Doreen Micallef

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Din hija reviżjoni antika ta' din il-paġna, hekk kif ġiet modifikata minn ChoumX (diskussjoni | kontribuzzjonijiet) nhar 11:52, 6 Awwissu 2014. Din tista' tvarja mir-reviżjoni attwali.
Doreen Micallef bil-korteżija tal-Akkademja tal-Malti

Doreen Micallef (31 ta' Mejju 1949 – 1 ta' Diċembru 2001) kienet poetessa Maltija.

Tfulija u Żgħożija

Kienet l-unika bint ta’ Ġeraldu u Ġorgina mwielda Borg. Ħadet l-edukazzjoni tagħha fl-Iskola Primarja u Sekondarja tal-Gvern u kompliet tavvanza l-istudji tagħha fil-Malti, il-Letteratura u l-Arti. Hija kisbet diploma fil-Filosofija Klassika u Kontemporanja u fl-Istorja tal-Letteratura, fejn kienet ippreżentat teżi dwar il-ħidma xjentifika fil-filosofija ta’ Theilhard de Chardin. Studjat ukoll il-Ħsieb Politiku.

Il-Moviment Qawmien Letterarju

Is-snin sittin kienu epoka li ġabet rivoluzzjoni sħiħa fil-ħsieb ħieles. Iż-żgħażagħ taż-żmien riedu juru li l-kreattività tagħhom ma kellhiex tkun maħnuqa mir-riġidità tradizzjonali, u kultant diskriminatorja. Madwar id-dinja kien hawn movimenti ribelli li riedu jibdlu wiċċ id-dinja u l-mod kif id-dinja taħseb. Kien żmien il-Beatniks, il-Hippies u l-Flower Power. F’pajjiżna, dan ir-rinaxximent modern tal-ħsieb, ħeġġeġ lill-kittieba żgħażagħ li filwaqt li jimirhu f’metodi ħielsa, permezz tal-Moviment Qawmien Letterarju, ikomplu jagħtu spinta lill-Ilsien Malti li kien għadu meqjus minn ħafna bħala sekondarju.Fost il-ħafna żgħażagħ kittieba maskili f’dan il-Moviment kien hemm xebba waħda, Doreen Micallef.

Il-Moviment Qawmien Letterarju tas-snin sittin ġab taqliba sħiħa fil-letteratura tagħna. Mhux il-kittieba stabbiliti kollha aċċettaw din il-bixra ġdida. Mhux kulħadd seta’ jniżżilha li poeżija tinkiteb fi stil li mhux tradizzjonali. U fi żmien meta l-mara ftit kont issibha f’oqsma pubbliċi, leħen Doreen favur il-vers ħieles kien sinifikanti aktar. Doreen kienet l-ewwel poetessa ta’ pajjiżna li kitbet il-vers ħieles. Kienet ukoll l-unika kittieba femminili fil-Moviment Qawmien Letterarju.

Minkejja kollox, qatt ma ddejqet tkun kontroversjali sakemm kienet konvinta mir-raġunijiet tagħha. Darba kien hemm lejla letterarja organizzata mill-istess moviment u fost iż-żgħażagħ kienu attendew ukoll poeti stabbiliti bħal Ġużè Cardona, Anton Buttigieg u Ġużè Aquilina. Deher ċar li kien hemm antagonizmu bejn min kien favur jew kontra l-vers ħieles. Micallef tkellmet ukoll u nsistiet favur il-vers ħieles u affrontat lil kull min ma qabilx magħha. Saħqet li bħalma kien qiegħed jiġri universalment fil-ħelsien kemm tal-ħsieb kif ukoll tal-mod kif jinkiteb, Malta, bħala nazzjon parti mid-dinja, kellha dritt ukoll li tgħaddi minn din il-bidla.

Doreen Micallef kienet tikteb dwar il-letteratura f’Il-Berqa u fost il-ħafna drabi li dehru poeżiji tagħha ppubblikati f’ġurnali jew f’antoloġiji, kienet ħarġet tliet kotba poetiċi li huma Fit-Triq ta’ l-Empirew (1975), De Profundis (1979) u Kyrie (1980). F’kull wieħed minn dawn il-kotba dejjem kien hemm daħla analitika minn Oliver Friggieri. Kellha wkoll xogħlijiet li ġew ippubblikati fl-Ingilterra u fl-Istati Uniti.

