Aqbeż għall-kontentut

Karnival ta' Malta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Il-Karnival)
Il-Karnival fil-Belt Valletta

Il-Karnival ta' Malta huwa ċelebrazzjoni tradizzjoni li tinvolvi sensiela ta' attivitajiet li jsiru kull sena fil-ġranet immedjatament qabel il-bidu tar-Randan.

Jeżistu żewġ tifsiriet li jinterpretaw l-oriġini tal-kelma ‘karnival’ b’mod differenti u oppost. Iż-żewġ tifsiriet għandhom x’jaqsmu mas-sawm tar-Randan. L-ewwel verżjoni hi carne vale – jiġifieri ‘jiswa l-laħam’, l-oħra hi carne lievare, jiġifieri ‘jitwarrab il-laħam’. Il-Karnival kien ukoll marbut mal-Giovedì Gras u l-Martedì Gras, u dawn ukoll jirriferu għal ċerti ġranet meta l-laħam, u miegħu ikel x-xaħmi setgħu jittieklu liberament.  

Il-karnival jissemma għall-ewwel darba fi bliet Taljani, eżempju f’Milan, F’Venezja, f’Ruma u f’Napli tas-seklu tnax u tlettax. Mhux ta’ b’xejn allura li dan l-isem ġej mit-Taljan.  Wara xi żmien kien daħal ukoll it-tbaħrit li ħa aktar prominenza mill-ikel innifsu u li żgur li influwenzaw anki lill-Maltin fil-mod ta’ kif iġibu rwieħhom f’dawn iż-żminijiet.

Dokumenti tas-seklu 15 juru li fl-isptar ta’ Santu Spirtu, r-Rabat, fil-jiem tal-Karnival, il-morda kienu jingħataw ikel aktar rikk mis-soltu, l-aktar, laħam tal-vitella, ġobon u ħalib. Dan bħallikieku biex ipatti għal jiem ta’ astinenza li wieħed kellu josserva wara, fl-erbgħin jum tar-Randan.

Żmien l-Ordni ta' San Ġwann

[immodifika | immodifika s-sors]

Meta wasal l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, il-karnival ħa xejra aktar ta’ tbaħrit. Hu magħruf li fl-1535, il-Kavallieri kienu organizzaw u ħadu sehem f’tip ta’ lotta bix-xwabel fil-pjazza tal-Birgu. Kemm il-Kavallieri kif ukoll il-Maltin issa bdew jipparteċipaw b’mod spontanju u brijuż kif ukoll b’mod aktar organizzat. Jista’ jkun li l-kelma ‘parata’ ġejja minn dan it-tip ta’ ġlied finta, għax parare bit-Taljan tfisser tfendi, bħal meta ġellied ifendi bix-xabla biex ma jintlaqatx.

Waħda mill-okkażjonijiet tal-Karnival li baqgħu jissemmew kienet dik ta’ 1552, meta l-famuż Ammiral Andrea Doria waqaf Malta. Il-wasla ta’ Andrea Doria ħabtet mall-festi tal-Karnival u dan ra li kienet tkun ħaġa tajba li jħalli n-nies tiegħu jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoniet li kienu qed isiru f’Malta.  

Il-Granmastru Jean Parisot de Valette kien ta spinta lill-festeġġjamenti tal-karnival, meta ta l-permess li jintlibsu l-maskri fil-pubbliku. B’hekk, kemm il-kavallieri żgħażagħ kif ukoll ħafna Maltin sabuha inqas skomdu biex jipparteċipaw, mingħajr mistħija ta’ xejn.

Żmien l-Ingliżi

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-seklu tmientax, il-Karnival kompla fit-tradizzjoni tiegħu u matul l-isess seklu insibu bosta riferenzi għal dan l-avveniment fejn il-Maltin u anki l-Ingliżi kienu jitbaħartu biex igawdu dawn il-jiem ta’ ferħ qabel ma jibda żmien ir-Randan.

Nafu li l-Ingliżi kienu anki jagħmlu speċi ta’ ġostra (turnament) fi Pjazza San Ġorġ (illum Pjazza Repubblika), fejn kien jilbsu l-kurazzi li kienu jisselfu mill-Armerija fil-Palazz tal-Gvernatur u jirkbu ż-żwiemel biex jagħmlu ġlied finta bejniethom.

