-tnejn ifissru t-Tewmi. Fit-tradizzjoni Nisranija Tumas għandu l-isem ta' Ġuda, u forsi ingħata l-laqam it-Tewmi biex ma jħalltuhx ma oħrajn tal-istess isem.
Bl-Aramajk tista' tkun תאומא.
Tabita (Ταβειθα)
[immodifika | immodifika s-sors]Atti 9:36
- F'Ġaffa kien hemm waħda mid-dixxipli jisimha Tabita, isem li jfisser Għażżiela; kienet mara tagħmel ħafna opri ta' karità u għemejjel tajba.
L-isem ta' din id-dixxiplu ingħata bl-Aramajk, Ταβειθα (Tabitha) u bil-Grieg, Δορκας (Dorkas). L-isem bl-Aramajk hu trażlitterazzjoni ta' Ţbîthâ, il-forma femminili ta' טביא (Ţabyâ).[19] It-tnejn ifissru 'għażżiela'.
Bl-Aramajk, tista' tkun טביתא.
Ismijiet ta' postijiet bl-Aramajk fit-Testment il-Ġdid
[immodifika | immodifika s-sors]Ġetsemani (Γεθσημανει)
[immodifika | immodifika s-sors]Mattew 26:36
- Imbagħad Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu wasal f'qasam, jgħidulu l-Ġetsemani.
Mark 14:32
- Waslu f'qasam jismu Ġetsemani
It-trażlitterazzjoni Griega tal-post fejn Ġesù mar mad-dixxipli tiegħu biex jitlob qabel ma ġie arrestat hi Γεθσημανει (Gethsēmani). Din tirrappreżenta l-Aramajk 'Gath-Šmânê', li tfisser 'magħsra taż-żejt'.
Bl-Aramajk tista tkun גת שמני.
Golgota (Γολγοθα)
[immodifika | immodifika s-sors]Mark 15:22
- U wassluh f'post jismu Golgota, li jfisser post il-Qorriegħa.
Ġwanni 19:17
- Ġesù rafa' s-salib u ħareġ lejn il-post imsejjaħ 'il-Qorriegħa', bil-Lhudi Golgota.
'Gûlgaltâ' bl-Aramajk tfisser 'Qorriegħa'. L-isem jidher fl-evanġelji kollha ħlief ta' San Luqa, li jgħidlu Kranion 'Qorriegħa' bil-Grieg mingħajr ekwivalenti semitiku. L-isem 'Kalvarju' ġej mill-Latin tal-Vulgata, Calvaria.
Bl-Aramajk tista tkun גולגלתא.
Gabbatà (Γαββαθα)
[immodifika | immodifika s-sors]Ġwanni 19:13
- Meta semagħhom jgħidu dan, Pilatu ġieb lil Ġesù barra u qiegħdu fuq sedja għolja, fil-post imsejjaħ Litòstrotos, bil-Lhudi Gabbatà.
Dan l-isem (Gabbatha) jidher li hu Aramajk. Skont Josephus, Il-gwerer Lhudin, Kapitlu V.ii.1, numru 51, il-kelma Gabath tfisser post għoli, allura forsi post ċatt għoli ħdejn it-tempju. L-"א" tal-aħħar tista' tirrappreżenta l-istat enfatiku tan-nom.
Bl-Aramajk tista tkun גבהתא.
Ħakeldama (Ακελδαμαχ)
[immodifika | immodifika s-sors]Atti 1:19
- In-nies kollha ta' Ġerusalemm saru jafu b'dan, u bdew isejjħu lil dik l-għalqa bl-ilsien tagħhom Ħakeldama, jiġifieri l-għalqa tad-demm.