Kienet tikteb ukoll id-drammi. Kienet rebħet l-Istilla tad-Deheb organizzata mir-Rediffusion għall-aqwa dramm tas-sena tliet darbiet. Dawn kienu fis-snin 1969, 1970 u 1973. Fl-1972 kienet ħarġet damma ta’ sitt drammi bl-isem ta’ Wiċċ imb’wiċċ u drammi oħra. Għadd ta’ drammi tagħha ttellgħu fit-Teatru Manoel jew fuq il-mezzi tax-xandir. Kienet kitbet ukoll Maqam li ġie mmuzikat minn Charles Camilleri. Iżda l-akbar ħabib u idolu li kellha fil-qasam teatrali kien Francis Ebejer.

Ħajja Personali

Meta mietu ommha u missierha, Doreen spiċċat tgħix waħedha f’appartament fi Triq Sant Andrija fil-Belt. Dan il-fatt kien nikkitha ħafna. Il-ġenituri tagħha mietu t-tnejn fl-istess xahar ta’ Frar:

u dlam u riħ u kesħa u telf u baħħ u mrar fi frar ħriġna fid-dlam
u ntlifna żewġ ombri suwed fil-lejl
il-lejl inġazzat u riefnu il-lejl mistmerr tal-kesħa ta’ frar ħriġna fid-dlam u ħrabna
żewġ ombri suwed fil-lejl ostaġġi tal-lejl u s-sikta fil-kesħa,
fir-rezha tal-lejl qattret demgħa waħda…
li kitbet storja dmugħ
il-lejla l-kwiekeb jibku
il-lejla reġa’ frar

Minkejja s-solitudni ta’ bniedma introverta għall-aħħar, mara li qatt ma kienet fiżikament b’saħħitha, kienet tħobb tissoċjalizza wkoll, iżda dejjem b’xi suġġett profond għad-diskussjoni u b’saħħa mentali enormi. Kienet bniedma li tistaqsi ħafna u kultant iġġibek fid-dubju jekk hix tagħtik tagħrif jew inkella hix qiegħda tagħmel mistoqsija. Is-suġġetti tagħha kienu dejjem imsaħħin b’argument filosofiku qawwi, l-aktar dwar l-Ilsien Malti, il-qawwa fil-kelma Maltija u b’mod partikulari l-poeżija.

Għaliha l-poeżija kienet il-bidu u t-tmiem. Kienet tgħid li “l-poeżija hija r-ruħ, u kull bniedem li għandu ruħ ġo fih għandu wkoll il-poeżija.” Kienet titkellem u taħseb bi stil proza-poetiku. Is-sentimentalizmu, ribelljoni, qilla, rabja u determinazzjoni kienet tinsiġhom f’versi poetiċi ġo moħħha. Jekk imbagħad kienet tkun fil-burdata kienet tiktibhom, jekk le kienet tħallihom itiru mar-riħ. Araha dejjem itterraq fis-solitudni tat-toroq tal-Belt Valletta. Għexet hajja fqira, kwieta u umli msejsa fuq it-twemmin tagħha.

jien ma nemminx li jien u int u l-bnedmin kollha ġejna mix-xejn għalxejn…

Forsi l-akbar ħbieb li kellha kienu l-qtates. Kienet tħobb lill-annimali kollha, iżda speċjalment lill-qtates. Jekk kien ikollha lira kienet tippreferi tibqa’ bil-ġuħ hi, iżda qatt ma tfalli milli tixtri l-ikel għal grupp ta’ qtates fil-viċinanza ta’ fejn kienet tgħix.

Doreen kienet tinteressa ruħha ħafna fl-astroloġija. Kienet taf taqra l-karattru ta’ dak li jkun anke skond id-data tat-twelid, speċjalment f’dik li hi astroloġija Ċiniża.

Kienet tħobb ħafna l-mużika ta’ The Beatles u gruppi oħrajn ta’ żmienha. Fil-fatt kellha poeżija minnhom li semmietha Eleanor Rigby, isem ta’ kanzunetta ta’ Lennon/McCartney.

Mewt

Doreen Micallef mietet nhar l-1 ta’ Diċembru 2001 fl-età ta’ 52 sena.

Kienu saru sforzi minn Frans Galea mal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex fl-appartament fejn kienet tgħix fil-Belt isir mużew ċkejken dwar il-poetessa f’kamra minnhom, u l-bqija jsir is-sede tal-Akkademja tal-Malti. F’din il-ħidma kien għen ukoll Mario Azzopardi iżda sa llum kollox għadu kif kien.