Fis-snin erbgħin tas-seklu dsatax, il-Lebaniż  Ax-Xidjaq li għex f’Malta għal madwar erbatax-il sena jgħid fil-kitba tiegħu li l-Maltin kienu jħobbu jipparteċipaw fil-Karnival lebsin b’kostumi strambi, bħal irġiel li jilbsu nisa kif ukoll nisa lebsin ta’ irġiel. Hu jgħid li hu ġieli kien mistieden biex jattendi l-ballu li kien jorganizza l-Gvernatur fil-Palazz.[1]  Aktar tard, il-Ballu tal-Karnival kien jorganizzah mhux biss il-Gvernatur ta’ Malta. Kien hemm entitajiet oħrajn, fosthom il-Casino Maltese u s-soċjeta tal-Borsa Del Commercio.[2]

Fl-1863, Ġan Anton Vassallo ppubblika ktejjeb li fih inkluda poeżija kemxejn umoristika, jisimha Sibt il-Karnival (1864). Fiha jsemmi diversi tipi ta’ kostumi li kienu jintlibsu fi żmienu. Ħafna kienu jilbsu ta’ suldati jew ta’ baħrin, imnebbħin mill-kwantità kbira ta’ suldati u baħrin Ingliżi li kienu jiġru mas-saqajn. Kien hemm oħrajn li jilbsu l-kostumi tal-arlekkini, ballerini, demonji u pulċinelli. Oħrajn kien jilbsu ta’ ‘Żepp u Grezz’ jew ta’ bdiewa. Imbagħad kien hemm minn jidlek wiċċu bil-faħam biex jidher qisu Tork. Oħrajn kienu jilbsu qishom avukati jew nutara.[3]

Maturin M. Ballou, kittieb Amerikan li ġie Malta fl-1887, josserva li fil-Karnival kien jipparteċipa kulħadd, kemm tal-popolin kif ukoll is-sinjuri. Il-karnival kien jibda l-Ħadd u jispiċċa t-Tlieta filgħaxija. Kien isir ħafna ttantar u tgarar tal-perlini l-aktar mill-karozzini u mill-gallariji. Jgħid ukoll li minħabba dan l-issuttar ma kinetx ħaġa rari li n-nies jiġu fl-idejn. Imbagħad wara dan kollu, l-għada tal-Karnival in-nies kienu jaqsmu bil-baħar biex imorru Ħaż-Żabbar biex jitolbu quddiem il-Madonna tal-Grazzja biex jinħafru dnubiethom.[4]

Il-Karnival fis-seklu Għoxrin

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-ewwel deċenni tas-seklu għoxrin, il-Karnival kien b’saħħtu ħafna kemm fil-Belt Valletta kif ukoll fl-ibliet tal-Kottonera. L-attivitajiet tal-Karnival kienu jkunu spontanju, xejn organizzat. Kull individwu jilbes kif ifettillu u jġib ruħu kif irid. Biss kien hemm ukoll il-Kumittivi, għaqdiet ta’ żeffiena li kienu jagħmlu ħafna provi bejniethom minn qabel biex dawn joħolqu spettaklu bi-żfin tagħhom. Herbert Ganado jgħid li fi żmienu l-aktar karattru l-aktar magħruf li kont tara fit-toroq kien dak tad-Domino, karattru li jirrapreżenta bniedem liebes mantel u li jgħatti wiċċu  b’maskra żgħira ma’ għajnejh.  Fil-karnival tat-Tlett Ibliet u fil-Belt kien ikun hemm ukoll baned tal-festa li kienu jagħtu pjaċir bid-daqq tagħhom lin -nies li kien  ikun hemm fit-toroq.[5]  

Fis-seklu għoxrin il-karozzini ddekorati kienu baqgħu popolari. Bosta kienu jirkbuhom biex imbagħad huma u għaddejjin, minnhom igaraw il-perlini għal fuq in-nies, u kien jidħku bit-tfal li kienu jiġru wara l-perlini, minn jaħtaf l-aktar. Ġieli anki bajd u tadam kienu jgaraw.

