Enrico Dandria
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Mons. Enrico Dandria (Valletta, 14 ta' Ġunju, 1892 - 3 ta' Lulju 1932) kien qassis, politiku, u patrijott Malti.
Studju
[immodifika | immodifika s-sors]Bin Alfredo Dandria u Raphaela, Enrico kien it-tielet iben minn familja ta’ tlettax. Fi ċkunitu attenda l-iskola St. Mary filwaqt li aktar tard attenda fl-Istituto San Paolo li kien twaqqaf u mmexxi minn nannuh Sigismondo Savona. Dandria issokta l-istudji tiegħu fis-seminarju veskovili u fl-Università ta’ Malta minn fejn iggradwa fid-dritt kanoniku u fit-teoloġija.
Aktar tard issokta l-istudji tiegħu f’Ruma, fl-Università Gregorjana, minn fejn kiseb id-dottorat fil-filosofija. Minkejja li saret pressjoni fuqu sabiex jibqa’ Ruma u jingħaqad fil-korp diplomatiku tal-Vatikan, Dandria ħass li postu kien f’Malta. Għalhekk, u kif kien wiegħed lill-Isqof Mawru Caruana, intefa’ b’ruħu u b’ġismu jaħdem fost iż-żgħażagħ.
Saċerdot
[immodifika | immodifika s-sors]Kien ordnat saċerdot nhar it-18 ta’ Settembru 1915 u qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu fil-Knisja ta’ San Ġakbu, fil-Belt Valletta.
Xahrejn wara li qaddes waqqaf ic-Circolo Foedus. Għal xi żmien kien ukoll il-President pro-tempore tiegħu. Aktar 'il quddiem, Dandria kien id-direttur tar-Rivista tal-istess Circolo.
F’Novembru 1920, flimkien ma’ saċerdoti oħra, waqqaf il-Gioventù Cattolica. Uħud mill-membri tiegħu spikkaw fil-politika, fl-arti, fl-iskultura, fl-isport, fil-kitba u f’għadd ta’ professjonijiet oħra.
L-Isqof Caruana ħatru l-mandatarju tiegħu bil-għan li tiġi mwaqqfa Federazzjoni tal-Għaqdiet tal-Ġuvintur Kattoliċi. Dan it-tentattiv kien iż-żerriegħa biex titwaqqaf l-Azzjoni Kattolika Maltija.
Edukatur u Ministru tal-Edukazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Bħala edukatur, Dun Nerik ħadem ħafna mat-tfal u ż-żgħażagħ tal-Belt Valletta. Kien ukoll għalliem brillanti tal-Ilsien Ingliż fl-Istituto San Paolo u fis-seminarju veskovili.
Kien konsulent fil-kumitat tal-edukazzjoni tal-Gvern Kolonjali u tal-ewwel Gvern Malti. Baqa’ jservi f’dan il-kumitat sakemm kien maħtur Ministru tal-Edukazzjoni fl-1923.
Kemm dam ministru, inbnew 10 skejjel ġodda mferrxa mad-distretti elettorali ta’ Malta. Skejjel li ma kinux aktar adattati nbidlu jew ġew rinnovati. Filwaqt li skejjel magħluqa taħt Gvern Kolonjali, bħal dawk ta’ Marsaxlokk u l-Birgu, ġew miftuħa mill-ġdid. B’hekk l-iffullar fl-iskejjel spiċċa.
Kif issolviet din il-problema, Dandria ressaq quddiem il-Parlament liġi, bl-isem tal-Compulsory Attendance Act, li kienet tobbliga lil dawk it-tfal li, ġaladarba jibdew jattendu l-iskola, iridu ikomplu l-kors kollu. Meta xi tfal kienu jfallu bl-addoċċ, il-ġenituri tagħhom kienu jitressqu l-qorti u kien hemm pieni ħorox lesti għalihom.