L-isem bil-Grieg tal-post fejn miet Ġuda l-Iskarjota hu mogħti ċar, "l-Għalqa tad-Demm". Però fil-manuskritti l-Aramajk hu spellut b'bosta modi. It-Majority Text jagħti Ακελδαμα ([H]akeldama); manuskritti oħra jagħtu Αχελδαμα ([H]akheldama), Ακελδαιμα ([H]akeldaima), Ακελδαμακ ([H]akeldamak) u Ακελδαμαχ ([H]akeldamakh). Minkejja dawn l-ortografiji differenti l-Aramajk x'aktarx hu 'ḥqêl dmâ', 'għalqa tad-demm'. Il-ħoss Grieg "kh" [χ] f-aħħar tal-kelma qisu qiegħed għalxejn u diffiċli tispjegah, imma fis-Septwaġinta hemm dan l-istess ħoss magħdud fl-aħħar tal-isem semitiku Ben Sira fl-isem bil-Grieg tal-Ktieb ta' "Sirakh" (Latin: Sirach). Dan il-ħoss jista' jkun xi pekuljarità tad-djalett tal-Grieg jew tal-Aramajk.
Bl-Aramajk tista tkun חקל דמא.
Il-menqgħa ta' Betzata (βηθζαθα)
[immodifika | immodifika s-sors]Ġwanni 5:2
- F'Ġerusalemm, maġenb il-menqgħa tal-Bieb tan-Nagħaġ, hemm bini b'ħames loġoġ, li bil-Lhudi jgħidulu Betzata.
Bethzatha kien l-isem ta' menqgħa f'Ġerusalemm li kienet magħrufa wkoll bħala il-Menqgħa tan-Nagħaġ. L-isem bl-Aramajk ifisser "Dar tal-Grazzja". Hi assoċjata mal-fejqan u f'Ġwanni 5 hu rrakkontat li Ġesu fejjaq lil raġel ħdejn din il-menqgħa.
Bl-Aramajk tista tkun בית חסדא.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Allen C. Myers, ed. (1987). Aramaic, The Eerdmans Bible Dictionary. Grand Rapids, MI: William B. Eerdmans. p. 72. ISBN 0-8028-2402-1.
- ^ Sáenz-Badillos, Ángel; Elwolde, John (1996), A history of the Hebrew language, pp. 170–71.
- ^ Pereżempju Atti 21:40; 22:2; 26:14: têi hebraïdi dialéktôi, lit. 'fid-djalett Ebrajk'
- ^ Fitzmyer, Joseph A. A Wandering Armenian: Collected Aramaic Essays, p.43
- ^ The Cambridge History of Judaism: The late Roman-Rabbinic period, 2006. P.460
- ^ E.g. Geoffrey W.Bromley (ed.)The International Standard Bible Encyclopedia, W.B.Eeerdmans, Grand Rapids, Michigan 1979, 4 volumi. vol.1 sub.'Aramaic' p.233
- ^ Kutscher, E.Y.. (1976). Studies in Galilean Aramaic.
- ^ a b Greenspahn, Frederick E. 2003. An introduction to Aramaic. P.25
- ^ Fernández, Miguel Pérez and John Elwolde. 1999. An introductory grammar of rabbinic Hebrew. P.5
- ^ Fitzmyer, Joseph A. 1979. A Wandering Aramean: Collected Aramaic Essays. P.12
- ^ a b Davies, William D. and Dale C. Allison. 1997. Critical and Exegetical Commentary on the Gospel According to Saint Matthew. Volume III. P.624
- ^ Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? Bqajt 'il bogħod u ma salvajtnix, ma tajtx widen għall-għajjat tiegħi!
- ^ "Archive copy". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-04-19. Miġbur 2013-02-10.Manutenzjoni CS1: kopja arkivjata bħala titlu (link)
- ^ Williams P.J. 2004. The linguistic background to Jesus' Dereliction Cry. The New Testament in its first century setting (ed.Williams P.J., Andre D. Clarke et al.) P.7-8.
- ^ Brunson, Andrew. 2003. Psalm 118 in the Gospel of John: An Intertextual Study on the New Exodus Pattern in the Theology of John. P.204
- ^ Balz, Horst. Exegetical Dictionary of the New Testament, Vol. 3. P.509
- ^ Bauer's Lexicon: Gal 1:18; 2:9,11,14; 1Kor 1:12; 3:22; 9:5; 15:5; Klement 1 47:3 ukoll
- ^ Ewsebju, Storja tal-Knisja, Ktieb 1, Kapitlu 12, Paragrafu 2
- ^ The Comprehensive Aramaic Lexicon - Ara taħt "ṭbyʾ"