L-ewwel darba li kien organizzat il-Karnival fuq livell nazzjonali kien fl-1926, ħames snin wara li kien elett l-ewwel gvern awtonomu. Issa beda jsir programm li jibda’ bil-Parata’, dik iż-żifna li tfakkar fi żmien meta l-Kavallieri tal-Ordni kienu jikkumbattu l-Mislem Tork. Bdew anki jsiru id-defilé bil-karrijiet miġbuda, issa flok biż-żwiemel, mill-vetturi. Kien ikun hemm diversi kumpaniji li jagħmlu dan ix-xogħol, fosthom l-iskejjel kif ukoll il-partiti politiċi. Hawn bdiet is-satira fil-karnival għaliex meta karru kien jintrama b’dan l-iskop kienu jqiegħdu karattri tal-kartapesta biex iwaqqgħu l-avversarju għaċ-ċajt b’kull mod possibbli.  Dawn il-karrijiet satiriċi twaqqfu fl-1938. Biss reġgħu bdew xi ftit tas-snin ilu.[6]

Sal-1994, il-Karnival kien tista’ tgħid, organizzat minn żewġ entitajiet biss,mid-Dipartiment tal-Kultura il-Belt Valletta, u l-kumitat kulturali ta’ Għawdex fit-Tokk, ir-Rabat. Biss hekk kif inħolqu l-Kunsilli Lokali kien hemm u għad hemm bosta minn dawn li bdew jorganizzaw il-Karnival tagħhom. L-aktar wieħed popolari minn dawn hu l-Karnival tan-Nadur.  Ma dan hemm il-Karnival ta’ Ħal Għaxaq u oħrajn.

Il-Karnival baqa’ jsir bil-kbir, sal-2019. Imbagħad Malta ntlaqtet bil-Covid u waqaf kollox.

Il-Parata tiftaħ il-jiem ta' divertiment. Fl-antik din kienet issir is-Sibt. Fiha jkun hemm żewġ gruppi, grupp minnhom liebes ta’ Kavallieri u l-ieħor liebes ta’ Torok u dawn jibdew ġlieda bix-xwabel, naturalment iż-żifna tispiċċa bit-taparsi rebħa tal-Kavallieri. Fl-aħħar taż-żifna dawk lebsin ta’ Kavallieri jgħollu fuq l-idejn tifla bi stallett f’idha msejħa l-Għarusa li tirrappreżenta r-rebħa. Fi żmien il-Kavallieri, in- nies mill-irħula kien jmorru ħdejn il-Palazz il-Belt biex jitolbu l-permess tal-Gran Mastru biex jagħmlu l-Parata u biex jibda t-tbaħrit.

Kienu jdendlu ġebla mal-binja tal-Kastellanija fi Strada San Giacomo, illum magħrufa bħala Triq il-Merkanti u jibdew isawtu lil din il-ġebla, bħal sinjal li fit-tlett ijiem tal-Karnival ma kelliex tinżam id-dixxiplina severa tas-soltu mill-awtoritajiet.[7]

Kien hemm żmien fejn il-karnival kien ukoll okkażjoni ta’ protesta aktar milli ta’ ferħ.  Hekk insibu li fl-1639, meta kien Lascaris, il-Gran Mastru tal-Ordni, ipprojbixxa kemm il-kavallieri jipparteċipaw fil-karnival, kif ukoll li n-nisa jilbsu l-maskri.  Konsegwentament, qam storbju sħiħ u l-kavallieri ħaduha kontra dan il-Gran Mastru kif ukoll kontra l-Ġiżwiti, għaliex dawn kienu waqgħu taħt suspett li kienu huma li xewxu f’widnejn il-Gran Mastru biex joħroġ dan il-bandu.

Fl-1665, minkejja li l-Ordni kien qed iħejji biex jipprepara x-xwieni tiegħu biex jgħin lill-flotta biex iteħu sehem fil-gwerra ta’ Kandja, xorta waħda l-karnival ma kienx injorat. B’riżultat ta’ dan, l-Inkwiżitur kien kiteb lill-Papa u tkaża miegħu li l-Gran Mastru Cottoner kien qiegħed iħalli lill-kavallieri jinħlew fuq provi teatrali komiċi minflok jitħarrġu għall-gwerra.