Fejn jidħlu l-għalliema, Monsinjur Dandria żied il-pagi u tejbilhom it-taħriġ tagħhom. Twaqqfu mill-ġdid il-korisijiet għall-għalliema kollha li xtaqu jiżvillupaw it-talenti edukattivi tagħhom. Dawn il-korisjiet inkoraġġew studenti li jidħlu f’din il-professjoni hekk kif itemmu l-istudji tagħhom. Kull sena, numru ta’ għalliema kienu jintbagħtu f'kulleġġi Kattolici fl-Ingilterra biex jitħarrġu fil-qasam edukattiv.
Dun Nerik introduċa d-dixxiplina fost l-għalliema u l-istudenti.
Fil-qasam tal-patrimonju u l-kultura, li kien jaqa’ taħt il-ministeru tiegħu, issuktaw jiġu skavati għadd ta’ postijiet storiċi. Wara każ li tressaq il-qorti dwar sfreġju fuq knisja fil-Belt tal-Patrijiet Frangiskani, il-liġi li tħares il-kultura, l-arti u l-patrimonju mhux biss ġiet emendata iżda wkoll saret waħda ġdida.
Mat-twaqqif tal-Assembleja Nazzjonali kienet saret sejħa għall-Għaqdiet kollha f’Malta sabiex jieħdu sehem fiha. Dandria weġibha din is-sejħa billi ppreżenta l-Għaqda Foedus fuq l-Assemblea. Aktar 'il quddiem ipparteċipa għan-nom tal-Gioventù Cattolica.
Politiku
[immodifika | immodifika s-sors]Insibuh preżenti fil-magħrufa laqgħa mqanqla fil-Belt Valletta tas-7 ta’ Ġunju 1919 fejn, fost l-irvellijiet kontra l-ħakma Ingliża f’Malta, inqatlu erba’ Maltin. Dun Nerik wera kuraġġ ta’ patrijott billi tħaddet ma’ uffiċjali Ingliżi u kkalma lill-folla rrabjata.
Wara l-għoti tas-Self Goverment fl-1921, Dandria ngħaqad mal-Unione Politica Maltese (UPM) taħt it-tmexxija ta’ Monsinjur Panzavecchia u anki ta' diversi qassisin. Meta fl-1926 żewġ partiti ngħaqdu taħt l-isem Partito Nazionale, Moninsjur Dandria kien kandidat għal dan il-partit.
Fl-erba’ elezzjonijiet li kkontesta, naraw li bejn l-1921 u l-1927 kien membru u Ministru tal-Gvern.
Mill-1927 sal-1932 kien fl-oppożizzjoni filwaqt li kien elett fl-1932.
Fl-1931, Monsinjur Dandria mar l-Ingilterra biex ifisser lill-Gvern Ingliż u lill-ġurnalisti s-sitwazzjoni ta’ Malta. Tul it-tliet xhur li dam hemm kiteb ktieb bit-titlu "The Malta Crisis". B’riżultat ta’ dan kollu, il-Gvern Ingliż kien bagħat kummissjoni rjali biex tinvestiga x’kien qed jiġri. Minkejja l-marda tiegħu, Dun Nerik iltaqa’ magħhom.
Mard u Mewt
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-kampanja elettorali, Monsinjur Dandria baqa’ jitkellem fil-manifestazzjoni tal-massa sakemm saħħtu ħallietu. F’Mejju tal-1932 intbagħat għall-kura fl-Italja. Għalhekk baqa’ għand il-Patrijiet Ġiżwiti f’Bagheria, viċin Palermo.
F’dik l-elezzjoni, Dandria ġie elett għall-Assemblea Leġislattiva u anki għas-Senat. Ingħata l-ġurament ta’ Ministru tal-Edukazzjoni imma qatt ma serva l-għaliex nhar it-3 ta’ Lulju 1932 miet.
Monsinjur Dandria kellu funeral kbir. Jibqa’ jissemma’ mhux biss bħala politiku imma wkoll għall-imħabba kbira li kellu lejn il-fqar. Dandria kien predikatur prim bl-Ilsien Malti, Ingliż u Taljan fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Ġie midfun fil-Kattidral tal-Imdina, li tiegħu kien Monsinjur.