Fis-seklu tmintax, il-Karnival kien ikun iċċelebrat b’mod grandjuż.  Fis-sena 1721, għall-ewwel darba saret il-kukkanja. Din kienet kompetizzjoni li fiha kwantità kbira ta’ nies jixxabbtu maz-zkuk ta’ siġra mibnija u mqegħda apposta, u li fuqha kien jitqiegħed ħafna ikel ta’ kull kwalità. Kulħadd kien ikun ħerqan biex jigranfa mas-siġra biex jaħtaf kemm jiflaħ l-ikel imdendel. Kemm-il darba il-parteċipanti kienu jweġġgħu u ġieli mietu n-nies.

Fi żmien il-Gran Mastru Pinto, kienu jintramgħu karrijiet iddekorati, u kalessi miġbuda miż-żwiemel. Fuq dawn kienu jsiru xeni umoristiċi, bħal per eżempju  nies jużżuffjettaw bħallikieku kienu karattri mitoloġiċi, jew inkella jagħmlu taparsi xi xena makabra biss fl-istess li ddaħħak.  Dawn il-karrijiet kienu jkunu akkumpanjati mid-daqq tat-trombi u ċimbli.  L-aktar li kien popolari u magħruf kien dak il-kaless li kienu jarmaw il-paġġi tal-Gran Mastru.

Fost dawn kien ikun hemm xi erba’ sodod b’daqstant morda u ‘t-tabib’, u ‘l-infermiera’ jduru magħhom bħallikieku qed iħejju għal xi operazzjoni.  Wara ftit il-’pazjent’ jitqatta’ biċċiet bħallikieku l-operazzjoni kienet tirrikjedi l-amputazzjoni. F’xena oħra kien ikun irreċċtat wkoll minn xi ħadd liebes ta’ nutar biex dan jagħmel il-kuntratt taż-żwieġ.  Fuq ras l-għarusa kienet titpoġġa statwa tal-ħelu għolja xi ħamest ixbar, magħrufa bħala l-qarċilla.[8]

Il-Karnival ta' Malta llum

[immodifika | immodifika s-sors]

Dan l-avveniment storiku għad għandu post importanti fuq il-kalendarju kulturali Malti.

Il-Karnival hu organizzat mid-Dipartiment tal-Kultura (Sezzjoni Festivals) kif ukoll minn entitajiet oħra. Dan jibda l-Ġimgħa u jibqa' sejjer sat-Tlieta filgħaxija, lejliet Ras ir-Randan. Waqt il-ġranet tal-karnival isiru bosta attivitajiet kemm dawk organizzati kif ukoll oħrajn spontanji. Dawn jistgħu jinkludu, sfilati ta' karrijiet, żfin u xalar fit-toroq. Hawn min ukoll jorganizza ballijiet bil-maskri u kostumi kemm għal kbar kif ukoll għat-tfal.

Ikel Tradizzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Prinjolata: Il-Prinjolata hija kejk tradizzjonali tal-Karnival. Huwa kejk miksi bil-krema u mimli biċ-ċikkulata, sponge, frott u ġewz. Il-Perlini: Huma ħelu żgħir li jkunu b’ħafna kuluri. Fl-antik il-maskarati kienu jwaddbu l-perlini lin-nies li jkunu qed jammirawhom fit-toroq.Din hija poeżija żgħira fuq il-perlini:

Maskarata tin perlina
Għax warajk għandek xadina
Minflok waħda tini tnejn
Għax tiddobba xi daqtejn.

Għalkemm il-karnival illum sar aktar fejn in-nies jixtru u jonfqu l-flus kif ukoll jagħmlu n-negozju u spettaklu turistiku jibqa’ festa folkloristika importanti ħafna li miegħu hemm marbutin tradizzjonjiet antiki li sfortunatament ħafna minnhom intesew.

Bibliografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Bois gelin Louise, Ancient and Modern Malta.
  • Borg Cardona Anna, ‘The Carnival Battitu or Parata in the Eighteenth Century', Treasures of Malta, No 62, Easter 2015, Vol XXI, No. 2.
  • Borg Cardona Anna, 'Carnival and the Power of Sound, Treasures of Malta, Number 59, Easter, 2014,Vol XX no. 2.
  • Cassar Carmel, Society, Culture and Identity in Early Modern Malta.
  • Cassar Pullicino, Studies in Maltese Folklore. University Press. 1992.
  • Cassar Pullicino Gużè, ‘17th Century Carnival Theatrics’, Air Malta Inflight Magazine.
  • Ciantar Philip, 'Carnival musicking and organett ensembles in Gozo', Philip Ciantar, The Sunday Times of Malta, 10th February 2002.
  • Camilleri J.C., ‘Il-Kukkanja, a carnival tradition’. Airmalta Inflight magazine.
  • Camilleri Joseph C, ‘The Għaxaq Carnival’, The Times of Malta.
  • Grech Christopher, ‘Carnival vignettes’ The Sunday Times of Malta, February 24, 2019.
  • Grech Christopher, ‘Carnival company’, The Sunday Times of Malta, March 3, 2019.
  • Grima Joseph F.,  ‘The Beginning of Carnival in Malta’, The Sunday Times of Malta, February 23, 2020.
  • Grima Joseph F., ‘Il-Bidu tal-Karnival f’Malta, Gwida.
  • De Piro Nicholas, 'Carnival and festivals in the times of the Knights', Malta This Month, February 2006.
  • Fenech Conrad, Dun Feliċ Demarco u l-Qarċilla fil-Karnival tal-1760. 2013.Testa Carmel, The Life and Times of Grand Master Pinto, 1741 - 1773.
  • Ganado Herbert, Rajt Malta Tinbidel, Vol I. 1997.
  • Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin. PIN. 2004.
  • Kilin, Fuq il-Għajn tal-Ħasselin. Buġelli Publications. 1993.
  • Mallia Fiona, Il-Kultura Maltija. Klabb Kotba Maltin. 2012.
  • Mallia Milanes Victor, Descrittione di Malta - Anno 1716.
  • Massa Ariadne, ‘When Senglea carnival was heart and soul of Maltese canrival’. Times of Malta. February 20, 1998.
  • Morana Martin, iL-baNDU TAL-kARNIVAL (1722 - 1725). L-Imnara, 2019, Vol. 11 nru 3, Ħarġa Nru   42.
  • Portelli Carmel, Tifkiriet (1934 - 2009), Gutenberg Press. 2010.
  1. ^ Cassar, Francis Xavier (traduttur) (1985). El-Wasita (Fi Magħrifat Aħwal Malta) (bil-Malti). Ċentru Kulturali Islamiku Malti.
  2. ^ Ganado, Herbert (1977). Rajt Malta Tinbidel (bil-Malti). Interprint (Malta).
  3. ^ Vassallo, Gian Anton (1863). Ħreiief u Ciait bil-Malti (bil-Malti).
  4. ^ Ballou, Maturin Murray (1893). The Story of Malta (bl-Ingliż). Houthon, Mifflin & co.
  5. ^ Ganado, Herbert (1977). Rajt Malta Tinbidel L-ewwel Ktieb (1900 - 1933) (bil-Malti). Interprint Ltd.
  6. ^ Ganado, Herbert (1977). RAjt Malt Tinbidel L-ewwel Ktieb (1900 - 1933) (bil-Malti). Interprint Ltd.
  7. ^ de Kerdu, Pierre-Marie-Louis de Boisgelin (1805). R. Phillips (ed.). Ancient and Modern Malta (Vol. 1-2: 6). p. 95.
  8. ^ Testa, Carmelo (1989). The Life and Times of Grand Master Pinto (bl-Ingliż). Midsea Books.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]

https://www.festivals.mt/karnival'

'Six Aspects of Malta's Carnival', https://www.independent.com.mt/articles/2021-02-14/local-news/Feature-Six-aspects-of-Malta-s-Carnival-6736231004

Carnival in Malta' https://vassallohistory.wordpress.com/carnival/

'Maltese Carnival History' https://www.ilovefood.com.mt/features/carnival/maltese-carnival-history/

'How The Maltese Made Merry', Martin Morana' https://kliemustorja.com/2021/04/29/how-the-maltese-made-merry-in-the-19th-century/

'Il-Bandu tal-Karnival 1722 - 1725',, Martin Morana https://kliemustorja.com/2021/02/12/il-bandu-tal-karnival-1722-1725/

'Malta Info Guide Carnival 2022 https://www.maltainfoguide.com/carnival-malta.html